Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Iservi t’Eżempju Tajjeb Għalik jew taʼ Twissija?

Iservi t’Eżempju Tajjeb Għalik jew taʼ Twissija?

“L-​Alla taʼ Ġakobb . . . jgħallimna dwar triqatu, u aħna nimxu fil-​mogħdijiet tiegħu.”—IS. 2:3.

1, 2. B’liema modi tistaʼ tibbenefika mill-​eżempji tal-​Bibbja?

 ŻGUR li int konvint li tistaʼ tibbenefika minn dak li hemm miktub fil-​Bibbja! Ġo fiha ssib eżempji taʼ rġiel u nisa leali li ħajjithom u l-​kwalitajiet tagħhom tixtieq timita. (Ebr. 11:32-​34) Madanakollu, x’aktarx li qrajt ukoll dwar eżempji taʼ twissija—irġiel u nisa li l-​għemejjel jew l-​attitudnijiet tagħhom trid tevita.

2 Infatti, xi individwi msemmijin fil-​Bibbja jispikkaw kemm bħala eżempji tajbin taʼ x’għandna nagħmlu kif ukoll taʼ twissijiet taʼ x’għandna nwarrbu. Aħseb dwar David, ragħaj umli u mbagħad sultan setgħan. Fih issib eżempju tajjeb taʼ wieħed li ħabb il-​verità u fada f’Ġeħova. Iżda, David kien ħati taʼ dnubiet serji, bħal dawk li involvew lil Bat-​seba, Urija, u ċensiment li sar b’nuqqas t’għaqal. Imma ejja niffokaw fuq ibnu, Salamun, li kien sultan kif ukoll kittieb tal-​Bibbja. L-​ewwel se naraw żewġ modi kif serva t’eżempju tajjeb.

“L-​Għerf taʼ Salamun”

3. Għala nistgħu ngħidu li Salamun kien t’eżempju tajjeb għalina?

3 Salamun Akbar, Ġesù Kristu, tkellem b’mod favorevoli dwar is-​Sultan Salamun, u poġġieh quddiemna bħala eżempju tajjeb. Ġesù qal lil xi Lhud li ddubitaw: “Is-​sultana tan-​nofsinhar tiġi mqajma fil-​ġudizzju maʼ din il-​ġenerazzjoni u tikkundannaha; għax ġiet minn truf l-​art biex tismaʼ l-​għerf taʼ Salamun, imma, ara, xi ħadd akbar minn Salamun qiegħed hawn.” (Mt. 12:42) Iva, Salamun kien famuż għall-​għerf tiegħu u ħeġġiġna nkunu għorrief ukoll.

4, 5. Salamun kif kiseb l-​għerf, imma kif inhu differenti l-​mod kif niksbu l-​għerf aħna?

4 Meta Salamun beda jsaltan, Alla deherlu f’ħolma u stiednu jitlob dak li ried. Konxju tal-​esperjenza limitata tiegħu, Salamun talab għall-​għerf. (Aqra l-1 Slaten 3:5-​9.) Alla ħa pjaċir li s-​sultan talab għall-​għerf minflok għar-​rikkezzi u l-​glorja, u għalhekk ta lil Salamun “qalb għarfa u li tifhem”—kif ukoll prosperità. (1 Slat. 3:10-​14) Bħalma semma Ġesù, l-​għerf taʼ Salamun tant kien jispikka li s-​sultana taʼ Xeba semgħet dwaru u vvjaġġat fit-​tul biex tiltaqaʼ maʼ Salamun u tismaʼ għerfu.—1 Slat. 10:1, 4-​9.

5 Illum, ma nistennewx li nirċievu l-​għerf b’mod mirakoluż. Salamun qal li “Ġeħova jagħti l-​għerf,” imma kiteb li għandna nistinkaw biex niksbu din il-​kwalità divina: ‘Agħti widen għall-​għerf, u mejjel qalbek għad-​dixxerniment.’ Fi qbil maʼ dan, hu uża espressjonijiet bħal ‘sejjaħ,’ ‘ibqaʼ fittex,’ u ‘ibqaʼ ħaffer’ għall-​għerf. (Prov. 2:1-​6) Jidher ċar li nistgħu niksbu l-​għerf.

