Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Gwidati bl-Ispirtu t’Alla fl-Ewwel Seklu u Llum

Gwidati bl-Ispirtu t’Alla fl-Ewwel Seklu u Llum

“Dawn il-​ħidmiet kollha jwettaqhom l-​istess spirtu wieħed.”—1 KOR. 12:11.

1. Liema punti se nikkunsidraw f’dan l-​istudju?

 PENTEKOSTE. Kemm ġrajjiet eċċitanti jiġu f’moħħna b’din il-​kelma! (Atti 2:1-​4) It-​tferrigħ tal-​ispirtu qaddis f’din l-​okkażjoni fl-​ewwel seklu mmarka bidla sinifikanti fil-​mod kif Alla jaġixxi mal-​qaddejja tiegħu. Fl-​artiklu taʼ qabel dan, aħna kkunsidrajna ftit mill-​modi kif l-​ispirtu t’Alla għen lil uħud leali tal-​qedem biex iwettqu inkarigi diffiċli u speċifiċi. Imma x’inhi d-​differenza bejn il-​mod kif l-​ispirtu t’Alla ħadem fi żminijiet qabel il-​Kristjanità u l-​mod kif ħadem fl-​ewwel seklu? U l-​Kristjani kif jibbenefikaw mill-​gwida tal-​ispirtu qaddis t’Alla llum? Ejja naraw.

“Ara! L-​Ilsira taʼ Ġeħova!”

2. Marija kif kienet rat l-​effett tal-​ispirtu qaddis?

2 Marija kienet preżenti f’dik il-​kamra taʼ fuq kbira f’Ġerusalemm meta tferraʼ l-​ispirtu qaddis imwiegħed. (Atti 1:13, 14) Madankollu, għal iktar minn tletin sena qabel din il-​ġrajja, hi kienet rat l-​effett tal-​ispirtu taʼ Ġeħova b’modi straordinarji. Ġeħova kien ittrasferixxa l-​ħajja taʼ Ibnu mis-​sema għall-​art u uża l-​ispirtu Tiegħu biex Marija tqalet għalkemm kienet għadha verġni. Dak li tnissel fiha kien “mill-​ispirtu qaddis.”—Mt. 1:20.

3, 4. Liema attitudni wriet Marija, u kif nistgħu nimitawha?

3 Marija għala ġiet favorita b’dan il-​privileġġ liema bħalu? Wara li l-​anġlu spjega r-​rieda taʼ Ġeħova għaliha, Marija qalet: “Ara! L-​ilsira taʼ Ġeħova! Ħa jsir minni skond dak li għedt.” (Lq. 1:38) B’dak li qalet, Marija wriet attitudni fil-​qalb li Alla kien innota diġà. It-​tweġiba pronta tagħha tindika li kienet lesta li taċċetta r-​rieda tiegħu fil-​kwistjoni. Ma qajmet l-​ebda mistoqsija dwar kif in-​nies fil-​komunità kienu se jqisu t-​tqala tagħha jew liema effett setgħet tħalli fuq ir-​relazzjoni li kellha mal-​għarus tagħha. Billi rreferiet għaliha nfisha bħala l-​inqas waħda mill-​qaddejja, Marija wriet li kienet tafda kompletament f’Ġeħova bħala s-​Sid tagħha.

4 Ġieli ħassejtek bħal mgħobbi żżejjed bi sfidi jew responsabbiltajiet fis-​servizz t’Alla? Kull wieħed u waħda minna jagħmel sew jekk jistaqsi lilu nnifsu: ‘Nafda jien kompletament f’Ġeħova biex jieħu ħsieb l-​affarijiet fi qbil mar-​rieda tiegħu? Nuri li verament irrid nagħmel ix-​xogħol li Ġeħova jridni nagħmel?’ Tistaʼ tkun ċert li Alla jagħti l-​ispirtu tiegħu lil dawk li jafdaw fih b’qalb sħiħa u jobduh bħala l-​Ħakkiem.—Atti 5:32.

