Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Kristjani Veri Jirrispettaw il-Kelma t’Alla

Il-Kristjani Veri Jirrispettaw il-Kelma t’Alla

“Kelmtek hi l-​verità.”—ĠW. 17:17.

FITTEX DAWN IL-​PUNTI:

X’kuntrast kien hemm bejn il-​laqgħa f’Ġerusalemm fis-​sena 49 E.K. u l-​konċilji tal-​knisja li saru wara?

Min kienu ftit mill-​irġiel li ddefendew il-​Kelma t’Alla wara ż-​żmien tal-​appostli?

Kristjani leali kif kienu jistudjaw il-​Bibbja lejn it-​tmiem tas-​seklu 19, u dan il-​metodu għala kien effettiv?

1. Mill-​esperjenza tiegħek, semmi mod importanti kif ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma differenti minn gruppi reliġjużi oħrajn.

 AĦSEB dwar l-​ewwel darba li kellek diskussjoni maʼ wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. X’tiftakar dwarha? Ħafna forsi jgħidu, ‘Bqajt impressjonat bil-​fatt li x-​Xhieda użaw il-​Bibbja biex iwieġbu l-​mistoqsijiet tiegħi kollha.’ Kemm ħadna gost meta sirna nafu x’inhu l-​iskop t’Alla għall-​art, x’jiġri meta mmutu, u x’tama hemm għall-​maħbubin mejtin tagħna!

2. X’inhuma ftit mir-​raġunijiet għala int tapprezza l-​Bibbja?

2 Madankollu, hekk kif komplejna nistudjaw, indunajna li l-​Bibbja ma twiġibx biss il-​mistoqsijiet tagħna dwar il-​ħajja, il-​mewt, u l-​futur. Sirna nafu wkoll li l-​Bibbja hi l-​iktar ktieb prattiku fid-​dinja. Il-​pariri tagħha jgħoddu dejjem, u dawk li jsegwuhom se jkollhom ħajja hienja u taʼ suċċess. (Aqra Salm 1:1-​3.) Il-​Kristjani ġenwini qatt ‘ma laqgħu [l-​Bibbja] bħala l-​kelma tal-​bnedmin, imma bħalma hi tassew, bħala l-​kelma t’Alla.’ (1 Tess. 2:13) Fil-​passat kien hemm min kien juża l-​Bibbja u kien hemm min kien jinjoraha. Reviżjoni qasira taʼ dan se tenfasizza l-​kuntrast bejn dawk li tassew jirrispettaw il-​Kelma t’Alla u dawk li ma jirrispettawhiex.

TITRANĠA KWISTJONI TAĦRAQ

3. (a) Liema kwistjoni heddet l-​unità tal-​kongregazzjoni Kristjana? (b) Din għala kienet kwistjoni diffiċli biex titranġa?

3 Għaddew 13-​il sena minn mindu ġie midluk Kornelju, l-​ewwel Ġentil mhux ċirkonċiż. Ħafna iktar Ġentili kienu saru Kristjani. Matul dan iż-​żmien, qamet kwistjoni li heddet l-​unità tal-​kongregazzjoni Kristjana. Għandhom l-​irġiel Ġentili jiġu ċirkonċiżi fi qbil mat-​tradizzjoni Lhudija qabel ma jkunu jistgħu jitgħammdu? Din kienet mistoqsija diffiċli għal wieħed Lhudi. Il-​Lhud li kienu jobdu l-​Liġi lanqas biss kienu jidħlu fid-​dar taʼ wieħed Ġentil, aħseb u ara kemm kienu se jittrattawh bħala ħu! Il-​Kristjani Lhud diġà kienu qed jiġu persegwitati bil-​kbir talli kienu telqu r-​reliġjon Lhudija. Kieku issa laqgħu lill-​Ġentili mhux ċirkonċiżi bħala ħuthom, dan kien biss se jqajjem iktar persekuzzjoni għall-​Kristjani. Kien ukoll jifred lill-​Kristjani saħansitra iktar minn dawk tar-​reliġjon Lhudija.—Gal. 2:11-​14.

