Uħud Leali tal-Qedem—Gwidati bl-Ispirtu t’Alla
“Il-Mulej Sovran Ġeħova bagħatni, anki l-ispirtu tiegħu.”—IS. 48:16.
1, 2. X’inhu meħtieġ sabiex nuru l-fidi, u liema inkuraġġiment insibu billi naħsbu fuq uħud leali tal-qedem?
GĦALKEMM ħafna nies urew il-fidi minn żmien Abel, il-Bibbja tgħidilna: “Mhux kulħadd għandu l-fidi.” (2 Tess. 3:2) Allura għala l-bniedem għandu din il-kwalità, u x’jgħinu jkun leali, jew, juri fedeltà? Fil-biċċa l-kbira, il-fidi tiġi minn dak li nstemaʼ mill-Kelma t’Alla. (Rum. 10:17) Hija aspett mill-frott tal-ispirtu qaddis t’Alla. (Gal. 5:22, 23) Għalhekk, sabiex nuru u neżerċitaw il-fidi, aħna għandna bżonn l-ispirtu qaddis.
2 Ikun żball li nikkonkludu li rġiel u nisa li kellhom il-fidi twieldu hekk, li l-fidi hi xi ħaġa naturali. Il-qaddejja eżemplari li naqraw dwarhom fil-Bibbja kienu nies “b’sentimenti bħal tagħna.” (Ġak. 5:17) Kellhom id-dubji, l-inċertezzi, u d-dgħufijiet, imma “ntgħamlu qawwijin” bl-ispirtu t’Alla biex jiffaċċjaw l-isfidi. (Ebr. 11:34) Billi nikkunsidraw kif l-ispirtu taʼ Ġeħova għenhom, aħna llum se nkunu inkuraġġiti biex inkomplu fit-triq taʼ lealtà tagħna aħna u ngħixu fi żmien meta l-fidi tagħna tassew għaddejja minn prova.
L-Ispirtu t’Alla Ta l-Qawwa lil Mosè
3-5. (a) Kif nafu li Mosè aġixxa bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis? (b) L-eżempju taʼ Mosè x’jgħallimna dwar li Ġeħova jagħti l-ispirtu tiegħu?
3 Fost in-nies kollha li għexu fl-1513 Q.E.K., Mosè kien “bil-wisq l-iktar ġwejjed.” (Num. 12:3) Dan il-qaddej ġwejjed kien fdat b’responsabbiltà enormi fil-ġens taʼ Iżrael. L-ispirtu t’Alla ta l-qawwa lil Mosè biex jipprofetizza, jiġġudika, jikteb, imexxi, u jagħmel il-mirakli. (Aqra Isaija 63:11-14.) Madankollu, darba minnhom, Mosè lmenta li t-tagħbija kienet sempliċement tqila wisq. (Num. 11:14, 15) Għalhekk, Ġeħova ħa “ftit mill-ispirtu” li kien fuq Mosè u qiegħdu fuq 70 oħra biex jgħinuh iġorr it-tagħbija tax-xogħol. (Num. 11:16, 17) Għalkemm it-tagħbija taʼ Mosè dehret li kienet tqila wisq, attwalment ma kienx qed iġorrha waħdu—u lanqas ma kienu se jġorruha waħedhom is-70 raġel li nħatru biex jgħinuh.
4 Mosè kien ngħata spirtu qaddis biżżejjed għax-xogħol tiegħu. Wara l-bidla, Mosè xorta kellu l-ispirtu kollu li kellu bżonn. La kellu ftit wisq hu u lanqas ma kellhom iżżejjed is-70 raġel ixjeħ. Ġeħova jagħtina mill-ispirtu tiegħu daqskemm neħtieġu, skont iċ-ċirkustanzi tagħna. “Hu ma jagħtix l-ispirtu bil-qjies,” iżda jagħti “mill-milja tiegħu.”—Ġw. 1:16; 3:34.
5 Qiegħed int tissaporti l-provi? Taħseb li dak li b’mod raġunevoli qed jintalab minnek qed jiħodlok iktar u iktar mill-ħin tiegħek? Qiegħed tissielet biex tipprovdi għall-bżonnijiet spiritwali u fiżiċi tal-familja tiegħek waqt li tipprova tlaħħaq maʼ spejjeż li dejjem jiżdiedu jew tkampa m’ansjetajiet taʼ saħħa? Għandek responsabbiltajiet tqal fil-kongregazzjoni? Kun ċert li permezz tal-ispirtu tiegħu, Alla jistaʼ jagħtik is-saħħa li għandek bżonn biex tkampa fi kwalunkwe sitwazzjoni.—Rum. 15:13.
