Saċerdozju Rjali li Se Jkun taʼ Ġid għall-Umanità Kollha
“Intom ‘razza magħżula, saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu miksub bħala proprjetà speċjali.’”—1 PT. 2:9.
TISTAʼ TISPJEGA?
Ġeħova meta wiegħed għall-ewwel darba saċerdozju rjali?
Il-patt il-ġdid kif jipproduċi saċerdozju rjali?
Is-saċerdozju rjali kif se jkun taʼ ġid għall-umanità?
1. (a) “L-ikla taʼ fil-għaxija tal-Mulej,” għala tissejjaħ ukoll it-Tifkira? (b) X’inhu l-iskop tagħha?
FIL-lejla tal-14 taʼ Nisan, fis-sena 33 E.K., Ġesù Kristu u t-12-il appostlu tiegħu osservaw il-Qbiż Lhudi għall-aħħar darba. Wara li qal lil Ġuda l-Iskarjota, li kien se jittradih dalwaqt, biex jitlaq, Ġesù introduċa osservanza differenti li iktar tard ġiet imsejħa “l-ikla taʼ fil-għaxija tal-Mulej.” (1 Kor. 11:20) Ġesù darbtejn qal: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Din l-osservanza hija magħrufa wkoll bħala t-Tifkira. Din hi okkażjoni speċjali meta niftakru x’għamel Kristu, speċjalment għaliex miet għalina. (1 Kor. 11:24, 25) Biex jobdu dan il-kmand, ix-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja josservaw it-Tifkira kull sena. Fl-2012, l-14 taʼ Nisan tal-kalendarju Bibliku jibda fi nżul ix-xemx, nhar il-Ħamis, 5 t’April.
2. Ġesù x’qal dwar il-ħobż u l-inbid?
2 Id-dixxiplu Luqa jiġbor f’żewġ versi dak li għamel u qal Ġesù f’din l-okkażjoni: “Ħa ħobża, radd ħajr, qasamha, tahielhom, u qal: ‘Dan il-ħobż jirrappreżenta ġismi li se jingħata għalikom. Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.’ Ukoll, bl-istess mod ħa l-kies wara l-ikla taʼ fil-għaxija u qal: ‘Dan il-kies jirrappreżenta l-patt il-ġdid konfermat b’demmi li se jixxerred għalikom.’” (Lq. 22:19, 20) L-appostli kif fehmuh dan il-kliem?
3. L-appostli kif fehmuh il-kliem taʼ Ġesù dwar il-ħobż u l-inbid?
3 Bħala Lhud, l-appostli kienu midħla sew tas-sagrifiċċji tal-annimali li l-qassisin offrew lil Alla fit-tempju f’Ġerusalemm. Offerti bħal dawn kienu jsiru biex tinkiseb l-approvazzjoni taʼ Ġeħova, u ħafna minnhom kienu sagrifiċċji għall-maħfra tad-dnubiet. (Lev. 1:4; 22:17-29) Għalhekk, l-appostli setgħu jifhmu li meta Ġesù qal li ġismu u demmu kienu ‘se jingħataw u jixxerrdu għalihom,’ hu ried ifisser li kellu jagħti l-ħajja perfetta tiegħu stess bħala sagrifiċċju. Dan kellu jkun sagrifiċċju li jiswa ferm iktar minn dak tal-annimali.
4. Ġesù x’ried ifisser meta qal: “Dan il-kies jirrappreżenta l-patt il-ġdid konfermat b’demmi”?
4 Ġesù x’ried ifisser meta qal: “Dan il-kies jirrappreżenta l-patt il-ġdid konfermat b’demmi”? L-appostli kienu jafuha l-profezija dwar il-patt il-ġdid li nsibuha f’Ġeremija 31:31-33. (Aqra.) Il-kliem taʼ Ġesù wera li issa kien qed jintroduċi dan il-patt il-ġdid, li kien se jieħu post il-patt tal-Liġi li Ġeħova kien għamel maʼ Iżrael permezz taʼ Mosè. Kienu konnessi maʼ xulxin dawn iż-żewġ pattijiet?