4. (a) Min iltaqaʼ flimkien biex jirranġa l-​kwistjoni? (b) Liema mistoqsijiet setgħu qamu dwar din id-​diskussjoni?

4 Fis-​sena 49 E.K., l-​appostli u l-​anzjani f’Ġerusalemm, li huma nfushom kienu Lhud ċirkonċiżi, “iltaqgħu flimkien biex jaraw dwar din il-​kwistjoni.” (Atti 15:6) Il-​laqgħa tagħhom ma kinitx argument tedjanti dwar dettalji mhux importanti, imma diskussjoni eċċitanti dwar tagħlim Bibliku. Kull min kien involut fid-​diskussjoni esprima ruħu. Kif kienu se jirranġaw il-​kwistjoni? Kienu se jħallu l-​preferenza jew il-​preġudizzju taʼ xi ħadd jinfluwenza d-​deċiżjoni tagħhom? Kienu l-​anzjani responsabbli se jistennew biex is-​sitwazzjoni f’Iżrael titjieb għall-​Kristjani u mbagħad jieħdu deċiżjoni? Jew, kienu se jaqblu fuq xi ħaġa li ma kinux verament jemmnu li kienet sewwa, sempliċement biex jaslu għal konklużjoni finali?

5. Il-​laqgħa f’Ġerusalemm fis-​sena 49 E.K., b’liema modi importanti kienet differenti mill-​konċilji tal-​knisja?

5 F’konċilji tal-​knisja, jew laqgħat taʼ mexxejja reliġjużi, huwa komuni li dawn il-​mexxejja jaċċettaw ideat li mhux verament jaqblu magħhom sempliċement biex ikun hemm qbil finali. Spiss, uħud mill-​mexxejja jipprovaw iġiegħlu lil oħrajn jivvotaw għall-​ideat tagħhom. Imma ma ġara xejn minn dan fil-​laqgħa f’Ġerusalemm. Xorta waħda, l-​appostli u l-​anzjani rnexxielhom jieħdu deċiżjoni li qabel magħha kull min kien fil-​laqgħa. Kif irnexxielhom jagħmlu dan? Għax avolja kellhom opinjonijiet differenti, dawk kollha li kienu hemmhekk kienu jirrispettaw il-​Kelma t’Alla, u użaw l-​Iskrittura biex jirranġaw il-​kwistjoni.—Aqra Salm 119:97-​101.

6, 7. Kif intużat l-​Iskrittura biex titranġa l-​kwistjoni taċ-​ċirkonċiżjoni?

6 Is-​silta li għenet biex titranġa l-​kwistjoni kienet dik t’Għamos 9:11, 12. Bħalma ġiet kwotata f’​Atti 15:16, 17, tgħid: “Nerġaʼ niġi lura u nibni mill-​ġdid l-​għarix taʼ David li ġġarraf; u nibni mill-​ġdid ir-​rovini tiegħu u nerġaʼ ntellgħu, sabiex dawk li jibqgħu mill-​bnedmin ifittxu lil Ġeħova bil-​ħeġġa, flimkien maʼ nies mill-​ġnus kollha, nies li jissejħu b’ismi, jgħid Ġeħova.”