6. B’liema modi nistgħu nuru li qed nibbenefikaw mill-​eżempju tajjeb taʼ Salamun fejn jidħol l-​għerf?

6 Ikun tajjeb li tistaqsi, ‘Qed nieħu bis-​serjetà l-​eżempju taʼ Salamun dwar li ngħożż l-​għerf divin?’ Inċertezzi ekonomiċi ġiegħlu lil ħafna jkunu moħħhom fl-​impjieg u fil-​finanzi tagħhom, kif ukoll influwenzaw deċiżjonijiet dwar it-​tip u l-​ammont t’edukazzjoni li wieħed għandu jieħu. Xi ngħidu dwarek u l-​familja tiegħek? Juru l-​għażliet tagħkom li qed tgħożżu u tfittxu l-​għerf divin? Jekk taġġustaw il-​mod kif taħsbu jew il-​miri tagħkom, tkunu tistgħu tiksbu iktar għerf? Fil-​verità, li tiksbu u tapplikaw l-​għerf hu għall-​ġid dejjiemi tagħkom. Salamun kiteb: “Imbagħad tifhem is-​sewwa u l-​ġustizzja u dak li hu rett, kulma għandek tagħmel biex timxi tajjeb.”—Prov. 2:9.

Paċi Meta l-​Qima Vera Ġiet l-​Ewwel

7. Kif ġara li Alla kellu tempju grandjuż?

7 Kmieni fil-​ħakma tiegħu, Salamun ħa passi biex jibni tempju meraviljuż biex jieħu post it-​tabernaklu, li kien ilu jintuża minn żmien Mosè. (1 Slat. 6:1) Aħna nsejħulu t-​tempju taʼ Salamun, imma ma kinitx l-​idea tiegħu jew il-​mod kif jagħmel isem għalih bħala arkitett jew benefattur għani. Fil-​fatt, kien David li l-​ewwel ħareġ bl-​idea li jibni tempju, u kien Alla li ta lil David il-​pjanijiet dettaljati għat-​tempju u t-​tagħmir tiegħu. U David ikkontribwixxa bil-​kbir għall-​ħlas tax-​xogħol. (2 Sam. 7:2, 12, 13; 1 Kron. 22:14-​16) Imma kienet ir-​responsabbiltà taʼ Salamun li jlesti l-​bini tat-​tempju, li ħa sebaʼ snin u nofs.—1 Slat. 6:37, 38; 7:51.

8, 9. (a) Salamun serva taʼ liema eżempju tajjeb f’li nipperseveraw f’għemejjel tajbin? (b) X’ġara meta Salamun poġġa l-​qima vera fl-​ewwel post?

8 B’hekk, Salamun serva t’eżempju tajjeb għalina f’li nipperseveraw f’għemejjel tajbin u f’li nżommu l-​iktar affarijiet importanti fl-​ewwel post. Meta tlesta t-​tempju u tpoġġiet fih l-​arka tal-​patt, Salamun offra talba pubblika. Parti minn din it-​talba lil Ġeħova kienet: “[Jalla] għajnejk ikunu miftuħin fuq din id-​dar lejl u nhar, fuq il-​post li dwaru int għedt, ‘Ismi se jkun hemmhekk,’ biex tismaʼ t-​talba li biha l-​qaddej tiegħek jitlob lejn dan il-​post.” (1 Slat. 8:6, 29) L-​Iżraelin u l-​barranin setgħu jitolbu lejn dan it-​tempju, li nbena biex iġib unur lill-​isem t’Alla.—1 Slat. 8:30, 41-​43, 60.

9 X’ġara meta Salamun poġġa l-​qima vera fl-​ewwel post? Wara li ċċelebraw id-​dedikazzjoni tat-​tempju, in-​nies kienu qed “jithennew u jħossuhom ferħanin f’qalbhom minħabba t-​tjubija kollha li Ġeħova wera mal-​qaddej tiegħu David u mal-​poplu tiegħu Israel.” (1 Slat. 8:65, 66) Infatti, paċi u prosperità rimarkevoli kkaratterizzaw il-​ħakma t’40 sena taʼ Salamun. (Aqra l-1 Slaten 4:20, 21, 25.) Salm 72 jgħidilna dan u jagħtina dehen dwar il-​barkiet li se ngawdu taħt il-​ħakma taʼ Salamun Akbar, Ġesù Kristu.—Salm 72:6-​8, 16.