5. Il-patt tal-Liġi x’opportunitajiet tah lil Iżrael?
5 Iva, l-iskopijiet tagħhom kienu konnessi mill-qrib. Meta kien qed jintroduċi l-patt tal-Liġi, Ġeħova qal lill-ġens: “Jekk tassew tobdu kliemi u tħarsu l-patt tiegħi, imbagħad issiru l-proprjetà speċjali tiegħi mill-popli l-oħrajn kollha, għax l-art kollha hi tiegħi. U ssiru għalija saltna taʼ qassisin u ġens qaddis.” (Eżo. 19:5, 6) L-Iżraelin kif fehmuh dan il-kliem?
IL-WEGĦDA TAʼ SAĊERDOZJU RJALI
6. Il-patt tal-Liġi liema wegħda għen biex titwettaq?
6 L-Iżraelin kienu jafu x’kien “patt,” jew qbil serju, għaliex Ġeħova kien għamel xi pattijiet qabel maʼ Noè u Abraham. (Ġen. 6:18; 9:8-17; 15:18; 17:1-9) Bħala parti mill-patt tiegħu maʼ Abraham, Ġeħova kien wiegħdu: “Permezz taʼ nislek il-ġnus kollha taʼ l-art se jitbierku.” (Ġen. 22:18) Ġeħova għamel il-patt tal-Liġi biex jgħin fit-twettiq taʼ din il-wegħda. Fuq il-bażi tiegħu, Iżrael setaʼ jsir “il-proprjetà speċjali [taʼ Ġeħova] mill-popli l-oħrajn kollha.” Għal liema skop? Biex ‘isiru għal Ġeħova saltna taʼ qassisin.’
7. L-Iskrittura x’riedet tfisser bl-espressjoni “saltna taʼ qassisin”?
7 L-Iżraelin kienu familjari mas-slaten u mal-qassisin, imma Melkisedek kien l-uniku raġel mill-passat li kien kemm sultan u kemm qassis fl-istess waqt bl-approvazzjoni taʼ Ġeħova. (Ġen. 14:18) Permezz tal-patt tal-Liġi, Ġeħova lill-Iżraelin tahom l-opportunità li jkollhom “saltna taʼ qassisin” magħżula mill-ġens tagħhom. L-Iskrittura iktar tard titkellem dwar dawn il-magħżulin bħala “saċerdozju rjali,” jiġifieri, slaten li kellhom ikunu wkoll qassisin.—1 Pt. 2:9.
8. Il-qassisin maħturin minn Alla x’jagħmlu?
8 M’għandniex xi ngħidu, sultan jaħkem. Imma qassis x’jagħmel? Ebrej 5:1 jispjega: “Kull qassis il-kbir li jittieħed minn fost il-bnedmin jinħatar biex jagħti servizz lil Alla għan-nom tal-bnedmin, sabiex joffri għotjiet u sagrifiċċji għad-dnubiet.” Għalhekk, qassis maħtur minn Ġeħova jirrappreżenta lin-nies quddiem Alla. Hu jitlob bil-ħrara lil Ġeħova biex jaħfer id-dnubiet tan-nies billi joffri xi sagrifiċċji lil Ġeħova. Ukoll, qassis jirrappreżenta lil Ġeħova quddiem in-nies billi jgħallimhom il-liġi t’Alla. (Lev. 10:8-11; Mal. 2:7) B’dawn il-modi, il-qassis jgħin lin-nies midinbin biex jiġu rikonċiljati m’Alla, jiġifieri, biex jerġgħu jkunu ħbieb m’Alla.
9. (a) L-Iżraelin x’kellhom bżonn jagħmlu biex ikollhom l-opportunità li jkunu “saltna taʼ qassisin”? (b) Ġeħova għala ħatar lil xi wħud bħala qassisin f’Iżrael? (ċ) L-Iżraelin għala ma setgħux ikunu “saltna taʼ qassisin” taħt il-patt tal-Liġi?