L-Ispirtu Qaddis Ikkwalifika lil Besalel
6-8. (a) L-ispirtu t’Alla x’għenhom jagħmlu lil Besalel u Oħolijab? (b) X’juri li Besalel u Oħolijab kienu gwidati bl-ispirtu t’Alla? (ċ) Għala hi inkuraġġanti b’mod partikulari l-esperjenza taʼ Besalel?
6 Mill-esperjenza taʼ Besalel, wieħed li għex fi żmien Mosè, nistgħu nitgħallmu ħafna dwar il-mod kif l-ispirtu t’Alla jistaʼ jaħdem. (Aqra Eżodu 35:30-35.) Besalel kien maħtur biex imexxi x-xogħol tat-tagħmir li kien hemm bżonn għat-tabernaklu. Kellu hu l-għarfien dwar ix-xogħol tal-idejn qabel dan il-proġett enormi? Jistaʼ jkun, imma wisq probabbli l-iktar xogħol reċenti li kellu kien li jagħmel il-briks għall-Eġizzjani. (Eżo. 1:13, 14) Mela Besalel kif kien se jwettaq dan ix-xogħol komplikat li ngħata? Ġeħova “mlieh bl-ispirtu t’Alla fl-għerf, fl-abbiltà li jifhem, fl-għarfien, u f’kull xorta taʼ ħila fis-sengħa u biex ifassal proġetti . . . ħalli jagħmel oġġetti taʼ kull tip magħmulin b’sengħa kbira.” Kwalunkwe ħila naturali li setaʼ kellu Besalel kienet imtejba bl-ispirtu qaddis. L-istess hu minnu rigward Oħolijab. Besalel u Oħolijab bilfors li kienu tgħallmu sew, għaliex huma mhux biss għamlu d-doveri tagħhom, imma wkoll għallmu lil oħrajn x’kellhom jagħmlu. Iva, Alla daħħalhielhom f’qalbhom biex jgħallmu.
7 Xi ħaġa oħra li turi li Besalel u Oħolijab kienu gwidati bl-ispirtu t’Alla, hija kemm xogħolhom baqaʼ jservi b’mod tal-għaġeb. Dak li għamlu kien għadu qed jintuża xi 500 sena wara. (2 Kron. 1:2-6) Kuntrarju għall-manifatturi taʼ żmienna, Besalel u Oħolijab ma kellhomx interess f’li jħallu l-firma jew it-trejdmark tagħhom fuq xogħolhom. Il-krettu kollu għax-xogħol tagħhom mar għand Ġeħova.—Eżo. 36:1, 2.
8 Illum, aħna għandna mnejn niġu ffaċċjati b’xogħol taʼ qtigħ il-qalb u li jrid ikollna snajjaʼ speċjali għalih, bħall-bini, l-istampar, l-organizzar taʼ konvenzjonijiet, it-tqassim taʼ provvisti f’xi diżastru, u l-ikkomunikar maʼ tobba u staff tal-isptarijiet dwar il-waqfa Skritturali tagħna fuq l-użu tad-demm. Kultant, dawn l-għemejjel jintgħamlu minn ħaddiema tas-sengħa, imma iktar spiss jintgħamlu minn volontieri li ma tantx ikollhom għarfien f’ċertu qasam speċifiku. L-ispirtu t’Alla jgħinhom biex l-isforzi tagħhom jirnexxu. Żammejt int lura milli taċċetta xi inkarigu fis-servizz taʼ Ġeħova għax ħassejt li oħrajn kienu iktar kwalifikati minnek? Ftakar, l-ispirtu taʼ Ġeħova jistaʼ jtejjeb l-għarfien u l-abbiltajiet tiegħek u jgħinek twettaq kwalunkwe inkarigu li jagħtik.
