Tħallix il-Mard Jisraqlek il-Ferħ
IMMAĠINA li stenbaħt filgħodu u xtaqt li ma kellekx għalfejn tissaporti l-ġurnata li għandek quddiemek. Ikollok tħabbat wiċċek maʼ wġigħ fiżiku jew emozzjonali għal jerġaʼ ġurnata oħra. Għandek mnejn saħansitra tħossok bħal Ġob, li qal: “Nippreferi l-mewt mis-sofferenzi kollha tiegħi.” (Ġob 7:15, The New English Bible) Xi ngħidu jekk kundizzjoni bħal din tippersisti, anke għal snin?
Hekk ġralu Mefiboset, iben il-ħabib tas-Sultan David, Ġonatan. Meta Mefiboset kellu ħames snin, “hu waqaʼ u sar zopp.” (2 Sam. 4:4) Niket emozzjonali bilfors li żied l-uġigħ tad-diżabilità tiegħu meta iktar tard ġie mixli b’mod falz li ttradixxa lis-sultan u mbagħad sofra telfa materjali. Madankollu, b’mod konsistenti hu wera li kien eżempju mill-aħjar f’li jkampa maʼ nuqqas taʼ saħħa, malafama, u diżappunti, u ma ħalliex lil dawn jisirqulu l-ferħ.—2 Sam. 9:6-10; 16:1-4; 19:24-30.
L-appostlu Pawlu hu eżempju ieħor. Darba kiteb dwar “xewka fil-laħam” li magħha kellu jissielet. (2 Kor. 12:7) Ix-xewka li semma setgħet kienet diżabilità fit-tul, jew setgħet kienet in-nies li sfidaw l-appostolat tiegħu. Kien x’kien il-każ, il-problema ppersistiet u hu kellu jissaporti l-uġigħ fiżiku jew emozzjonali li ġabet magħha.—2 Kor. 12:9, 10.
Mard kroniku li jdgħajjef is-saħħa jew stress emozzjonali jifni lil xi qaddejja t’Alla llum. Taʼ 18-il sena, lil Magdalena sabulha l-lupus eritematożu sistemiku, marda li biha s-sistema tal-immunità tal-ġisem tidher li tattakka l-organi tiegħu stess. “Jien kont beżgħana għall-aħħar,” tgħid hi. “Mal-medda taż-żmien, il-kundizzjoni tiegħi ħadet xejra għall-agħar u ggravat minħabba mard konness mad-diġestjoni, ulċeri fil-ħalq, u problemi tat-tirojde.” Mill-banda l-oħra, Izabela jkollha tkampa b’kundizzjonijiet li mhumiex daqshekk ovvji. Hi tispjega: “Sa mit-tfulija sofrejt bid-dipressjoni. Dan irriżulta f’attakki taʼ paniku, problemi tan-nifs, u wġigħ fl-istonku. Minħabba f’hekk, ġeneralment inħossni mifnija.”
Niffaċċjaw ir-Realtà
Il-mard u n-nuqqas taʼ saħħa jistgħu jaqilbulek ħajtek taʼ taħt fuq. Meta dan jiġri, ikun t’għajnuna li toqgħod bilqiegħda u tanalizza bl-onestà s-sitwazzjoni tiegħek. Li taċċetta l-limitazzjonijiet tiegħek mhux neċessarjament ikun faċli. Magdalena tgħid: “Il-marda tiegħi hi waħda li tiggrava hekk kif jgħaddi ż-żmien. Ħafna drabi nħossni għajjiena wisq biex noħroġ mis-sodda. In-natura imprevedibbli tal-marda tiegħi tagħmilhieli diffiċli ħafna li nippjana bil-quddiem. L-ikbar frustrazzjoni tiegħi hi li m’għadnix
nistaʼ nagħmel daqs kemm kont fis-servizz taʼ Ġeħova.”Zbigniew jispjega: “Mal-medda tas-snin, l-artrite rewmatika tixrobli saħħti u tagħmilli l-ħsara f’ġog wara l-ieħor. Xi drabi meta l-infjammazzjoni tiggrava, ma nkun nistaʼ nagħmel lanqas l-iktar biċċa xogħol faċli. Dan iwassalni biex nagħmel f’qalbi.”
Xi snin ilu, lil Barbara sabulha tumur fil-moħħ li jikber hekk kif jgħaddi ż-żmien. “Ġismi għadda minn tibdil f’daqqa,” tikkummenta hi. “Inħossni mitluqa, jaqbadni wġigħ taʼ ras spiss, u jkolli problemi taʼ konċentrazzjoni. Minħabba l-limitazzjonijiet ġodda tiegħi, irrid inqis kollox mill-ġdid.”