9 Il-patt tal-Liġi ta lill-Iżraelin l-opportunità biex isiru slaten u qassisin għall-ġid tal-“popli l-oħrajn kollha.” Imma l-Iżraelin kellhom bżonn jagħmlu xi ħaġa biex ikollhom din l-opportunità meraviljuża. Alla qal: “Jekk tassew tobdu kliemi u tħarsu l-patt tiegħi.” Setgħu l-Iżraelin ‘tassew jobdu kliem Ġeħova’? Iva, sa ċertu punt. Setgħu jagħmlu dan perfettament? Le. (Rum. 3:19, 20) Huwa għal din ir-raġuni li Ġeħova ħatar lil xi wħud bħala qassisin f’Iżrael. Dawn il-qassisin ma qdewx bħala slaten. Huma għamlu sagrifiċċji tal-annimali għad-dnubiet tan-nies. (Lev. 4:1–6:7) Dawn id-dnubiet inkludew ukoll dawk tal-qassisin stess. (Ebr. 5:1-3; 8:3) Avolja Ġeħova aċċetta dawn is-sagrifiċċji, ma setgħux ineħħu għalkollox id-dnub mill-Iżraelin. Is-saċerdozju taħt il-patt tal-Liġi ma setax jirrikonċilja kompletament lill-Iżraelin m’Alla, lanqas lil dawk sinċieri. Dan hu bħalma qal l-appostlu Pawlu: “Hu impossibbli li d-demm tal-barrin u tal-mogħoż ineħħi d-dnubiet.” (Ebr. 10:1-4) Minħabba li m’obdewx l-affarijiet kollha fil-Liġi, l-Iżraelin ġew taħt saħta. (Gal. 3:10) F’din il-kundizzjoni, huma ma setgħux jaqdu lill-popli l-oħrajn kollha bħala saċerdozju rjali.
10. X’kien l-iskop tal-patt tal-Liġi?
10 Ifisser dan li l-Iżraelin qatt ma setgħu jsiru parti minn “saltna taʼ qassisin” kif kien wiegħed Ġeħova? Xejn affattu. Kieku sinċerament ipprovaw jobdu, kien ikollhom din l-opportunità—imma mhux taħt il-Liġi. Għala le? (Aqra Galatin 3:19-25.) Biex nifhmu dan, għandna bżonn inkunu nafu x’kien l-iskop tal-patt tal-Liġi. Il-Liġi pproteġiet lill-Iżraelin ubbidjenti mill-qima falza. Għenithom ukoll jifhmu li kienu midinbin u li kellhom bżonn sagrifiċċju akbar milli setaʼ joffri l-qassis il-kbir tagħhom. Il-Liġi kienet ‘għalliema’ li kellha tippreparahom biex jaċċettaw il-Kristu, jew Messija. Dawn it-titli jfissru “Midluk.” Madankollu, meta wasal il-Messija, hu kellu jintroduċi l-patt il-ġdid imbassar minn Ġeremija. Dawk li aċċettaw il-Kristu ġew mistidnin biex isiru parti mill-patt il-ġdid u attwalment kellhom isiru “saltna taʼ qassisin.” Ejja naraw kif.
IL-PATT IL-ĠDID JIPPRODUĊI SAĊERDOZJU RJALI
11. Ġesù kif sar il-pedament taʼ saċerdozju rjali?
11 Fis-sena 29 E.K., Ġesù taʼ Nazaret sar il-Messija. Kellu madwar 30 sena meta tgħammed. Il-magħmudija tiegħu wriet li hu kien lest li jagħmel ir-rieda speċjali taʼ Ġeħova għalih. Ġeħova mbagħad qal dwaru: “Dan hu Ibni, il-maħbub.” U Ġeħova ma dilkux biż-żejt, imma bl-ispirtu qaddis. (Mt. 3:13-17; Atti 10:38) Alla dilek lil Ġesù sabiex dan ikun jistaʼ jsir Qassis il-Kbir u Sultan fil-futur għall-ġid taʼ kull min jemmen fih. (Ebr. 1:8, 9; 5:5, 6) Hu kellu jkun il-pedament taʼ saċerdozju verament irjali.
12. Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù x’għamel possibbli?