7 Imma xi ħadd forsi joġġezzjona li din is-​silta ma tgħidx li l-​Ġentili li saru Kristjani ma kellhomx għalfejn jiġu ċirkonċiżi. Veru; madankollu, il-​Kristjani Lhud kienu se jifhmu l-​punt. Huma ma qisux lill-​Ġentili ċirkonċiżi bħala “nies mill-​ġnus” imma bħala ħuthom. (Eżo. 12:48, 49) Pereżempju, skont il-​verżjoni taʼ Bagster tas-​Settanta, Ester 8:17 jgħid: “Ħafna mill-​Ġentili kienu ċirkonċiżi, u saru Lhud.” B’hekk, meta l-​Iskrittura bassret li dawk li kien fadal minn dar Iżrael (Lhud u proseliti Lhud ċirkonċiżi) flimkien maʼ “nies mill-​ġnus kollha” (Ġentili mhux ċirkonċiżi) kellhom isiru poplu wieħed għal isem Alla, il-​messaġġ kien ċar. Il-​Ġentili li riedu jsiru Kristjani ma kellhomx għalfejn jagħmlu ċ-​ċirkonċiżjoni.

8. Il-​Kristjani Lhud għala kellhom bżonn il-​kuraġġ biex jieħdu d-​deċiżjoni li ħadu?

8 Il-​Kelma t’Alla u l-​ispirtu tiegħu wasslu lil dawn il-​Kristjani sinċieri biex ‘b’fehma waħda jaqblu lkoll.’ (Atti 15:25) Avolja d-​deċiżjoni x’aktarx li kienet se tqajjem iktar persekuzzjoni għall-​Kristjani Lhud, dawk li kienu leali segwew din id-​deċiżjoni bbażata fuq il-​Bibbja.—Atti 16:4, 5.

IL-​KUNTRAST JIDHER ĊAR DAQS IL-​KRISTALL

9. (a) X’inhi raġuni importanti għala t-​tagħlim falz ikkorrompa lill-​qima vera? (b) Liema tagħlim Kristjan importanti ġie korrott?

9 L-​appostlu Pawlu bassar li wara l-​mewt tal-​appostli, il-​qima vera kienet se tiġi korrotta minn tagħlim falz. (Aqra t-2 Tessalonikin 2:3, 7.) Anki wħud minn dawk li kellhom responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni kienu se jiċħdu t-​tagħlim veru. (2 Tim. 4:3) Pawlu wissa lill-​anzjani fi żmienu: “Minn fostkom stess iqumu rġiel li jitkellmu affarijiet mgħawġin biex jiġbdu lid-​dixxipli għal warajhom.” (Atti 20:30) The New Encyclopædia Britannica tgħidilna raġuni prinċipali għala daħal it-​tagħlim falz. Tgħid li xi Kristjani li kienu mħarrġin fil-​filosofija Griega bdew jużawha biex jispjegaw it-​twemmin Kristjan tagħhom. B’hekk, setgħu jħossuhom tajbin dwar l-​għarfien tagħhom stess, u ħasbu li setaʼ jgħin lill-​pagani li kellhom edukazzjoni biex jaċċettaw il-​Kristjanità. Eżempju taʼ twemmin Kristjan importanti li ġie korrott minn idea pagana hu d-​duttrina, jew tagħlim, dwar min hu Ġesù Kristu. Il-​Bibbja ssejjaħlu l-​Iben t’Alla, imma dawk li kienu jħobbu l-​filosofija Griega għallmu li hu Alla.

10. Il-​mexxejja tal-​knisja fejn setgħu jsibu r-​risposta dwar l-​identità taʼ Kristu?

10 Iktar tard, saru ħafna dibattiti dwar din id-​duttrina f’diversi konċilji tal-​knisja. Il-​mexxejja tal-​knisja setgħu faċilment isibu r-​risposta għall-​mistoqsija dwar l-​identità taʼ Ġesù Kristu li kieku fittxew fl-​Iskrittura. Imma l-​biċċa l-​kbira minnhom ma kinux jaħsbu li l-​Bibbja kienet importanti biżżejjed. Fil-​fatt, il-​maġġuranza minnhom kienu diġà ħadu d-​deċiżjoni tagħhom saħansitra qabel ma attendew il-​konċilji, u xejn ma setaʼ jbiddel l-​opinjoni tagħhom. Kważi qatt ma rreferew għall-​Bibbja fid-​deċiżjonijiet li ttieħdu f’dawn il-​laqgħat.