Dawn l-individwi huma kollha qaddejja ddedikati taʼ Ġeħova. Għalihom, il-prijorità hi li jagħmlu r-rieda tiegħu. Huma jpoġġu l-fiduċja kollha tagħhom f’Alla u jibbenefikaw mill-appoġġ tiegħu.—Prov. 3:5, 6.
Ġeħova Jgħin—Kif?
Għandna nevitaw li naħsbu li t-tbatija personali hija evidenza tad-diżapprovazzjoni t’Alla. (Lam. 3:33) Aħseb dwar minn xiex kellu jgħaddi Ġob minkejja li kien “bla ħtija u rett.” (Ġob 1:8) Alla ma jipprova lil ħadd b’affarijiet ħżiena. (Ġak. 1:13) Il-mard kollu—inkluż dak kroniku u emozzjonali—huwa wirt miżeru mingħand l-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva.—Rum. 5:12.
Madankollu, Ġeħova u Ġesù mhumiex se jħallu n-nies sewwa bla għajnuna. (Salm 34:15) Speċjalment waqt mumenti diffiċli f’ħajjitna, naslu biex napprezzaw li Alla hu ‘l-kenn u l-fortizza tagħna.’ (Salm 91:2) Allura, meta tkun qed tkampa b’kundizzjonijiet li m’għandhomx soluzzjoni faċli, x’jistaʼ jgħinek iżżomm il-ferħ?
It-talb: Billi ssegwi l-eżempju tal-qaddejja leali t’Alla fil-qedem, int tistaʼ tixħet toqlok fuq Missierna tas-sema bit-talb. (Salm 55:22) F’li tagħmel dan, tistaʼ tesperjenza “l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.” Din il-paċi ġewwinija ‘tgħasses lil qalbek u l-qawwa mentali tiegħek.’ (Flp. 4:6, 7) Billi tistrieħ fuq Alla fit-talb, Magdalena tkampa mal-marda tagħha li tħalliha bla saħħa. Hi tgħid: “Li niftaħ qalbi maʼ Ġeħova jġibli serħan u jġeddidli l-ferħ. Issa verament nifhem xi jfisser li nistrieħ fuq Alla minn jum għal ieħor.”—2 Kor. 1:3, 4.
Bi tweġiba għat-talb tiegħek, Ġeħova jistaʼ jagħtik is-saħħa permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu, il-Kelma tiegħu, u l-fratellanza Kristjana. Inti ma tippretendix li Alla jneħħilek il-marda tiegħek b’mod mirakoluż. Iżda tistaʼ torbot fuqu biex jagħtik l-għerf u s-saħħa li għandek bżonn biex tkampa maʼ kull għawġ. (Prov. 2:7) Hu jistaʼ jsaħħek, billi jagħtik “il-qawwa iktar min-normal.”—2 Kor. 4:7.
Il-familja: Atmosfera taʼ mħabba u mogħdrija fid-dar tistaʼ tgħinek tissaporti l-mard. Però, żomm f’moħħok li l-maħbubin tiegħek ibatu wkoll. Jistgħu jħossuhom li ma jistgħu jagħmlu xejn, bħalma tħossok int. Xorta waħda, qegħdin hemm għalik anke fi żminijiet taʼ prova. It-talb li tgħidu flimkien se jgħinek iżżomm qalb kalma.—Prov. 14:30.
Inkwantu għat-tifla tagħha u aħwa nisa żgħażagħ oħra fil-kongregazzjoni, Barbara tgħid: “Huma jappoġġawni fil-ministeru. Iż-żelu tagħhom iqawwili qalbi.” Zbigniew isib li l-appoġġ taʼ martu hu imprezzabbli. “Hi tieħu ħsieb il-biċċa l-kbira tal-faċendi tad-dar. Tgħinni wkoll nilbes u spiss iġġorrli l-basket għal-laqgħat Kristjani u fil-ministeru.”
Sħabna fit-twemmin: Meta nkunu maʼ sħabna fit-twemmin, niġu inkuraġġiti u mfarrġin. Imma xi ngħidu jekk ma tistax tattendi l-laqgħat minħabba l-mard tiegħek? Magdalena tgħid: “Il-kongregazzjoni ħadet ħsieb li nibbenefika mil-laqgħat permezz taʼ rekordings bl-awdjo. L-aduraturi sħabi spiss iċempluli biex jaraw x’jistgħu jagħmlu iktar biex ikunu t’għajnuna. Ukoll, jibagħtuli ittri inkuraġġanti. Li nkun naf li jiftakru fija u huma konċernati dwar il-benesseri tiegħi jgħinni nissaporti.”
Izabela, li tbati bid-dipressjoni, tgħid: “Fil-kongregazzjoni għandi ħafna ‘missirijiet’ u ‘ommijiet,’ dawk li jagħtuni widen u jipprovaw jifhmuni. Il-kongregazzjoni hi l-familja tiegħi—hawnhekk insib il-paċi u l-ferħ.”