12 Bħala Qassis il-Kbir, Ġesù liema sagrifiċċju setaʼ joffri li jagħmilha possibbli biex id-dnub li ntiret taʼ dawk li jemmnu fih jinħafer kompletament? Dak li qal Ġesù meta introduċa t-Tifkira tal-mewt tiegħu jgħinna nifhmu li s-sagrifiċċju kien il-ħajja umana u perfetta tiegħu stess. (Aqra Ebrej 9:11, 12.) Wara li Ġesù ġie midluk bħala Qassis il-Kbir, ħalla lilu nnifsu jiġi provat u mħarreġ sakemm miet. (Ebr. 4:15; 5:7-10) Wara li ġie rxoxtat, hu telaʼ fis-sema u ppreżenta l-valur tas-sagrifiċċju tiegħu lil Ġeħova nnifsu. (Ebr. 9:24) Wara dan, Ġesù setaʼ jitlob bil-ħniena lil Ġeħova għan-nom taʼ dawk li jeżerċitaw il-fidi fis-sagrifiċċju tiegħu u jgħinhom jaqdu lil Alla bit-tama li jirċievu ħajja taʼ dejjem. (Ebr. 7:25) Is-sagrifiċċju tiegħu għamel ukoll il-patt il-ġdid validu.—Ebr. 8:6; 9:15.
13. X’kienu l-prospetti għal dawk mistidnin biex ikunu fil-patt il-ġdid?
13 Dawk li ġew mistidnin biex jidħlu fil-patt il-ġdid kellhom ukoll jiġu midlukin bl-ispirtu qaddis. (2 Kor. 1:21) Dawn inkludew xi Lhud leali u mbagħad xi Ġentili. (Efes. 3:5, 6) X’kienu l-prospetti għal dawk fil-patt il-ġdid? Dnubiethom kellhom jinħafru kompletament. Ġeħova kien wiegħed: “Naħfrilhom l-iżball tagħhom, u dnubhom ma niftakrux iktar.” (Ġer. 31:34) Issa li Ġeħova kien ħafrilhom dnubiethom, huma setgħu jsiru “saltna taʼ qassisin.” Meta indirizza lill-Kristjani midlukin, Pietru kiteb: “Intom ‘razza magħżula, saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu miksub bħala proprjetà speċjali, sabiex ixxandru maʼ kullimkien il-kwalitajiet eċċellenti’ taʼ dak li sejħilkom mid-dlam għal ġod-dawl tiegħu taʼ l-għaġeb.” (1 Pt. 2:9) Pietru hawnhekk jikkwota l-kliem li Ġeħova qal lil Iżrael meta introduċa l-Liġi u japplikah għall-Kristjani fil-patt il-ġdid.—Eżo. 19:5, 6.
SAĊERDOZJU RJALI LI HU TAʼ ĠID GĦALL-UMANITÀ KOLLHA
14. Is-saċerdozju rjali fejn jaqdi?
14 Dawk li qegħdin fil-patt il-ġdid fejn kellhom jaqdu? Fuq l-art, fejn, bħala grupp, kellhom jaqdu bħala saċerdozju, billi jirrappreżentaw lil Ġeħova quddiem in-nies u ‘jxandru maʼ kullimkien il-kwalitajiet eċċellenti tiegħu’ u jipprovdu ikel spiritwali. (Mt. 24:45; 1 Pt. 2:4, 5) Wara l-mewt u l-irxoxt tagħhom, huma kapaċi għalkollox biex jagħmlu x-xogħol kemm taʼ slaten kif ukoll taʼ qassisin maʼ Kristu fis-sema. (Lq. 22:29; 1 Pt. 1:3-5; Riv. 1:6) Biex jikkonferma dan, l-appostlu Ġwanni ra f’viżjoni għadd taʼ ħlejjaq spirti qrib it-tron taʼ Ġeħova fis-sema. F’“għanja ġdida” indirizzata lill-“Ħaruf,” huma jkantaw: “B’demmek xtrajt għal Alla bnedmin minn kull tribù u lsien u poplu u ġens, u għamilthom saltna u qassisin għal Alla tagħna, u se jsaltnu għal fuq l-art.” (Riv. 5:8-10) F’viżjoni li seħħet iktar tard, Ġwanni jgħid dwar dawn il-ħakkiema: “Ikunu qassisin t’Alla u tal-Kristu, u jsaltnu miegħu għall-elf sena.” (Riv. 20:6) Dawn is-slaten, flimkien maʼ Kristu, jifformaw saċerdozju rjali li se jkun taʼ ġid għall-umanità kollha.
15, 16. Is-saċerdozju rjali b’liema modi se jkun taʼ ġid għall-umanità?
