Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tgħallem mill-Appostli taʼ Ġesù Kif Tibqaʼ Għassa

Tgħallem mill-Appostli taʼ Ġesù Kif Tibqaʼ Għassa

“Ibqgħu għassa miegħi.”​—MT. 26:38.

X’TISTAʼ TITGĦALLEM DWAR:

Li toqgħod għassa għal direzzjoni dwar fejn tipprietka?

Li toqgħod attent u ma tittraskurax it-​talb?

Li tagħti xhieda bir-​reqqa minkejja l-​ostakli?

1-3. (a) L-​appostli kif ma baqgħux għassa waqt l-​aħħar lejl taʼ Ġesù fuq l-​art? (b) X’juri li tgħallmu mill-​iżball tagħhom?

 IMMAĠINA x-​xena f’dak l-​aħħar lejl tal-​ħajja taʼ Ġesù fuq l-​art. Ġesù jmur f’wieħed mill-​postijiet favoriti tiegħu, il-​ġnien tal-​Ġetsemani, lejn il-​Lvant taʼ Ġerusalemm. Imur hemmhekk mal-​appostli leali tiegħu. Ġesù għandu ħafna affarijiet importanti dwar xiex jaħseb, u allura għandu bżonn isib post fejn jistaʼ joqgħod waħdu biex jitlob.—Mt. 26:36; Ġw. 18:1, 2.

2 Tlieta mill-​appostli—Pietru, Ġakbu, u Ġwanni—imorru maʼ Ġesù f’post iktar ’il ġewwa fil-​ġnien. Hu jgħidilhom: “Oqogħdu hawnhekk u ibqgħu għassa miegħi,” u mbagħad imur jitlob. Meta jiġi lura, isib lil sħabu reqdin. Għal darb’oħra jitlobhom bil-​ħrara: “Ibqgħu għassa.” Però, jerġgħu jorqdu darbtejn oħra! Iktar tard dak il-​lejl stess, l-​appostli kollha ma jibqgħux imqajmin spiritwalment. Saħansitra jabbandunaw lil Ġesù u jaħarbu!—Mt. 26:38, 41, 56.

3 L-​appostli żgur li ddispjaċiehom li ma baqgħux għassa. Dawn l-​irġiel leali malajr tgħallmu mill-​iżball tagħhom. Il-​ktieb Bibliku tal-​Atti juri li saru eżempju eċċellenti taʼ kif wieħed jibqaʼ għassa. L-​eżempju tagħhom żgur li għen lil Kristjani oħrajn fl-​ewwel seklu biex jagħmlu l-​istess. Issa, iktar minn qatt qabel, għandna bżonn nibqgħu għassa. (Mt. 24:42) Ejja niddiskutu tliet lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu mill-​ktieb tal-​Atti dwar kif nibqgħu għassa.

QAGĦDU GĦASSA GĦAL DIREZZJONI DWAR FEJN JIPPRITKAW

4, 5. L-​ispirtu qaddis kif idderieġa lil Pawlu u lil sħabu li kienu qed jivvjaġġaw miegħu?

4 L-​ewwel lezzjoni hi li l-​appostli qagħdu għassa għal direzzjoni dwar fejn jippritkaw. Il-​Bibbja turina kif Ġesù uża l-​ispirtu t’Alla biex jiggwida lill-​appostlu Pawlu u lil sħabu fi vjaġġ interessanti ħafna. (Atti 2:33) Ejja naqraw dwaru mill-​bidu.—Aqra Atti 16:6-​10.

5 Pawlu, Sila, u Timotju kienu telqu mill-​belt taʼ Listra fin-​Nofsinhar tal-​Galazja. Xi jiem wara waslu fi triq prinċipali Rumana li kienet se tiħodhom lejn il-​Punent, fl-​iktar reġjun li joqogħdu nies fih tad-​distrett tal-​Asja. Riedu jgħaddu minn din it-​triq biex iżuru xi bliet fejn eluf taʼ nies kellhom bżonn jisimgħu dwar Kristu. Imma xi ħaġa waqqfithom ħesrem. Vers 6 jgħid: “Għaddew mill-​Friġja u mill-​art tal-​Galazja, għax l-​ispirtu qaddis ma ħallihomx ixandru l-​kelma fid-​distrett taʼ l-​Asja.” Il-​Bibbja ma tgħidx kif, imma b’xi mod l-​ispirtu qaddis waqqaf lill-​vjaġġaturi milli jippritkaw fid-​distrett tal-​Asja. Pawlu u sħabu fehmu li din id-​direzzjoni mill-​ispirtu qaddis kienet tfisser li Ġesù riedhom jippritkaw xi mkien ieħor.

6, 7. (a) Pawlu u l-​vjaġġaturi l-​oħrajn, xi ġralhom ħdejn il-​Bitinja? (b) Id-​dixxipli liema deċiżjoni ħadu, u b’liema riżultat?

