Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ippremjati għat-Tibdil li Għamilna

Ippremjati għat-Tibdil li Għamilna

Kif rakkontata minn James A. Thompson

Meta twilidt fin-​Nofsinhar tal-​Istati Uniti fl-​1928, kien bil-​liġi li l-​bojod u s-​suwed ma jitħalltux. Il-​ksur taʼ din il-​liġi kien iwassal għal tfigħ fil-​ħabs jew agħar.

F’DAK iż-​żmien f’partijiet tal-​Istati Uniti, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova bojod u suwed kellu jkollhom kongregazzjonijiet, circuits, u distretti separati. Fl-​1937, missieri sar il-​qaddej tal-​kumpanija (issa jissejjaħ il-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani) tal-​kongregazzjoni tas-​suwed f’Chattanooga, Tennessee. Henry Nichols kien il-​qaddej tal-​kumpanija tal-​bojod.

Għandi ħafna memorji sbieħ taʼ tfuliti. Kont noqgħod bilqiegħda fil-​loġġa taʼ wara d-​dar bil-​lejl maʼ missieri u Ħuna Nichols u kont noqgħod nismagħhom jitkellmu. Filwaqt li ma fhimtx dak kollu li kienu jitkellmu dwaru, kienet l-​għaxqa tiegħi nkun maġenb missieri hekk kif it-​tnejn kienu jiddiskutu kif setgħu jwettqu x-​xogħol tal-​ippritkar bl-​aħjar mod fiċ-​ċirkustanzi li kien hemm.

Iktar qabel, fl-​1930, il-​familja tiegħi ntlaqtet bi traġedja. Ommi, li kellha biss 20 sena, mietet. Missieri spiċċa biex kellu jieħu ħsieb lili, li kelli biss sentejn, u lil oħti Doris t’erbaʼ snin. Għalkemm missieri ma kienx ilu mgħammed, għamel progress spiritwali tajjeb.

Eżempji li Sawruli Ħajti

Fl-​1933, missieri ltaqaʼ m’oħt Kristjana mill-​aħjar jisimha Lillie Mae Gwendolyn Thomas, u ma damux ma żżewġu. Kemm missieri u kemm ommi taw eżempju tajjeb lili u lil Doris f’li jaqdu lil Ġeħova b’lealtà.

Fl-​1938, il-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova ġew mitlubin jappoġġaw riżoluzzjoni biex l-​anzjani fil-​kongregazzjonijiet lokali jiġu maħturin mill-​kwartieri ġenerali tagħna fi Brooklyn, New York, minflok ma jiġu eletti lokalment. Meta xi wħud f’Chattanooga ma ridux jaċċettaw il-​bidla, missieri ddikjara l-​appoġġ sħiħ tiegħu għall-​aġġustament mill-​organizzazzjoni. L-​eżempju tiegħu taʼ lealtà—flimkien mal-​kooperazzjoni b’qalb sħiħa t’ommi—għenni sal-​lum il-​ġurnata.

Il-​Magħmudija u l-​Ministeru Full-​Time

Fl-​1940, xi aħwa mill-​kongregazzjoni tagħna krew karozza tal-​linja u vvjaġġaw għall-​konvenzjoni li nżammet f’Detroit, Michigan. Xi wħud minn dawk li vvjaġġaw magħna tgħammdu hemmhekk. Kien hemm min stagħġeb għala jien ma tgħammidtx, għax kont ili nipprietka minn meta kelli ħames snin u kont attiv ħafna fil-​ministeru.

Meta staqsewni dwar dan, jien wiġibt, “Ma nifhimx dak kollu li hu involut fil-​magħmudija.” Missieri semagħni u kien sorpriż. Minn dakinhar ’il quddiem, għamel sforz akbar biex jgħinni nifhem xi tfisser il-​magħmudija u l-​importanza tagħha. Erbaʼ xhur wara, fl-​1 t’Ottubru, 1940, ġurnata kiesħa ħafna, tgħammidt f’għadira barra Chattanooga.

Meta kelli 14-​il sena, bdejt naqdi bħala pijunier matul il-​vaganzi tal-​iskola tas-​sajf. Ippritkajt fi rħula żgħar f’Tennessee u fl-​istat taʼ Georgia fil-​viċin. Kont inqum kmieni, illesti xi ħaġa tal-​ikel, u naqbad it-​trejn jew tal-​linja tas-​sitta taʼ filgħodu għat-​territorju. Kont nasal lura xi s-​sitta taʼ filgħaxija. L-​ikel li kont nieħu miegħi spiss kien jispiċċa ħafna qabel nofsinhar. Għalkemm kelli l-​flus, ma stajtx nidħol fil-​ħwienet lokali biex nixtri iktar ikel għax jien iswed. Darba dħalt f’ħanut biex nixtri ġelat u ġejt mitlub nitlaq ’il barra. Imma mara bajda li ħennet għalija ġabitli wieħed.