L-​Eżempju taʼ Salamun Fih Twissija

10. Liema żball serju għamel Salamun?

10 Imma għala nistgħu ngħidu li l-​ħajja taʼ Salamun isservi wkoll t’eżempju taʼ twissija? Forsi l-​ewwel ħaġa li tiġik f’moħħok hi n-​nisa u l-​konkubini barranin tiegħu. Naqraw: “Ġara li meta Salamun xjaħ, in-​nisa tiegħu dawrulu qalbu biex imur wara allat oħrajn; u qalbu ma baqgħetx sħiħa maʼ Ġeħova.” (1 Slat. 11:1-​6) Mingħajr ebda dubju, int determinat li qatt ma timita l-​iżball banali tiegħu. Imma hi din l-​unika twissija li nsibu f’ħajjet Salamun? Ikkunsidra xi dettalji taʼ ħajtu li faċilment jintesew u li jistgħu jkunu taʼ twissija għalina.

11. X’nistgħu nikkonkludu dwar l-​ewwel żwieġ taʼ Salamun?

11 Salamun ħakem għal 40 sena. (2 Kron. 9:30) Għaldaqstant, x’tistaʼ tikkonkludi mill-​1 Slaten 14:21? (Aqra.) Skont dan il-​vers, malli miet Salamun, ibnu Reħobogħam sar sultan meta kellu 41 sena. Ommu kienet “Nagħma l-​Għammonija.” Dan ifisser li qabel ma Salamun sar sultan, iżżewweġ mara barranija minn ġens għadu li qeda allat foloz. (Mħ. 10:6; 2 Sam. 10:6) Kienet tqimhom hi? Anke jekk xi darba kienet tqimhom, jistaʼ jkun li ma baqgħetx taqdi l-​idoli u setgħet saret aduratriċi vera, bħalma għamlu Raħab u Rut. (Rut 1:16; 4:13-​17; Mt. 1:5, 6) Xorta waħda, Salamun x’aktarx spiċċa biex kellu kunjati u qraba Għammonin li ma qdewx lil Ġeħova.

12, 13. Liema żball serju għamel Salamun fil-​bidu tal-​ħakma tiegħu, u kif setaʼ rraġuna?

12 U l-​affarijiet tabilħaqq marru għall-​agħar wara li sar sultan. Salamun għamel “rabta taż-​żwieġ mal-​Fargħun is-​sultan taʼ l-​Eġittu, u ħa lil bint il-​Fargħun u ġabha fil-​Belt taʼ David.” (1 Slat. 3:1) Imitat din il-​mara Eġizzjana lil Rut billi saret aduratriċi taʼ Ġeħova? Il-​Bibbja ma tgħidx hekk. Minflok, maż-​żmien Salamun bena dar għaliha (u forsi għall-​qaddejja Eġizzjani tagħha) barra l-​Belt taʼ David. Għala? L-​Iskrittura tgħid li għamel hekk għax ma kienx xieraq li aduratriċi falza tgħix ħdejn l-​arka tal-​patt.—2 Kron. 8:11.

13 Salamun setaʼ ra vantaġġi politiċi li jiġu milli jiżżewweġ prinċipessa Eġizzjana, iżda dan ma kienx skuża. Ħafna żmien qabel, Alla kien ipprojbixxa ż-​żwieġ maʼ Kangħanin pagani, u anke semma ċerti popli b’isimhom. (Eżo. 34:11-​16) Irraġuna Salamun li l-​Eġittu ma kienx wieħed mill-​popli msemmijin? Anke jekk irraġuna b’dan il-​mod, kien Alla se jaċċetta l-​iskuża? Attwalment, b’dak li għamel wera li injora l-​periklu ċar li kien semma Ġeħova—li Iżraeli jiġi mdawwar mill-​qima vera għal dik falza.Aqra Dewteronomju 7:1-​4.

