Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Irridu Nippreservaw Affarijiet Prezzjużi mill-Passat Tagħna

Irridu Nippreservaw Affarijiet Prezzjużi mill-Passat Tagħna

Mill-​Arkivji Tagħna

IN-​NIES taʼ Ġeħova għandhom wirt spiritwali interessanti ferm. Minbarra li naqraw il-​pubblikazzjonijiet tagħna, nistgħu nitgħallmu dwar dan il-​wirt permezz taʼ ritratti, ittri, rakkonti persunali, u artifatti li għandhom x’jaqsmu mal-​qima, l-​ippritkar, u l-​istorja tagħna. Imma x’benefiċċji nistgħu niksbu jekk nippreservaw materjal bħal dan u nħaffru fil-​fond fil-​passat tagħna? Il-​kapijiet tal-​familja f’Iżrael tal-​qedem kellhom jgħallmu lil uliedhom dwar il-​liġijiet u l-​atti meraviljużi taʼ Ġeħova sabiex ikunu jistgħu “jqiegħdu l-​fiduċja tagħhom f’Alla.”—Salm 78:1-​7.

Ir-​riċerka fl-​arkivji ilha żmien twil ikollha sehem fit-​twettiq tal-​iskop taʼ Ġeħova. Pereżempju, meta xi opponenti pprovaw iwaqqfu x-​xogħol fuq it-​tempju f’Ġerusalemm, tfittxija uffiċjali taʼ rekords fl-​arkivji fil-​belt kapitali tal-​Medja, Ekbatana, irrivelat dokument li kien ħareġ is-​Sultan Ċiru li fih kien ta l-​awtorizzazzjoni għall-​kostruzzjoni. (Esd. 6:1-​4, 12) B’hekk, it-​tempju reġaʼ nbena fi qbil mar-​rieda t’Alla. Luqa, wieħed mill-​kittieba tal-​Evanġelji, ukoll fittex fl-​arkivji; hu ‘fittex kollox mill-​bidu b’eżattezza.’—Lq. 1:1-​4.

Il-​Ġemgħa li Tiggverna għandha interess kbir fl-​istorja teokratika tagħna. Rigward il-​bżonn li nippreservaw, inniżżlu bil-​miktub, u ngħaddu l-​wirt spiritwali tagħna, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna qal, “Biex inkunu nafu fejn sejrin, irridu nkunu nafu minn fejn ġejna.” Għal dan l-​għan, reċentement ġie stabbilit id-​Dipartiment tal-​Arkivji fil-​kwartieri ġenerali fi Brooklyn, New York, u qiegħed taħt id-​direzzjoni tal-​Kumitat tal-​Kitba.

“L-​ALBUM TAL-​FAMILJA” U L-​“WIRT” TAGĦNA

Biż-​żmien, il-​passat jgħib, u l-​biċċa l-​kbira minna x’aktarx li nkunu xtaqna li żammejna rekord persunali tal-​familja iktar dettaljat. Fid-​Dipartiment tal-​Arkivji, qed isir xogħol diliġenti biex il-​wirt interessanti tagħna li dejjem qed jikber jiġi preservat u dokumentat. Ir-​ritratti miżmumin b’attenzjoni fl-​Arkivji jistgħu jitqiesu bħala parti mill-​“album tal-​familja” tagħna. Il-​pubblikazzjonijiet tagħna tal-​bidu, rakkonti reali eċċitanti, u tifkiriet tal-​passat li m’hemmx prezzhom ukoll huma fost l-​affarijiet prezzjużi miżmumin fl-​Arkivji. Dawn l-​affarijiet huma “wirt” li jgħarrafna dwar l-​istorja teokratika tagħna u jgħinna nħarsu ’l quddiem b’fiduċja lejn il-​futur tal-​familja spiritwali tagħna.

Nistidnuk tfittex ftit fid-​Dipartiment tal-​Arkivji permezz tas-​sensiela l-​ġdida “Mill-​Arkivji Tagħna.” Din se tidher kultant żmien fl-​edizzjoni għall-​istudju tat-​Torri tal-​Għassa. Pereżempju, f’ħarġa fil-​futur biħsiebna nippubblikaw rakkont bl-​istampi biex iwieġeb dawn il-​mistoqsijiet: Dawn Mobile x’kien? Min kien jużah? Meta kien jintuża, u għal liema skop?