11. (a) Il-​mexxejja tal-​knisja fuq l-​awtorità taʼ min ibbażaw id-​deċiżjoni tagħhom? (b) Għala għamlu dan?

11 Il-​mexxejja tal-​knisja għala m’użawhiex iktar spiss l-​Iskrittura meta ħadu deċiżjonijiet? L-​istudjuż Charles Freeman jispjega li dan kien minħabba li dak li tgħid il-​Bibbja ma jaqbilx mal-​idea tagħhom li Ġesù hu Alla. Il-​kliem taʼ Ġesù stess juri li Alla hu akbar minn Ġesù. Minħabba li dawn il-​mexxejja ma setgħux jiċħdu kliemu, it-​tradizzjoni tal-​knisja u l-​opinjonijiet taʼ xi rġiel saru iktar importanti għalihom mill-​Evanġelji. Anki llum, ħafna mexxejja tal-​knisja jaħsbu li dak li qalu dawk li jsejħulhom Missirijiet il-​Knisja hu iktar importanti mill-​Kelma t’Alla! X’aktarx li nnotajtu dan jekk kellek diskussjoni dwar id-​duttrina tat-​Trinità maʼ student tar-​reliġjon.

12. X’influwenza kellu l-​imperatur?

12 L-​imperaturi Rumani kellhom influwenza kbira fuq dawn il-​laqgħat. Pereżempju, il-​Professur Richard E. Rubenstein kiteb dwar x’ġara fil-​Konċilju taʼ Niċea. Hu jgħid li l-​imperatur ġdid, Kostantinu, kien għamel lill-​isqfijiet għonja ħafna. F’inqas minn sena, kien tahom lura dak kollu li kien ittiħdilhom, bħall-​knejjes, ix-​xogħlijiet, u t-​titli tagħhom. Lill-​isqfijiet kien tahom privileġġi li qabel kienu jgawduhom qassisin pagani. Minħabba f’hekk, Kostantinu setaʼ jkollu influwenza qawwija fuq id-​deċiżjonijiet li ttieħdu fil-​Konċilju taʼ Niċea, forsi saħansitra setaʼ jbiddilhom. U Charles Freeman kiteb li minn wara din il-​laqgħa, l-​imperatur mhux biss saħħaħ lill-​knisja imma wkoll beda jkollu influwenza fuq it-​tagħlim tagħha.—Aqra Ġakbu 4:4.

13. Għala taħseb li l-​mexxejja reliġjużi m’aċċettawx il-​veritajiet ċari mill-​Bibbja?

13 Il-​mexxejja tal-​knisja ma setgħux iniżżlu l-​fatt li Ġesù Kristu hu l-​Iben t’Alla, imma ħafna min-​nies komuni kellhom opinjoni differenti. Dan għaliex in-​nies komuni fehmu b’mod ċar u aċċettaw dak li qraw fl-​Iskrittura. Imma l-​mexxejja tal-​knisja, minflok, kienu moħħhom fil-​flus u fil-​qawwa li setaʼ jagħtihom l-​imperatur, u allura injoraw il-​Bibbja. Girgor taʼ Nissa, li kien mexxej reliġjuż matul dan iż-​żmien, ikkritika lin-​nies komuni, bħal dawk li kienu jbigħu l-​ħwejjeġ u l-​ikel, is-​sarrafa tal-​flus, u l-​ilsiera, għax kienu jitkellmu dwar ir-​reliġjon. Girgor ma ħax pjaċir li ħafna min-​nies komuni kienu jispjegaw li l-​Iben hu differenti mill-​Missier, li l-​Missier hu akbar mill-​Iben, u li l-​Iben inħalaq mix-​xejn. In-​nies komuni setgħu jispjegaw dawn il-​veritajiet permezz tal-​Bibbja. Din hi xi ħaġa li Girgor taʼ Nissa u l-​mexxejja reliġjużi ma kinux qed jagħmlu. Imisshom semgħu min-​nies komuni!