14. Kif nistgħu nibbenefikaw jekk nieħdu bis-​serjetà l-​eżempju taʼ Salamun li jservi taʼ twissija?

14 Se nħallu l-​eżempju taʼ Salamun iservi taʼ twissija għalina? Oħt għandha mnejn tipprova tiġġustifika għala għamlet rabta romantika li tinjora l-​kmand t’Alla biex tiżżewweġ “biss fil-​Mulej.” (1 Kor. 7:39) Jew għandna mnejn inġibu l-​iskużi fuq affarijiet oħra. Pereżempju, xi wħud jistgħu jġibu skużi biex jieħdu sehem fi sports jew jingħaqdu fi klabbijiet fl-​iskola meta dan mhux meħtieġ. Jew xi ħadd jistaʼ jġib l-​iskużi biex ma jħallasx it-​taxxi fuq il-​flus kollha li qalaʼ jew jigdeb meta mistoqsi dwar xi ħaġa li għamel u li tistaʼ tkun imbarazzanti. Il-​punt hu li Salamun bilfors li uża raġunar imperfett biex idur maʼ dak li kkmanda Alla, u aħna nistgħu naqgħu fl-​istess nassa.

15. Ġeħova kif wera ħniena meta ttratta maʼ Salamun, imma x’għandna niftakru dwar dan?

15 Huwa interessanti li wara li l-​Bibbja ssemmi ż-​żwieġ taʼ Salamun maʼ dik il-​prinċipessa barranija, tirrakkonta li Alla laqaʼ t-​talba tiegħu għall-​għerf, u wkoll tah ir-​rikkezzi. (1 Slat. 3:10-​13) Salamun kien injora l-​istruzzjonijiet t’Alla, imma m’hemm l-​ebda indikazzjoni li Ġeħova minnufih ċaħdu bħala s-​sultan jew li ddixxiplinah b’mod sod. Dan jaqbel mal-​fatt li Alla jaf li aħna bnedmin imperfetti, magħmulin mit-​trab. (Salm 103:10, 13, 14) Iżda ftakar: L-​azzjonijiet tagħna jistaʼ jkollhom konsegwenzi issa jew forsi mal-​medda taż-​żmien.

Ħafna Nisa!

16. X’kien qed jinjora Salamun billi ħa ħafna nisa?

16 Fl-​Għanja taʼ Salamun, is-​sultan b’ammirazzjoni qal li ċerta tfajla kienet isbaħ minn 60 sultana u 80 konkubina. (Għan. 6:1, 8-​10) Dan setaʼ kien in-​numru taʼ nisa u konkubini li kellu f’dak iż-​żmien. Anke jekk il-​maġġoranza minn dawn in-​nisa jew kollha kienu aduraturi veri, Salamun xorta ma kienx qed jobdi l-​kmand t’Alla. Alla kien qal permezz taʼ Mosè li s-​sultan t’Iżrael “m’għandux ikollu ħafna nisa, sabiex qalbu ma titwarrabx minni.” (Dt. 17:17) Imma għal darb’oħra, Ġeħova ma qabadx u ċaħad lil Salamun. Infatti, Alla xorta bierku billi użah biex jikkomponi l-​ktieb Bibliku l-​Għanja taʼ Salamun.

17. Liema realtà m’għandniex ninjoraw?

17 Ifisser dan li Salamun setaʼ ma jobdix lil Alla u ma jbatix il-​konsegwenzi ħżiena jew li aħna nistgħu nagħmlu l-​istess? Le. Minflok, juri li Alla hu paċenzjuż ferm. Però, il-​fatt li wieħed mill-​poplu t’Alla jistaʼ jinjora d-​direzzjoni Tiegħu u ma jbati l-​ebda konsegwenza negattiva fil-​pront ma jfissirx li fl-​aħħar mill-​aħħar mhux se jkun hemm xi riżultat taʼ niket. Ftakar f’dak li kiteb Salamun: “Peress li s-​sentenza kontra l-​għemil ħażin damet ma twettqet, qalb ulied il-​bnedmin saret iktar determinata li tagħmel il-​ħażin.” Hu żied: “Jien naf ukoll li dawk li jibżgħu mill-​Alla l-​veru se jaħbtilhom tajjeb, talli kellhom il-​biżaʼ tiegħu.”—Ekk. 8:11, 12.