L-​Ispirtu Qaddis Għen lil Pietru

5. B’liema modi Pietru kien ra l-​ħidma tal-​ispirtu qaddis qabel Pentekoste tas-​sena 33 E.K.?

5 Bħal Marija, l-​appostlu Pietru kien esperjenza personalment il-​ħidma b’saħħitha tal-​ispirtu qaddis t’Alla qabel Pentekoste tas-​sena 33 E.K. Ġesù kien ta lilu u lill-​appostli l-​oħra awtorità biex ikeċċu x-​xjaten. (Mk. 3:14-​16) U għalkemm l-​Iskrittura ma tagħtix ħafna dettalji, jidher li x’aktarx Pietru uża din l-​awtorità. Il-​qawwa t’Alla ġiet murija wkoll meta Ġesù stieden lil Pietru biex jimxi lejh fuq il-​Baħar tal-​Galilija, u Pietru hekk għamel. (Aqra Mattew 14:25-​29.) Ovvjament, Pietru straħ fuq l-​ispirtu qaddis biex jgħinu jagħmel atti setgħanin. Dalwaqt, dak l-​ispirtu kien se jopera fuq Pietru u d-​dixxipli sħabu b’modi ġodda.

6. Permezz tal-​ispirtu t’Alla, x’setaʼ jagħmel Pietru waqt u wara Pentekoste tas-​sena 33 E.K.?

6 Fil-​Festa taʼ Pentekoste tas-​sena 33 E.K., Pietru u oħrajn ngħataw l-​abbiltà mirakoluża biex jikkomunikaw bil-​lingwi mitkellmin minn dawk li ġew iżuru Ġerusalemm. Wara dan, Pietru ħa t-​tmexxija f’li jkellem lill-​folla. (Atti 2:14-​36) Iva, dan ir-​raġel li kultant kien ikun beżgħan jew jaġixxi bla ma jaħsibha kien mimli bil-​kuraġġ biex jagħti xhieda bil-​qlubija minkejja theddid u persekuzzjoni. (Atti 4:18-​20, 31) Hu ħa l-​għarfien permezz taʼ rivelazzjoni divina. (Atti 5:8, 9) U saħansitra ngħata l-​qawwa biex iqajjem lil xi ħadd mill-​mewt.—Atti 9:40.

7. Liema tagħlim taʼ Ġesù kien mifhum minn Pietru wara li kien midluk?

7 Anke qabel Pentekoste, Pietru ħa s-​sens taʼ ħafna veritajiet milli għallem Ġesù. (Mt. 16:16, 17; Ġw. 6:68) Imma kien hemm aspetti mit-​tagħlim taʼ Ġesù li baqgħu mhux mifhumin minnu qabel Pentekoste. Pereżempju, Pietru ma fehemx li Kristu kellu jirxoxta bħala spirtu fit-​tielet jum; u lanqas ma kien fehem li s-​Saltna kellha tkun fis-​sema. (Ġw. 20:6-​10; Atti 1:6) Il-​konċett li bnedmin kellhom isiru ħlejjaq spirti u jaħkmu minn Saltna tas-​sema kien xi ħaġa stramba għal Pietru. Kien biss wara li hu nnifsu kien midluk bl-​ispirtu qaddis f’Pentekoste u ġie magħżul għal ħajja fis-​sema li setaʼ jifhem dan it-​tagħlim taʼ Ġesù.

8. Liema għarfien għandhom disponibbli kemm il-​midlukin u kemm in-​“nagħaġ oħrajn”?

8 Wara t-​tferrigħ tal-​ispirtu qaddis, id-​dixxipli taʼ Ġesù kellhom dehen li qabel ma kellhomx. B’ispirazzjoni, il-​kittieba tal-​Iskrittura Griega Kristjana spjegaw—għall-​benefiċċju tagħna—veritajiet tal-​għaġeb dwar l-​iskop taʼ Ġeħova. (Efes. 3:8-​11, 18) Illum, kemm dawk midlukin bl-​ispirtu u kemm dawk min-​“nagħaġ oħrajn” jieħdu l-​ikel spiritwali flimkien u jifhmu dawn l-​istess veritajiet. (Ġw. 10:16) Tgħożż int l-​għarfien u l-​fehma tal-​Kelma t’Alla li l-​ispirtu qaddis jagħmel disponibbli għalik?