Ġożwè Rnexxa bl-Għajnuna tal-Ispirtu t’Alla
9. F’liema ċirkustanza sabu ruħhom l-Iżraelin wara l-Eżodu, u liema mistoqsija qamet?
9 L-ispirtu t’Alla ggwida wkoll lil qaddej ieħor t’Alla li għex fi żmien Mosè u Besalel. Ftit wara l-Eżodu, l-Għamalekin attakkaw lill-poplu t’Alla għal xejn b’xejn. Kien wasal iż-żmien għall-Iżraelin biex jirreżistu t-theddida. Għalkemm xejn ma kienu mdorrijin jiġġieldu fil-gwerra, l-Iżraelin kellhom jidħlu fl-ewwel azzjoni militari tagħhom bħala poplu ħieles. (Eżo. 13:17; 17:8) Kien hemm bżonn li xi ħadd imexxi lill-gwerriera. Min kien se jkun dan?
10. L-Iżraelin taħt it-tmexxija taʼ Ġożwè, għala ħarġu rebbiħin fil-ġlieda?
10 Intgħażel Ġożwè. Imma kieku kellu jgħid x’esperjenza taʼ xogħol kellu qabel biex jikkwalifika għal dan l-inkarigu, x’setaʼ jsemmi? Ħaddiem bħala skjav? Wieħed li jħallat it-tiben? Xi ħadd li jiġbor il-manna? Veru, Elisama, in-nannu taʼ Ġożwè, kien il-kap tat-tribù t’Efrajm, u milli jidher mexxa 108,100 raġel minn waħda mit-taqsimiet taʼ tliet tribujiet taʼ Iżrael. (Num. 2:18, 24; 1 Kron. 7:26, 27) Madankollu, Ġeħova dderieġa permezz taʼ Mosè li la Elisama u lanqas ibnu Nun, imma li Ġożwè kellu jmexxi lill-gwerriera li kienu se jeqirdu lill-għedewwa. Il-gwerra damet il-biċċa l-kbira tal-ġurnata. Permezz tal-ubbidjenza assoluta taʼ Ġożwè u l-apprezzament profond li kellu għall-gwida tal-ispirtu qaddis t’Alla, Iżrael ħareġ rebbieħ.—Eżo. 17:9-13.
11. Kif nistgħu nirnexxu fis-servizz sagru bħalma għamel Ġożwè?
11 Iktar tard, Ġożwè, “mimli bl-ispirtu taʼ l-għerf,” ħa t-tmexxija wara Mosè. (Dt. 34:9) L-ispirtu qaddis ma tahx l-abbiltà biex jipprofetizza jew biex jagħmel il-mirakli bħalma għamel lil Mosè, iżda għen lil Ġożwè ferm biex imexxi lil Iżrael fil-kampanja militari li ġabet rebħa fuq Kangħan. Illum, għandna mnejn inħossuna bla esperjenza jew m’aħniex kwalifikati biżżejjed biex inwettqu ċerti aspetti tas-servizz sagru tagħna. Madankollu, bħal Ġożwè, aħna aċċertati li nirnexxu jekk inżommu mal-istruzzjonijiet divini mill-qrib.—Ġoż. 1:7-9.
“L-Ispirtu taʼ Ġeħova Ġie fuq Gidegħon”
12-14. (a) X’nitgħallmu mill-fatt li 300 raġel setgħu jegħlbu l-armata Midjanija b’saħħitha? (b) Ġeħova kif aċċerta lil Gidegħon? (ċ) Liema serħan il-moħħ divin nirċievu aħna llum?
12 Wara l-mewt taʼ Ġożwè, Ġeħova kompla juri kif il-qawwa tiegħu tistaʼ ssaħħaħ uħud leali. Il-ktieb tal-Imħallfin mimli b’rakkonti taʼ bnedmin li “minn dgħajfin intgħamlu qawwijin.” (Ebr. 11:34) Permezz tal-ispirtu qaddis, Alla qanqal lil Gidegħon biex jiġġieled għall-benefiċċju tan-nies Tiegħu. (Mħ. 6:34) Madankollu, l-armata taʼ Gidegħon kienet żgħira meta mqabbla maʼ dik Midjanija. Kien hemm erbaʼ suldati Midjanin għal kull suldat Iżraeli. F’għajnejn Ġeħova, anke din l-armata żgħira Iżraelija kienet bil-wisq kbira. Hu darbtejn qal lil Gidegħon inaqqas l-armata sakemm l-għedewwa ammontaw għal 450 suldat Midjani għal kull suldat Iżraeli. (Mħ. 7:2-8; 8:10) Dan kien numru li Ġeħova approva. Jekk kien se jkun hemm rebħa kbira, min setaʼ jiftaħar li din saret bl-isforz jew bl-għerf tal-bniedem?