Hekk kif dħalt l-​iskola sekondarja, in-​nies fin-​Nofsinhar kienu qed isiru iktar u iktar attivi biex jappoġġaw id-​drittijiet ugwali. Organizzazzjonijiet bħall-​NAACP (National Association for the Advancement of Colored People) ħeġġew lill-​istudenti biex jiġġieldu għad-​drittijiet ugwali. Konna inkuraġġiti nsiru membri. Diversi skejjel tas-​suwed, inkluż tiegħi, għamluha mira li kulħadd isir membru. Saritli pressjoni biex “nappoġġa r-​razza tagħna,” kif qaluha huma. Imma rrifjutajt u spjegajt li Alla hu imparzjali u ma jiffavorix razza minn oħra. Allura nħalli f’idejn Alla biex isolvi inġustizzji bħal dawn.—Ġw. 17:14; Atti 10:34, 35.

Ftit wara li spiċċajt l-​iskola sekondarja, iddeċidejt li mmur ngħix fil-​Belt taʼ New York. Madanakollu, jien u sejjer waqaft Philadelphia, Pennsylvania, biex inżur lil xi ħbieb li kont iltqajt magħhom qabel f’konvenzjoni. Il-​kongregazzjoni t’hemm kienet l-​ewwel waħda li attendejt fejn ir-​razez kienu mħalltin. Matul iż-​żjara tiegħu, l-​indokratur li jivvjaġġa ħadni fil-​ġenb u qalli li kont se ningħata parti fil-​laqgħa li jmiss. Dan għamilhieli iktar faċli biex niddeċiedi li nibqaʼ hemm.

Fost il-​ħbieb li għamilt f’Philadelphia, kien hemm oħt żagħżugħa jisimha Geraldine White—Gerri, kif bdejt insejħilha. Kienet midħla tal-​Bibbja u kienet tinqalaʼ biex titkellem mal-​inkwilini fil-​ministeru minn dar għal dar. Kien tassew importanti għalija li, bħali, kellha l-​istess mira li ssir pijuniera. Iżżewwiġna fit-​23 t’April, 1949.

Mistidnin f’Gilegħad

Il-​mira tagħna mill-​bidu kienet li nattendu l-​Iskola taʼ Gilegħad u naqdu bħala missjunarji f’pajjiż barrani. Konna ferħanin li naġġustaw iċ-​ċirkustanzi tagħna biex nikkwalifikaw għal Gilegħad. Wara ftit ġejna mitlubin immorru ngħixu f’Lawnside, New Jersey; imbagħad f’Chester, Pennsylvania; u fl-​aħħar f’Atlantic City, New Jersey. Waqt li konna f’Atlantic City, ikkwalifikajna biex napplikaw għal Gilegħad għax konna ilna miżżewġin sentejn. Imma kien hemm problema. X’kienet?

Matul il-​bidu tas-​snin 50, ħafna rġiel kienu qed jinqabdu bil-​lieva biex jiġġieldu fil-​konflitt li kien għaddej fil-​Korea. Il-​bord f’Philadelphia li jieħu n-​nies għal-​lieva donnu kien preġudikat kontra x-​Xhieda taʼ Ġeħova minħabba n-​newtralità tagħna. Fl-​aħħar, ġejt informat minn imħallef li l-​FBI kienu investigawni u ddeċidew li kont qed ngħid il-​verità meta stqarrejt li jien newtrali. Għalhekk, fil-​11 taʼ Jannar, 1952, il-​Bord tal-​Appell Presidenzjali eżentani mis-​servizz militari għax kont ministru tar-​reliġjon.

F’Awwissu taʼ dik is-​sena, jien u Gerri rċivejna stedina biex nattendu l-​20 klassi taʼ Gilegħad, li bdiet f’Settembru. Matul l-​istudji tagħna, ħarisna ’l quddiem biex nirċievu inkarigu f’pajjiż barrani. Oħti Doris kienet iggradwat mit-​13-​il klassi taʼ Gilegħad u kienet qed taqdi fil-​Brażil. Kemm skantajna jien u Gerri meta rċivejna inkarigu biex naqdu fix-​xogħol tas-​circuit—inżuru lill-​kongregazzjonijiet tas-​suwed fl-​istat taʼ Alabama, li qiegħed fin-​Nofsinhar. Dan iddiżappuntana xi ftit għax verament xtaqna naqdu f’pajjiż barrani.