Prov. 18:1) B’hekk, isiru sors taʼ inkuraġġiment liema bħalu għal oħrajn. Għall-ewwel għandek mnejn taħsibha darbtejn biex tgħid lill-aħwa bil-bżonnijiet tiegħek. Però, sħabek fit-twemmin se japprezzaw is-sinċerità tiegħek. Dan jagħtihom l-opportunità biex jestendu “affezzjoni lejn l-aħwa mingħajr ipokrisija.” (1 Pt. 1:22) Għala ma tgħidilhomx li għandek bżonn lil min iwasslek għal-laqgħat, li trid taħdem magħhom fil-ministeru, jew li tixtieq tiftaħ qalbek magħhom? Ovvjament, m’għandniex nippretendu żżejjed, imma għandna napprezzaw l-għajnuna tagħhom.
Dawk li jiġġarrbu b’diversi provi jagħmlu tajjeb li jevitaw li ‘jinqatgħu għalihom.’ Minflok, huma jgħożżu l-assoċjazzjoni tagħhom mal-kongregazzjoni. (Kun pożittiv: Ħafna drabi jiddependi minnek biex tkampa b’mard kroniku bla ma titlef il-ferħ. Sentimenti taʼ dwejjaq u skuraġġiment jistgħu jwasslu għal ħsib negattiv. Il-Bibbja tgħid: “L-ispirtu taʼ bniedem jistaʼ jissaporti l-mard li jkollu; imma spirtu mdejjaq, min jiflaħ jissaportih?”—Prov. 18:14.
Magdalena tgħid: “Jien naħdem iebes biex nevita li niffoka fuq il-problemi tiegħi. Nipprova ngawdi l-ġranet meta nħossni aħjar. Insib inkuraġġiment f’li naqra l-bijografiji taʼ wħud li baqgħu leali minkejja mard kroniku.” Izabela tissaħħaħ għax taf li Ġeħova jħobbha u jgħożżha. Hi tgħid: “Inħossni maħbuba u għandi għal min ngħix. Għandi wkoll tama sabiħa għall-futur.”
Zbigniew jgħid: “Il-marda tiegħi tgħallimni l-umiltà u l-ubbidjenza. Tgħallimni nuri d-dehen u nuża l-għaqal kif ukoll li naħfer mill-qalb. Tgħallimt naqdi lil Ġeħova bil-ferħ mingħajr ma nitħassar lili nnifsi. Fil-fatt ġejt immotivat biex nibqaʼ nagħmel progress spiritwali.”
Żomm f’moħħok li Ġeħova jinnota bir-reqqa s-sabar tiegħek. Hu jagħdrek fit-tbatijiet tiegħek u jimpurtah minnek. Hu mhux se ‘jinsa għemilek u l-imħabba li wrejt għal ismu.’ (Ebr. 6:10) Għożż il-wegħda li jagħmel lil dawk kollha li jibżgħu minnu: “Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.”—Ebr. 13:5.
Jekk kultant tħossok dipress, iffoka fuq it-tama mill-isbaħ li tgħix fid-dinja l-ġdida. Iż-żmien qed joqrob ġmielu meta għajnejk stess se jaraw il-barkiet tas-Saltna t’Alla fuq l-art!
[Kaxxa/Stampi f’paġni 28, 29]
Jibqgħu Jippritkaw Minkejja l-Mard Kroniku
“M’għadnix nistaʼ nimxi waħdi, għalhekk marti jew xi aħwa oħrajn jiġu miegħi fil-ministeru. Nitgħallem bl-amment preżentazzjonijiet u skritturi mill-Bibbja.”—Jerzy, li għandu vista batuta.
“Jien nikteb l-ittri u nikkorrispondi regolarment maʼ xi wħud interessati. Meta nkun l-isptar, dejjem inpoġġi l-Bibbja u pubblikazzjonijiet maġenb is-sodda. Dan għenni nibda ħafna konversazzjonijiet tajbin.” —Magdalena, li sabulha l-lupus eritematożu sistemiku.
“Jien inħobb il-ministeru minn dar għal dar, imma meta nħossni ma nistax noħroġ, nagħti xhieda bit-telefon.”—Izabela, li tbati bid-dipressjoni klinika.
“Nieħu pjaċir nagħmel żjajjar lura u ngħin waqt studji tal-Bibbja. Meta nħossni aħjar mis-soltu, nieħu gost nagħti xhieda minn dar għal dar.”—Barbara, li għandha tumur fil-moħħ.
“Il-basket tar-rivisti tiegħi nżommu veru ħafif. Nibqaʼ barra kemm iħalluni l-ġogi muġugħin tiegħi.”—Zbigniew, pazjent li għandu l-artrite rewmatika.
[Stampa f’paġna 30]
Iż-żgħar u l-kbar jistgħu jkunu sorsi taʼ inkuraġġiment