18. Il-​każ taʼ Salamun kif wera l-​verità li nsibu f’Galatin 6:7?

18 B’sogħba, Salamun ma tax kas din il-​verità. Iva, kien għamel ħafna ġid u kien ilu jgawdi barkiet divini. Imma mal-​medda taż-​żmien, għamel żball wara l-​ieħor. Ħadha drawwa li ma jobdix il-​kmandi taʼ Ġeħova. Kemm hu minnu dak li l-​appostlu Pawlu ġie mnebbaħ jikteb: “Titqarrqux: Alla ma jidħaq bih ħadd. Għax dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad”! (Gal. 6:7) Maż-​żmien, Salamun ħasad frott taʼ niket talli injora d-​direzzjoni t’Alla. Naqraw: “Is-​Sultan Salamun ħabb ħafna nisa barranin flimkien maʼ bint il-​Fargħun, nisa Mowabin, Għammonin, Edomin, Sidonin, u Ħittin.” (1 Slat. 11:1) Ħafna minn dawn x’aktarx baqgħu jqimu allat foloz, u dan influwenza lil Salamun. Żvija u tilef l-​approvazzjoni tal-​Alla paċenzjuż tagħna.Aqra l-1 Slaten 11:4-​8.

Tgħallem mill-​Eżempju Tiegħu —Tajjeb u Ħażin

19. Għala tistaʼ tgħid li l-​Bibbja fiha ħafna eżempji tajbin?

19 Ġeħova b’qalb tajba nebbaħ lil Pawlu biex jikteb: “Kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-​istruzzjoni tagħna, biex permezz tas-​sabar tagħna u permezz tal-​faraġ mill-​Iskrittura jkollna t-​tama.” (Rum. 15:4) Dawn l-​affarijiet miktubin jinvolvu ħafna eżempji tajbin, nisa u rġiel taʼ fidi li tispikka. Pawlu setaʼ jgħid: “U x’ngħid iktar? Għax qatt ma nispiċċa kieku kelli nkompli nirrakkonta dwar Gidegħon, Barak, Sansun, Ġefta, David kif ukoll Samwel u l-​profeti l-​oħrajn, li permezz tal-​fidi għelbu saltniet fil-​ġlied, wettqu l-​ġustizzja, kisbu l-​wegħdi, . . . minn dgħajfin intgħamlu qawwijin.” (Ebr. 11:32-​34) Aħna nistgħu u għandna nibbenefikaw mill-​eżempji tajbin misjubin fl-​Iskrittura billi nsegwu jew nimitaw dak li hemm f’dawn ir-​rakkonti Bibliċi mill-​aħjar.

20, 21. Għala int determinat li tibbenefika mill-​eżempji taʼ twissija misjubin fil-​Kelma t’Alla?

20 Madanakollu, ċerti rakkonti tal-​Bibbja jinkludu eżempji taʼ twissija. Nistgħu nsibu wħud minnhom fil-​ħajjiet taʼ nisa u rġiel li Ġeħova xi darba jew oħra aċċetta u uża bħala l-​qaddejja tiegħu. Hekk kif naqraw il-​Bibbja, nistgħu naraw fejn u kif xi wħud mill-​poplu t’Alla żvijaw, u b’hekk saru eżempji taʼ twissija. Nistgħu nitgħallmu li xi wħud bil-​mod il-​mod żviluppaw attitudnijiet jew tendenzi ħżiena, li eventwalment wasslu għal konsegwenzi taʼ niket. Kif nistgħu nisiltu tagħlimiet minn rakkonti bħal dawn? Għandna mnejn inkunu rridu nistaqsu lilna nfusna mistoqsijiet bħal: ‘Dan kif żviluppa? Tistaʼ tendenza bħal din tiżviluppa fil-​każ tiegħi? Jien x’nistaʼ nagħmel biex nevita dan u minflok nibbenefika minn dan l-​eżempju taʼ twissija?’

21 Żgur li għandna nikkunsidraw dawn l-​eżempji bis-​serjetà, għax Pawlu ġie mnebbaħ jikteb: “Dan kollu ġralhom b’eżempju, u nkiteb bħala twissija għalina li fuqna wasal it-​tmiem tas-​sistemi.”—1 Kor. 10:⁠11.

X’Tgħallimt?

• Għala tistaʼ ssib kemm eżempji tajbin u kemm eżempji taʼ twissija fil-​Bibbja?

• Salamun għala għamel żball wara l-​ieħor?

• Kif tistaʼ tibbenefika mill-​eżempju taʼ twissija taʼ Salamun?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 9]

Salamun applika l-​għerf mogħti minn Alla

[Stampi f’paġna 12]

Qiegħed int tibbenefika mill-​eżempju taʼ twissija li involva lil Salamun?