Pawlu Sar “Mimli bl-​Ispirtu Qaddis”

9. X’kien kapaċi jwettaq Pawlu permezz tal-​ispirtu qaddis?

9 Madwar sena wara Pentekoste tas-​sena 33 E.K., xi ħadd ieħor irċieva l-​għotja t’Alla tal-​ispirtu qaddis. Dan kien Sawl, li sar magħruf bħala Pawlu. L-​ispirtu ħadem fuqu b’modi li huma taʼ benefiċċju għalina llum. L-​appostlu Pawlu kien imnebbaħ biex jikteb 14-​il ktieb tal-​Bibbja. U bħalma kien fil-​każ taʼ Pietru, l-​ispirtu t’Alla għen lil Pawlu jifhem u jikteb biċ-​ċar dwar it-​tama tal-​immortalità u n-​nuqqas taʼ taħsir fis-​smewwiet. Permezz tal-​ispirtu qaddis, Pawlu fejjaq lin-​nies, keċċa d-​demonji, u saħansitra qajjem lill-​mejtin! Madankollu, il-​qawwa mogħtija permezz tal-​ispirtu qaddis kellha skop iktar importanti, wieħed li l-​qaddejja kollha t’Alla llum jesperjenzaw, iżda mhux b’mod mirakoluż.

10. L-​ispirtu qaddis kif effettwa l-​abbiltà taʼ Pawlu biex jitkellem?

10 Pawlu, li kien “mimli bl-​ispirtu qaddis,” tkellem bil-​qlubija kontra saħħar. Dan ħalla effett kbir fuq l-​amministratur ewlieni taʼ Ċipru, li kien qed jismaʼ l-​konversazzjoni kollha! Dan il-​prokonslu aċċetta l-​verità, “għax baqaʼ mgħaġġeb bit-​tagħlim taʼ Ġeħova.” (Atti 13:8-​12) Biċ-​ċar, Pawlu kien jaf tajjeb bl-​importanza tal-​ispirtu qaddis t’Alla meta niġu biex nitkellmu l-​verità. (Mt. 10:20) Iktar tard hu talab bil-​ħerqa lill-​kongregazzjoni f’Efesu biex jitolbu għalih biex hekk ‘l-​abbiltà li jitkellem’ tingħatalu.—Efes. 6:18-​20.

11. Pawlu kif kien gwidat bl-​ispirtu t’Alla?

11 L-​ispirtu qaddis għen lil Pawlu jitkellem, imma kultant ma ħalliehx jitkellem f’ċerti postijiet. Hekk kif beda l-​vjaġġi missjunarji tiegħu, Pawlu kien gwidat bl-​ispirtu t’Alla. (Atti 13:2; aqra Atti 16:6-​10.) Ġeħova xorta għadu jiggwida x-​xogħol tal-​ippritkar permezz tal-​ispirtu tiegħu. Bħal Pawlu, il-​qaddejja ubbidjenti kollha taʼ Ġeħova jirsistu biex jiddikjaraw il-​verità bil-​qlubija u biż-​żelu. Għalkemm id-​direzzjoni t’Alla mhix ovvja llum daqs kemm kienet fi żmien Pawlu, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova qed juża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex jaċċerta li dawk li jistħoqqilhom jisimgħu l-​verità.—Ġw. 6:44.

“Ħidmiet Differenti”

12-14. Jaħdem l-​ispirtu t’Alla fuq il-​qaddejja kollha tiegħu bl-​istess mod? Spjega.

12 Fihom inkuraġġiment biżżejjed għall-​qaddejja dedikati t’Alla llum ir-​rakkonti tal-​barka taʼ Ġeħova fuq il-​kongregazzjoni tal-​midlukin tal-​ewwel seklu? Bla dubju! Żomm f’moħħok il-​kliem imnebbaħ taʼ Pawlu lill-​kongregazzjoni f’Korintu dwar l-​għotjiet mirakolużi tal-​ispirtu fi żmienu: “Issa hemm għotjiet differenti, imma l-​istess spirtu; u hemm ministeri differenti, iżda l-​istess Mulej; u hemm ħidmiet differenti, iżda l-​istess Alla li jwettaq il-​ħidmiet kollha f’kulħadd.” (1 Kor. 12:4-​6, 11) Iva, l-​ispirtu qaddis jistaʼ jaħdem b’modi differenti fuq qaddejja differenti t’Alla għal xi skop. Tabilħaqq, l-​ispirtu qaddis jiggwida kemm lill-​“merħla żgħira” taʼ Kristu u kemm lin-​“nagħaġ oħrajn” tiegħu. (Lq. 12:32; Ġw. 10:16) Iżda, ma jaħdimx dejjem bl-​istess mod fuq kull membru tal-​kongregazzjoni.