L-​ewwel kongregazzjoni li żorna kienet f’Huntsville. Malli wasalna, morna d-​dar t’oħt Kristjana li konna se noqogħdu għandha. Hekk kif konna qed noħorġu l-​affarijiet tagħna, smajnieha tgħid fuq it-​telefon, “Waslu t-​tfal.” Kellna biss 24 sena u dherna saħansitra iżgħar. Dan il-​laqam, It-​Tfal, baqaʼ magħna waqt li ħdimna dak is-​circuit.

In-​naħa tan-​Nofsinhar spiss kienet tiġi msejħa ż-​Żona tal-​Bibbja, għax il-​biċċa l-​kbira tan-​nies hemmhekk jirrispettaw ħafna l-​Bibbja. Allura spiss konna nibdew il-​konversazzjonijiet b’din il-​preżentazzjoni bi tliet punti:

(1) Kumment qasir dwar il-​kundizzjonijiet fid-​dinja.

(2) It-​tama li tagħti l-​Bibbja.

(3) Dak li l-​Bibbja tgħid li għandna nagħmlu.

Imbagħad konna noffru ktieb adattat għall-​istudju tal-​Bibbja. Peress li kellna suċċess b’dan il-​metodu, fl-​1953 ġejt inkarigat b’parti fl-​Assemblea tas-​Soċjetà tad-​Dinja l-​Ġdida fi New York. Hemmhekk għamilt turija taʼ din il-​preżentazzjoni bi tliet punti.

Fis-​sajf tal-​1953, ġejt inkarigat naqdi fis-​circuits tas-​suwed fin-​Nofsinhar bħala l-​indokratur tad-​distrett. It-​territorju tagħna kopra l-​inħawi kollha minn Virġinja sa Florida u lejn il-​Punent sa Alabama u Tennessee. Iva, l-​indokraturi li jivvjaġġaw kellhom ikunu flessibbli. Pereżempju, spiss qgħadna fi djar mingħajr sistema t’ilma u dranaġġ u konna ninħaslu f’banju taż-​żingu li kien wara l-​fuklar fil-​kċina. Ħabat tajjeb għax din kienet l-​iktar parti sħuna tad-​dar.

L-​Isfida tal-​Preġudizzju Razzjali

Meta konna naqdu fin-​Nofsinhar, kellna bżonn tal-​ħsib minn qabel u l-​għaqal biex jirnexxilna nagħmlu l-​affarijiet. Is-​suwed ma kinux jitħallew jużaw il-​laundry pubbliku. Għalhekk, Gerri kienet tmur hemm u tispjega li l-​ħwejjeġ kienu għal “Mrs. Thompson.” Ħafna nies mid-​dehra kienu jaħsbu li kienet xi serva u li “Mrs. Thompson” kienet is-​sinjura tad-​dar. Meta l-​indokraturi tad-​distrett kienu qed juru l-​film The New World Society in Action, kont inċempel il-​ħanut u nistaqsi għal skrin kbir għal “Mr. Thompson.” Iktar tard, kont immur il-​ħanut u nieħdu. Dejjem konna edukati u ġeneralment wettaqna l-​ministeru tagħna mingħajr inkwiet.

Kien hemm forma oħra taʼ preġudizzju, waħda reġjonali, kontra n-​nies mit-​Tramuntana. Gazzetta lokali darba rrapportat li James A. Thompson, Jr., tal-​Watchtower Bible and Tract Society taʼ New York, kien se jitkellem f’assemblea. Xi wħud fehmu li dan fisser li kont minn New York, u l-​kuntratt tagħna biex nużaw sala taʼ skola ġie kanċellat. Allura mort għand il-​bord tal-​iskola u spjegajt li kont nattendi l-​iskola f’Chattanooga. Imbagħad ngħatajna l-​permess biex nagħmlu l-​assemblea tas-​circuit tagħna.

F’nofs is-​snin 50, il-​preġudizzju razzjali kien qed jikkaġuna iktar u iktar problemi, u xi kultant kien hemm il-​vjolenza. Fl-​1954, xi Xhieda ħadu għalihom għax ma kienx hemm kelliema suwed fil-​programm f’għadd t’assembleat distrettwali. Ħeġġiġna lil ħutna suwed biex ikunu paċenzjużi. Is-​sajf taʼ wara ġejt inkarigat bħala kelliemi. Wara dan, iktar aħwa suwed min-​Nofsinhar kellhom sehem fil-​programm.