13 Gidegħon u t-truppi tiegħu kienu kważi lesti. Kieku kont wieħed minn dak il-grupp żgħir, kont tħossok iktar fis-sigurtà issa li sirt taf li l-armata tiegħek naqsulha dawk li kienu jibżgħu u dawk li ma baqgħux għassa? Jew kien jaqbdek il-bard hekk kif qgħadt taħseb fuq kif l-affarijiet setgħu jiżvolġu? M’għandniex għalfejn naqtgħu kif ħassu Gidegħon. Hu għamel dak li ntqallu biex jagħmel! (Aqra Mħallfin 7:9-14.) Ġeħova ma ċanfarx lil Gidegħon talli talab għal sinjal bħala evidenza li Alla kellu jkun miegħu. (Mħ. 6:36-40) Minflok, hu saħħaħ il-fidi taʼ Gidegħon.
14 Il-qawwa li teħles li għandu Ġeħova hija infinita. Hu jistaʼ jeħles lill-poplu tiegħu minn kull sitwazzjoni diffiċli, saħansitra jagħmel dan billi juża lil dawk li jidhru dgħajfin jew li ma jistgħu jagħmlu xejn. Kultant għandna mnejn inħossuna li ħafna nies huma kontrina jew li aħna f’sitwazzjoni ddisprata. Aħna ma nistennewx li Alla jagħtina xi sinjali mirakolużi bħalma ta lil Gidegħon, imma nistgħu niksbu gwida abbundanti u serħan il-moħħ mill-Kelma t’Alla u mill-kongregazzjoni tiegħu mmexxija mill-ispirtu. (Rum. 8:31, 32) Il-wegħdi kollhom imħabba taʼ Ġeħova jsaħħulna l-fidi tagħna u jikkonvinċuna li hu veru Dak li jgħinna.
“L-Ispirtu taʼ Ġeħova Issa Ġie fuq Ġefta”
15, 16. Bint Ġefta għala kellha attitudni mill-aħjar, u dan kif inhu taʼ inkuraġġiment għall-ġenituri?
15 Ejja naraw eżempju ieħor. Meta l-Iżraelin kellhom jiffaċċjaw lill-Għammonin fil-gwerra, l-ispirtu taʼ Ġeħova “ġie fuq Ġefta.” Billi kien ħerqan biex jirbaħ għat-tifħir taʼ Ġeħova, Ġefta għamel wegħda li swietlu ħafna. Hu wiegħed li jekk Alla jagħti lil Għammon f’idejn Ġefta, l-ewwel bniedem li joħroġ mill-bieb meta jmur id-dar kellu jkun taʼ Ġeħova. Hekk kif Ġefta wasal milli jrażżan lil Għammon, bintu ġiet tiġri biex tiltaqaʼ miegħu. (Mħ. 11:29-31, 34) Kienet din sorpriża għal Ġefta? X’aktarx li le, għaliex kellu biss wild wieħed. Hu wettaq il-wegħda tiegħu billi ddedika lil bintu għal servizz esklużiv fis-santwarju taʼ Ġeħova f’Silo. Bħala aduratriċi leali taʼ Ġeħova, bint Ġefta kienet konvinta li l-wegħda taʼ missierha kellha titwettaq. (Aqra Mħallfin 11:36.) L-ispirtu taʼ Ġeħova ta lit-tnejn li huma s-saħħa li kellhom bżonn.
16 Bint Ġefta kif kienet żviluppat spirtu taʼ sagrifiċċju persunali bħal dan? Bla dubju, il-fidi tagħha nbniet hekk kif osservat iż-żelu u d-devozzjoni lejn Alla li kellu missierha. Ġenituri, taħsbux li wliedkom ma jarawhx l-eżempju tagħkom. Id-deċiżjonijiet li tieħdu juru li temmnu f’dak li tgħidu. Uliedkom josservaw kif it-talb bil-ħerqa u t-tagħlim effettiv tagħkom jaqblu mal-eżempju li tagħtuhom f’li turu xi jfisser li taqdu lil Ġeħova b’qalb sħiħa. Hekk kif it-tfal tagħkom jagħmlu dan, huma x’aktarx li jiżviluppaw xewqa b’saħħitha biex jagħmlu lilhom infushom disponibbli għal Ġeħova fis-servizz tiegħu. Hawnhekk għandkom għal xiex tifirħu.