Bħal album taʼ familja kollu memorji, il-​kollezzjoni tal-​Arkivji tgħidilna ħafna dwarna u dwar l-​antenati spiritwali tagħna—dwar il-​fidi u l-​kuraġġ taʼ dawk li għexu qabilna, dwar il-​ferħ u l-​isfidi taʼ li naqdu lil Missierna tas-​sema kollu mħabba, u dwar il-​gwida t’Alla u l-​appoġġ kontinwu tiegħu għal niesu. (Dt. 33:27) Aħna fiduċjużi li Ġeħova se jbierek l-​isforzi kontinwi li nagħmlu biex nippreservaw l-​istorja spiritwali tagħna sabiex inkunu dejjem iktar magħqudin u msaħħin biex inwettqu r-​rieda tiegħu.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 31]

Ħarsa Iktar mill-​Qrib

Matul it-​tħejjija taʼ letteratura Kristjana, DVDs, u materjal ieħor ibbażat fuq il-​Bibbja, il-​kittieba, l-​artisti, ir-​riċerkaturi tagħna, u oħrajn jużaw ir-​riżorsi li għandna fl-​arkivji. Għaldaqstant, id-​Dipartiment tal-​Arkivji jieħu ħsieb li jiġbor u jippreserva varjetà kbira taʼ materjal storiku minn sorsi bħal uffiċċji tal-​fergħa, dipartimenti taʼ Betel, kongregazzjonijiet, individwi, u istituzzjonijiet sekulari. Ikkunsidra l-​ħarsa ġenerali li ġejja dwar dan ix-​xogħol:

Ksib u Eżaminar: Affarijiet uniċi kontinwament qed jiżdiedu mal-​kollezzjoni tal-​Arkivji. Ħafna minn dawn b’qalb tajba jingħataw bla ħlas jew jiġu mislufin minn individwi li l-​familji tagħhom ikunu ilhom għaxriet taʼ snin jaqdu lil Ġeħova lealment. Meta neżaminaw u nqabblu materjal bħal dan, niġu megħjunin biex inkabbru l-​fehma li għandna tal-​istorja tagħna u taʼ dawk li għexu matul dak iż-​żmien.

Klassifikati f’Kategoriji: Il-​kollezzjoni tad-​Dipartiment tal-​Arkivji hi magħmula minn eluf t’affarijiet, u ftit minnhom għandhom iktar minn mitt sena. Irid isir rekord taʼ kull ħaġa sabiex ikunu jistgħu jinstabu malajr u jintużaw għal riċerka fil-​futur.

Restawrazzjoni u Preservazzjoni: Kotba u artifatti fraġli jiġu msewwijin u preservati permezz taʼ metodi professjonali taʼ restawrazzjoni. Dokumenti, ritratti, artikli minn gazzetti, films, u rekordings jintgħamlu disponibbli fuq kompjuter. B’hekk, dak li jkun jistaʼ jarahom fuq tagħmir elettroniku, u allura jiġi evitat li jintmessu d-​dokumenti oriġinali jew affarijiet oħrajn taʼ valur storiku.

Ħżin u Aċċess: Materjali mill-​Arkivji huma maħżunin bl-​ordni u bis-​sigurtà biex ma jintilfux u biex jiġu protetti mill-​ħsara tad-​dawl u tal-​umdità. Qed jiġi żviluppat programm biex jgħin fir-​riċerka u fl-​aċċess taʼ dawn l-​affarijiet prezzjużi mill-​passat tagħna.

[Stampi f’paġna 32]

1. Reklam tal-​“Photo-​Drama of Creation.” 2. Reġistru tal-​abbonament. 3. Karozza b’sistema tas-​sawnd. 4. Il-​qoxra tal-​Watch Tower tal-​15 t’April, 1912. 5. Mandat biex J. F. Rutherford jintbagħat il-​ħabs. 6. Mikrofonu tal-​WBBR. 7. Fonografu. 8. Bagalja biex jinġarru l-​kotba. 9. Noti persunali. 10. Telegramma lil J. F. Rutherford.