IL-​“QAMĦ” U S-​“SIKRANA” JIKBRU FLIMKIEN

14. Kif nafu li mill-​ewwel seklu ’l quddiem dejjem kien hemm xi Kristjani midlukin ġenwini fuq l-​art?

14 F’waħda mill-​parabboli tiegħu, Ġesù wera li mill-​ewwel seklu ’l quddiem dejjem kien se jkun hemm xi Kristjani midlukin ġenwini fuq l-​art. Hu qabbilhom mal-​“qamħ” li kiber fost “is-​sikrana.” (Mt. 13:30) M’għandniex xi ngħidu, ma nistgħux ngħidu biċ-​ċert liema individwi jew gruppi kienu jagħmlu parti mill-​klassi tal-​midlukin. Però, aħna ċerti li dejjem kien hemm xi wħud li b’kuraġġ iddefendew il-​Kelma t’Alla u kixfu t-​tagħlim mhux Skritturali tal-​knisja. Ejja nikkunsidraw ftit eżempji.

15, 16. Semmi ftit mill-​irġiel li rrispettaw il-​Kelma t’Alla.

15 L-​Arċisqof Agobard taʼ Lyons, Franza (779-​840 E.K.), tkellem kontra l-​qima lill-​idoli, il-​knejjes dedikati lill-​qaddisin, u l-​prattiki u l-​qima tal-​knisja. L-​Isqof Claudius, li kien jgħix fl-​istess żmien tal-​Isqof Agobard, ukoll ċaħad it-​tradizzjoni tal-​knisja u ma qabilx mat-​talb lill-​qaddisin u mal-​qima t’oġġetti. Fis-​seklu 11, l-​Arċidjaknu Berengarius taʼ Tours, Franza, ġie skomunikat, jew imkeċċi mill-​knisja, għax ċaħad it-​tagħlim Kattoliku tat-​transustanzjazzjoni, jiġifieri, it-​twemmin li l-​ħobż u l-​inbid jinbidlu fil-​ġisem u fid-​demm taʼ Kristu. Iktar minn hekk, hu emmen li l-​Bibbja hi superjuri għat-​tradizzjoni tal-​knisja.

16 Peter taʼ Bruys u Henry taʼ Lausanne, li kienu jgħixu fit-​12-​il seklu, kienu żewġt irġiel oħrajn li kienu jħobbu l-​verità tal-​Bibbja. Peter taʼ Bruys ma baqax qassis għax emmen li t-​tagħlim Kattoliku dwar il-​magħmudija tat-​trabi, it-​transustanzjazzjoni, it-​talb għall-​mejtin, u l-​qima lis-​salib ma kinux fi qbil mal-​Iskrittura. Fl-​1140, Peter ġie maħruq ħaj minħabba t-​twemmin tiegħu. Henry, li kien patri, tkellem kontra l-​prattiki korrotti u l-​qima falza fil-​knisja. Ġie arrestat fl-​1148 u ġie mitfugħ il-​ħabs għal għomru.