‘L-Ispirtu taʼ Ġeħova Beda Jaħdem fuq’ Sansun
17. X’għamel Sansun permezz tal-ispirtu t’Alla?
17 Ikkunsidra eżempju ieħor. Meta Iżrael kien ilsir taħt il-Filistin, ‘maż-żmien, l-ispirtu taʼ Ġeħova beda jqanqal’ lil Sansun biex jeħles lil Iżrael. (Mħ. 13:24, 25) Sansun ngħata l-qawwa biex iwettaq għemejjel taʼ saħħa unika u li tgħaġġeb. Meta l-Filistin ikkonvinċew lill-Iżraelin sħabu biex jaqbduh, “l-ispirtu taʼ Ġeħova beda jaħdem fuqu, u l-ħbula li kienu maʼ dirgħajh saru bħal ħjut taʼ l-għażel maħruqin bin-nar, u b’hekk l-irbit tiegħu dab minn maʼ idejh.” (Mħ. 15:14) Anke meta kien dgħajjef fiżikament minħabba deċiżjonijiet ħżiena li kien ħa, Sansun issaħħaħ “permezz tal-fidi.” (Ebr. 11:32-34; Mħ. 16:18-21, 28-30) L-ispirtu taʼ Ġeħova ħadem fuq Sansun b’mod uniku minħabba ċirkustanzi mhux tas-soltu. Xorta waħda, dawn il-ġrajjiet storiċi jinkuraġġuna bil-kbir. Dan kif?
18, 19. (a) L-esperjenza taʼ Sansun tipprovdilna liema assigurazzjoni? (b) Int kif ibbenefikajt meta kkunsidrajt l-eżempji taʼ wħud leali f’dan l-artiklu?
18 Aħna nistrieħu fuq l-istess spirtu qaddis li straħ fuqu Sansun. Nagħmlu dan hekk kif nagħmlu x-xogħol li Ġesù ta lis-segwaċi tiegħu, jiġifieri, li “nippridkaw lin-nies u nagħtu xiehda bir-reqqa.” (Atti 10:42) Dan l-inkarigu jitlob minna abbiltajiet li jistgħu ma jkunux naturali għalina. Kemm aħna grati li Ġeħova juża l-ispirtu tiegħu biex jgħinna nwettqu l-ħafna xogħlijiet differenti li fdalna! B’hekk, hekk kif inwettqu l-inkarigu tagħna, aħna, bħall-profeta Isaija, nistgħu ngħidu: “Il-Mulej Sovran Ġeħova bagħatni, anki l-ispirtu tiegħu.” (Is. 48:16) Iva, huwa l-ispirtu t’Alla li bagħatna! Aħna nagħtu ruħna għax-xogħol biċ-ċertezza li Ġeħova jtejjeb il-kwalifiki tagħna bħalma għamel maʼ Mosè, Besalel, u Ġożwè. Aħna nużaw “is-sejf taʼ l-ispirtu, jiġifieri, il-kelma t’Alla,” fiduċjużi li hu jagħtina l-qawwa bħalma ta lil Gidegħon, Ġefta, u Sansun. (Efes. 6:17, 18) Billi nistrieħu fuq Ġeħova għall-għajnuna tiegħu biex negħlbu l-ostakli, aħna nistgħu nkunu qawwijin spiritwalment daqs kemm Sansun kien fiżikament.
19 Biċ-ċar, Ġeħova jbierek lil dawk li jieħdu waqfa soda għall-qima vera. Hekk kif inwieġbu għall-ħidma tal-ispirtu qaddis t’Alla, il-fidi tagħna tikber. Se jkun taʼ gost mela li naraw ukoll xi ftit mill-ġrajjiet eċċitanti mniżżlin fl-Iskrittura Griega Kristjana. Dan se juri kif l-ispirtu taʼ Ġeħova ħadem fuq il-qaddejja leali tiegħu fl-ewwel seklu, kemm qabel u kemm wara Pentekoste tas-sena 33 E.K. Se nikkunsidraw dawn ir-rakkonti fl-artiklu li jmiss.
Għala int inkuraġġit li tkun taf kif l-ispirtu t’Alla ħadem fuq . . .
• Mosè?
• Besalel?
• Ġożwè?
• Gidegħon?
• Ġefta?
• Sansun?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Kumment f’paġna 22]
L-ispirtu t’Alla jistaʼ jagħmilna qawwijin spiritwalment daqs kemm Sansun kien fiżikament
[Stampa f’paġna 21]
Ġenituri, l-eżempju żeluż tagħkom jeffettwa ħafna lil uliedkom