13 Pereżempju, l-​anzjani jinħatru permezz tal-​ispirtu qaddis. (Atti 20:28) Iżda mhux il-​midlukin kollha bl-​ispirtu jaqdu bħala indokraturi fil-​kongregazzjoni. X’għandna nikkonkludu minn dan? Sempliċement li l-​ispirtu t’Alla jaħdem b’modi differenti fuq il-​membri tal-​kongregazzjoni.

14 L-​ispirtu li jaċċerta lill-​midlukin li huma adottati bħala wlied Alla huwa l-​istess spirtu li Ġeħova uża biex iqajjem lil Ġesù għal ħajja fis-​sema. (Aqra Rumani 8:11, 15.) Huwa l-​istess spirtu li permezz tiegħu Ġeħova ħalaq l-​univers kollu. (Ġen. 1:1-​3) Permezz taʼ dan l-​istess spirtu qaddis, Ġeħova kkwalifika lil Besalel għal xogħol speċjali għat-​tabernaklu, ta l-​qawwa lil Sansun biex iwettaq għemejjel li kienu jeħtieġu saħħa straordinarja, u għen lil Pietru jimxi fuq l-​ilma. Mela, ejja ma nħalltux il-​fatt li jkollna l-​ispirtu t’Alla maʼ li wieħed ikun midluk bl-​ispirtu t’Alla. Dan li semmejna l-​aħħar hu biss ħidma speċjali waħda tal-​ispirtu. Id-​dlik tal-​ispirtu jiddependi mill-​għażla t’Alla.

15. Il-​magħmudija bl-​ispirtu qaddis se tkompli sejra għal dejjem? Spjega.

15 Il-​forza attiva qaddisa t’Alla ilha taħdem b’modi differenti fuq il-​qaddejja leali tiegħu għal kemm ilu jkollu qaddejja leali, iva, għal eluf taʼ snin qabel beda d-​dlik bl-​ispirtu. F’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. bdiet din il-​ħidma ġdida, iżda mhix se tkompli għal dejjem. Il-​magħmudija bl-​ispirtu għad tispiċċa, imma l-​ispirtu qaddis se jkompli jaħdem fuq il-​poplu t’Alla sabiex ikunu jistgħu jagħmlu r-​rieda tiegħu għall-​eternità kollha.

16. X’qed jagħmlu issa l-​qaddejja t’Alla permezz tal-​ispirtu tiegħu?

16 X’qiegħed isir b’mod partikulari issa fuq l-​art permezz tal-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova? Rivelazzjoni 22:17 iwieġeb: “L-​ispirtu u l-​għarusa jibqgħu jgħidu: ‘Ejja!’ U kulmin jismaʼ ħa jgħid: ‘Ejja!’ U kulmin hu bil-​għatx ħa jiġi; u kulmin jixtieq ħa jieħu l-​ilma tal-​ħajja b’xejn.” Imqanqlin bl-​ispirtu t’Alla, il-​Kristjani llum jestendu l-​istedina taʼ Ġeħova li tagħti l-​ħajja lil “kulmin jixtieq” biex jaċċetta l-​ilma tal-​ħajja. Il-​Kristjani midlukin qed jieħdu t-​tmexxija f’li jagħmlu dan. Madankollu, dawk min-​nagħaġ oħrajn jingħaqdu magħhom f’li jestendu din l-​istedina. Iż-​żewġ klassijiet jikkooperaw mal-​istess spirtu qaddis biex iwettqu dan ix-​xogħol. Dawk miż-​żewġ klassijiet issimbolizzaw id-​dedikazzjoni tagħhom lil Ġeħova bil-​magħmudija “fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​ispirtu qaddis.” (Mt. 28:19) U lkoll kemm huma jċedu għall-​ħidma tal-​ispirtu t’Alla f’ħajjithom u jħalluh inissel fihom il-​frott tiegħu. (Gal. 5:22, 23) In-​nagħaġ oħrajn, bħall-​midlukin, iħallu lill-​ispirtu t’Alla jgħinhom. Bl-​għajnuna tiegħu, huma jagħmlu l-​aħjar tagħhom biex jilħqu l-​livell taʼ qdusija meħtieġ minn Ġeħova.—2 Kor. 7:1; Riv. 7:9, 14.