Maż-​żmien, il-​vjolenza razzjali fin-​Nofsinhar naqset, u l-​kongregazzjonijiet bil-​mod il-​mod bdew jitħalltu. Minħabba dan, kien hemm bżonn li xi pubblikaturi jibdlu l-​kongregazzjoni u kien hemm tibdil fit-​territorji tal-​kongregazzjonijiet u fir-​responsabbiltajiet tal-​aħwa li jindokraw. Xi wħud, kemm suwed kif ukoll bojod, ma ħadux pjaċir bl-​arranġament ġdid. Imma l-​biċċa l-​kbira kienu imparzjali, kif inhu Missierna tas-​sema. Infatti, ħafna kienu ħbieb tal-​qalb, hi x’inhi r-​razza tagħhom. Il-​familja tagħna kienet esperjenzat dan fis-​snin 30 u 40 waqt li kont qed nitrabba.

Inkarigu Ġdid

F’Jannar 1969, jien u Gerri rċivejna stedina biex immorru Gujana, fl-​Amerika t’Isfel, u bil-​ferħ aċċettajnieha. L-​ewwel morna Brooklyn, New York, fejn tħarriġt biex inkun nistaʼ nindokra x-​xogħol tal-​ippritkar f’Gujana. Wasalna hemm f’Lulju 1969. Wara 16-​il sena fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar, kien aġġustament kbir biex nidraw nibqgħu f’post wieħed. Gerri qattgħet il-​biċċa l-​kbira tal-​ġranet tagħha fil-​ministeru tal-​għalqa bħala missjunarja, u jien ħdimt fl-​uffiċċju tal-​fergħa.

Xogħli involva ħafna affarijiet, bħal li naqtaʼ l-​ħaxix, nibgħat il-​letteratura mitluba mit-​28 kongregazzjoni, u nikkomunika bl-​ittri mal-​kwartieri ġenerali fi Brooklyn. Kont naħdem minn 14 sa 15-​il siegħa kuljum. Kien xogħol iebes għat-​tnejn li aħna, imma ħadna pjaċir fl-​inkarigu tagħna. Meta wasalna, kien hemm 950 pubblikatur f’Gujana; illum hemm iktar minn 2,500.

Għalkemm gawdejna klima sabiħa u frott u ħaxix eżotiku, il-​veru ferħ tagħna kien li nies umli li xxennqu għall-​verità tal-​Bibbja kienu qed jitgħallmu dwar is-​Saltna t’Alla. Spiss Gerri kienet tikkonduċi 20 studju tal-​Bibbja kull ġimgħa, u ħafna minn dawk li studjajna magħhom għamlu progress u tgħammdu. Xi wħud maż-​żmien saru pijunieri, anzjani fil-​kongregazzjoni, u saħansitra marru Gilegħad biex isiru missjunarji huma stess.

Sfidi, Speċjalment taʼ Saħħa

Fl-​1983, il-​ġenituri tiegħi fl-​Istati Uniti kellhom bżonn l-​għajnuna. Jien, Doris, u Gerri ltqajna bħala familja. Doris, li kienet ilha taqdi bħala missjunarja fil-​Brażil għal 35 sena, għażlet li tmur lura u tieħu ħsiebhom hi. Għala taqlaʼ żewġ missjunarji mill-​ministeru, qalet hi, meta waħda hi biżżejjed biex tagħmel ix-​xogħol? Wara li mietu l-​ġenituri tagħna, Doris baqgħet f’Chattanooga u taqdi bħala pijuniera speċjali.

Fl-​1995, sirt naf li kelli kanċer tal-​prostata u kelli nirritorna l-​Istati Uniti. Morna ngħixu Goldsboro, North Carolina, għax bejn wieħed u ieħor kienet nofs triq bejn il-​familja tiegħi f’Tennessee u l-​familja taʼ Gerri f’Pennsylvania. Il-​kanċer tiegħi issa ġie kontrollat, u qegħdin naqdu f’kongregazzjoni f’Goldsboro bħala pijunieri speċjali b’nuqqas taʼ saħħa.

Hekk kif inħares lura lejn il-​65 sena fil-​ministeru full-​time, jien tassew grat li Ġeħova bierek lili u lil Gerri talli għamilna aġġustamenti biex naqduh. Kemm hu minnu kliem David: ‘Maʼ xi ħadd leali Ġeħova se jaġixxi b’lealtà’!—2 Sam. 22:26.

[Stampi f’paġna 3]

Missieri u Ħuna Nichols tawni eżempju mill-​aħjar

[Stampi f’paġna 4]

Maʼ Gerri, lesti għal Gilegħad, 1952

[Stampi f’paġna 5]

Wara li morna Gilegħad, ġejna inkarigati fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar fin-​Nofsinhar

[Stampa f’paġna 6]

Indokraturi li jivvjaġġaw u n-​nisa tagħhom jippreparaw biex jattendu konvenzjoni distrettwali għall-​bojod u s-​suwed flimkien, 1966

[Stampa f’paġna 7]

Is-​servizz taʼ missjunarju f’Gujana kien taʼ ferħ