17. Waldo u s-​segwaċi tiegħu x’affarijiet importanti għamlu?

17 Madwar iż-​żmien li nqatel Peter taʼ Bruys, twieled bniedem li iktar tard kien se jkollu influwenza kbira fuq it-​tixrid tal-​verità tal-​Bibbja. Kunjomu kien Valdès, jew Waldo. a Hu ma kellux it-​taħriġ reliġjuż bħalma kellhom Peter taʼ Bruys u Henry taʼ Lausanne. Però, tant qies il-​Kelma t’Alla taʼ valur li ħalla l-​affarijiet materjali tiegħu u rranġa biex partijiet mill-​Bibbja jiġu tradotti b’lingwa li kienu jitkellmu ħafna nies fix-​Xlokk taʼ Franza. Xi wħud tant ferħu meta semgħu l-​messaġġ tal-​Bibbja bil-​lingwa tagħhom li huma wkoll ħallew l-​affarijiet materjali tagħhom u użaw ħajjithom biex jitkellmu m’oħrajn dwar il-​verità tal-​Bibbja. Il-​mexxejja reliġjużi xejn m’għoġobhom dan. Fl-​1184, dawn l-​irġiel u n-​nisa żelużi, li iktar tard bdew jissejħu Valdensi, ġew skomunikati mill-​papa, u l-​isqof keċċiehom minn djarhom. Imma dan għen biex il-​messaġġ tal-​Bibbja jilħaq postijiet oħrajn. Maż-​żmien, f’ħafna partijiet tal-​Ewropa, kien hemm segwaċi taʼ Waldo, Peter taʼ Bruys, u Henry taʼ Lausanne kif ukoll t’oħrajn li nfirdu minn mal-​knisja. Fis-​sekli taʼ wara, oħrajn iddefendew il-​verità tal-​Bibbja: John Wycliffe (ċ. 1330-​1384), William Tyndale (ċ. 1494-​1536), Henry Grew (1781-​1862), u George Storrs (1796-​1879).

“IL-​KELMA T’ALLA M’HIJIEX MARBUTA”

18. (a) Studenti tal-​Bibbja sinċieri fis-​seklu 19, kif kienu jistudjaw il-​Bibbja? (b) Dan għala kien mod effettiv biex jistudjaw?

18 Minkejja l-​isforzi kollha tagħhom, l-​għedewwa tal-​verità tal-​Bibbja ma rnexxilhomx iwaqqfuha milli tinxtered. It-​2 Timotju 2:9 jgħid: “Il-​kelma t’Alla m’hijiex marbuta.” Fl-​1870, grupp taʼ studenti tal-​Bibbja sinċieri bdew ifittxu l-​verità. Kif kienu jistudjaw? Xi ħadd kien iqajjem mistoqsija, kienu jiddiskutuha, u kienu jfittxu l-​iskritturi kollha fuq dan il-​punt. Imbagħad, meta kienu jaqblu dwar kif dawn l-​iskritturi kellhom x’jaqsmu maʼ xulxin, kienu jaslu għal konklużjoni u jniżżluha bil-​miktub. Dan kien mod effettiv biex jistudjaw għax segwa l-​eżempju tal-​appostli u l-​anzjani tal-​ewwel seklu. Ma jserraħlekx moħħok il-​fatt li dawn l-​irġiel leali fil-​bidu tal-​istorja tax-​Xhieda taʼ Ġeħova għamlu ċert li t-​twemmin tagħhom kien ibbażat b’mod sod fuq il-​Kelma t’Alla?

19. X’inhi l-​iskrittura għas-​sena 2012, u għala hi xierqa?

19 It-​twemmin tagħna għadu bbażat fuq il-​Bibbja. Huwa għalhekk li l-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova għażlet il-​kliem taʼ Ġesù li nsibu fi Ġwanni 17:17 bħala l-​iskrittura għas-​sena 2012: “Kelmtek hi l-​verità.” Kull min irid l-​approvazzjoni t’Alla jrid jgħix fi qbil mal-​verità. Għalhekk, ilkoll kemm aħna għandna nkomplu nagħmlu l-​almu tagħna biex niġu gwidati mill-​Kelma t’Alla.

[Nota taʼ taħt]

a Valdès kultant ġie msejjaħ Pierre Valdès jew Peter Waldo, imma ma nistgħux inkunu ċerti x’kien jismu eżatt.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kumment f’paġna 8]

L-​iskrittura għas-​sena 2012: “Kelmtek hi l-​verità.”—Ġwanni 17:17

[Stampa f’paġna 7]

Waldo

[Stampa f’paġna 7]

Wycliffe

[Stampa f’paġna 7]

Tyndale

[Stampa f’paġna 7]

Grew

[Stampa f’paġna 7]

Storrs