Ibqaʼ Itlob għall-​Ispirtu Qaddis

17. Kif nistgħu nuru li għandna l-​ispirtu t’Alla?

17 Mela, kemm jekk it-​tama tiegħek mogħtija minn Alla taʼ ħajja taʼ dejjem hi għas-​sema jew għall-​art, Ġeħova jistaʼ jagħtik “qawwa iktar min-​normal” sabiex iżżomm l-​integrità tiegħek u tieħu l-​premju tiegħek. (2 Kor. 4:7) It-​tkomplija tiegħek tal-​ippritkar tas-​Saltna tistaʼ ġġib twaqqigħ għaċ-​ċajt. Iżda ftakar li ‘jekk qed jgħajruk minħabba isem Kristu, hieni int, għax l-​ispirtu tal-​glorja, iva, l-​ispirtu t’Alla, qed jistrieħ fuqek.’—1 Pt. 4:14.

18, 19. Ġeħova kif se jgħinek permezz tal-​ispirtu qaddis tiegħu, u x’inhi d-​determinazzjoni tiegħek f’dan?

18 L-​ispirtu qaddis hu l-​għotja b’xejn mingħand Alla lil dawk li jitolbu għalih sinċerament. Jistaʼ jtejjeb mhux biss l-​abbiltajiet tiegħek imma wkoll ix-​xewqa tiegħek biex tagħmel l-​aħjar li tistaʼ fis-​servizz tiegħu. “Alla hu dak li, għax hekk għoġbu, qed jaħdem fikom kemm biex ikollkom ir-​rieda u kemm biex taġixxu.” L-​għotja prezzjuża tal-​ispirtu qaddis, flimkien mal-​isforzi ħabrieka tagħna biex inżommu “qabda soda mal-​kelma tal-​ħajja,” se tħallina ‘nibqgħu nwettqu s-​salvazzjoni tagħna bil-​biżaʼ u t-​tregħid.’—Flp. 2:12, 13, 16.

19 Mela, b’fiduċja sħiħa fl-​ispirtu t’Alla, idħol b’ruħek u b’ġismek għal kull inkarigu li tingħata, sir effiċjenti fih, u strieħ fuq Ġeħova għall-​għajnuna. (Ġak. 1:5) Hu se jagħtik dak li għandek bżonn biex tifhem Kelmtu, tkampa mal-​problemi tal-​ħajja, u tipprietka l-​aħbar tajba. “Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u ssibu; ibqgħu ħabbtu, u jinfetħilkom,” u dan jinkludi li jingħatalkom l-​ispirtu qaddis. (Lq. 11:9, 13) Tabilħaqq, ibqaʼ itlob bil-​ħerqa lil Ġeħova biex hekk tkun bħall-​uħud leali—kemm tal-​qedem kif ukoll tal-​preżent—li kienu gwidati bl-​ispirtu qaddis t’Alla.

Tistaʼ Tispjega?

• Bħal Marija, liema attitudni li ġġib barkiet nistgħu nuru?

• F’liema sens kien Pawlu gwidat bl-​ispirtu t’Alla?

• Il-​qaddejja t’Alla kif inhuma gwidati bl-​ispirtu t’Alla llum?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 24]

L-​ispirtu t’Alla għen lil Pawlu biex jegħleb l-​influwenza tal-​ispirti mill-​agħar

[Stampa f’paġna 26]

Illum, l-​ispirtu qaddis hu disponibbli biex jgħin lill-​Kristjani, hi x’inhi t-​tama tagħhom