15 Il-144,000 x’ġid se jġibulhom lil dawk fuq l-art? Rivelazzjoni kapitlu 21 jiddeskrivihom bħala belt tas-sema, Ġerusalemm il-Ġdida, imsejħa “l-mara tal-Ħaruf.” (Riv. 21:9) Versi 2 sa 4 jgħidu: “Rajt ukoll il-belt qaddisa, Ġerusalemm il-Ġdida, nieżla mis-sema mingħand Alla u mħejjija bħal għarusa mżejna għal żewġha. U smajt leħen għoli ġej mit-tron u qal: ‘Ara! It-tinda t’Alla hi mal-bnedmin, u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-popli tiegħu. U Alla stess ikun magħhom. U jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.’” X’barkiet meraviljużi! Mhux se jkun hemm iktar dmugħ, għali, uġigħ, jew għajjat taʼ niket għaliex il-mewt mhix se tibqaʼ teżisti iktar. F’dak iż-żmien, l-umanità se ssir perfetta u tiġi rikonċiljata kompletament m’Alla.
16 Rivelazzjoni 22:1, 2 jgħidilna iktar dwar il-barkiet li jiġu mingħand dan is-saċerdozju rjali. Jgħid: “Urieni xmara taʼ ilma tal-ħajja, ċar daqs il-kristall, ħierġa mit-tron t’Alla u tal-Ħaruf, u nieżla min-nofs it-triq il-prinċipali [taʼ Ġerusalemm il-Ġdida]. U fuq kull naħa tax-xmara kien hemm siġar tal-ħajja li jipproduċu l-frott tnax-il darba fis-sena, billi jagħtu l-frott tagħhom kull xahar. U l-weraq tas-siġar kien għall-fejqan tal-ġnus.” Din il-viżjoni turina kif il-“ġnus,” jew il-gruppi taʼ familji tal-umanità, se jiġu mfejqin kompletament mill-imperfezzjoni li ntirtet minn Adam. Verament, “l-affarijiet taʼ qabel [se] jkunu spiċċaw.”
IS-SAĊERDOZJU RJALI JLESTI XOGĦLU
17. Is-saċerdozju rjali x’se jkun għamel sat-tmiem tal-1,000 sena?
17 Sat-tmiem tal-1,000 sena taʼ servizz, is-saċerdozju rjali se jkun għen lill-umanità biex issir perfetta. Il-Qassis il-Kbir u s-Sultan, Ġesù Kristu, dakinhar lil Ġeħova se jippreżentalu l-familja umana li tkun perfetta. (Aqra l-1 Korintin 15:22-26.) Is-saċerdozju rjali se jkun wettaq bis-sħiħ l-iskop tiegħu.
18. Wara li l-membri tas-saċerdozju rjali jkunu lestew xogħolhom, Ġeħova kif se jużahom?
18 Wara dan, Ġeħova kif se juża l-membri tas-saċerdozju rjali? Skont Rivelazzjoni 22:5, se “jsaltnu għal dejjem taʼ dejjem.” Fuq min? Il-Bibbja ma tgħidx. Imma se jkomplu jkollhom valur kbir quddiem Ġeħova. Se jkollhom ħajja immortali u esperjenza f’li jkunu għenu lill-umanità imperfetta. Għalhekk, se jkomplu jkunu slaten u se jkunu użati minn Ġeħova biex iwettaq l-iskopijiet tiegħu għal dejjem.
19. Dawk kollha li jattendu għat-Tifkira fiex se jiġu mfakkrin?
19 Dan it-tagħlim Bibliku se jkun f’moħħna meta ninġabru biex nosservaw it-Tifkira tal-mewt taʼ Ġesù nhar il-Ħamis, 5 t’April, 2012. Il-Kristjani midlukin li jkunu għadhom fuq l-art se juru li huma parti mill-patt il-ġdid billi jieħdu mill-ħobż bla ħmira u mill-inbid aħmar. Dan se jfakkarhom fil-privileġġi u r-responsabbiltajiet meraviljużi tagħhom fl-iskop etern t’Alla. Ilkoll kemm aħna li nattendu rridu nuru gratitudni profonda lejn is-saċerdozju rjali li Alla Ġeħova għażel għall-ġid tal-umanità kollha.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 29]
Is-saċerdozju rjali se jkun taʼ ġid għall-umanità għal dejjem