6 Pawlu u sħabu fejn marru? Vers 7 jispjega: “Ukoll, meta niżlu l-​Misja pprovaw imorru l-​Bitinja, imma l-​ispirtu taʼ Ġesù ma ppermettilhomx.” Minħabba li l-​ispirtu t’Alla waqqafhom milli jippritkaw fl-​Asja, marru lejn it-​Tramuntana bil-​ħsieb li jippritkaw fil-​bliet tal-​Bitinja. Madankollu, meta resqu viċin il-​Bitinja, Ġesù reġaʼ uża l-​ispirtu qaddis biex iwaqqafhom. Sadanittant, l-​irġiel bilfors li ħassewhom konfużi. Kienu jafu x’għandhom jippritkaw u kif jippritkaw, imma ma kinux jafu fejn jippritkaw. Kien bħallikieku ħabbtu fuq bieb li kien jagħti għall-​Asja, imma ma nfetħilhomx. Imbagħad reġgħu pprovaw fil-​Bitinja, u ġara l-​istess. Waqfu jipprovaw dawn il-​predikaturi żelużi? Le, ma waqfux!

7 Dak il-​ħin, l-​irġiel ħadu deċiżjoni li forsi dehret ftit stramba. Vers 8 jgħidilna: “Qabżu l-​Misja u niżlu Troas.” Għalhekk, il-​vjaġġaturi daru lejn il-​Punent u mxew 563 kilometru, u qabżu belt wara oħra sakemm waslu ħdejn il-​port taʼ Troas, il-​bieb naturali li jagħti għall-​Maċedonja. Hemmhekk, għat-​tielet darba, Pawlu u sħabu ħabbtu fuq bieb, imma din id-​darba nfetaħ beraħ! Vers 9 jirrapporta x’ġara wara: “Matul il-​lejl Pawlu kellu viżjoni: ra raġel mill-​Maċedonja bil-​wieqfa, jitolbu bil-​ħrara u jgħidlu: ‘Għaddi l-​Maċedonja u għinna.’” Fl-​aħħar, Pawlu kien jaf fejn kellu jipprietka. Mingħajr dewmien, l-​irġiel salpaw lejn il-​Maċedonja.

8, 9. X’nistgħu nitgħallmu mir-​rakkont tal-​vjaġġ taʼ Pawlu?

8 X’nistgħu nitgħallmu minn dan ir-​rakkont? Innota li kien biss wara li Pawlu telaq lejn l-​Asja li l-​ispirtu t’Alla interviena. Imbagħad kien biss wara li Pawlu resaq viċin il-​Bitinja li Ġesù aġixxa. U fl-​aħħar, kien biss wara li Pawlu wasal Troas li Ġesù dderiġieh lejn il-​Maċedonja. Bħala l-​Kap tal-​kongregazzjoni, Ġesù għandu mnejn jittrattana b’mod simili. (Kol. 1:18) Pereżempju, forsi ilek xi ftit taħseb dwar li taqdi bħala pijunier jew li tmur tgħix f’post fejn il-​bżonn hu akbar. Imma jistaʼ jkun biss wara li tieħu passi biex tilħaq il-​mira tiegħek li Ġesù, permezz tal-​ispirtu t’Alla, se jiggwidak. Biex nagħtu tixbiha: Sewwieq jistaʼ jidderieġi l-​karozza tiegħu biex iddur lejn ix-​xellug jew lejn il-​lemin, imma biss jekk il-​karozza tkun miexja. B’mod simili, Ġesù jistaʼ jidderiġina biex inkabbru l-​ministeru tagħna, imma biss jekk inkunu mexjin—jekk inkunu qed nagħmlu sforz biex nilħqu l-​mira tagħna.

9 Però, xi ngħidu jekk l-​isforzi tiegħek ma jirnexxux mill-​ewwel? Għandek taqtaʼ qalbek, u tirraġuna li l-​ispirtu t’Alla mhuwiex qed jiggwidak? Ftakar li Pawlu wkoll iffaċċja xi xkiel. Madankollu, baqaʼ jfittex u jħabbat sakemm sab bieb li nfetaħlu. Bl-​istess mod, jekk tippersevera biex tfittex “bieb kbir għax-​xogħol,” int ukoll tistaʼ tiġi premjat.—1 Kor. 16:9.

QAGĦDU ATTENTI U MA TTRASKURAWX IT-​TALB

10. X’juri li biex nibqgħu għassa huwa essenzjali li noqogħdu attenti u ma nittraskurawx it-​talb?

10 Issa ejja nitkellmu dwar it-​tieni lezzjoni li nitgħallmu minn ħutna fl-​ewwel seklu. Huma qagħdu attenti u ma ttraskurawx it-​talb. (1 Pt. 4:7) Biex nibqgħu għassa huwa essenzjali li nibqgħu nitolbu. Ftakar li fil-​ġnien tal-​Ġetsemani, eżatt qabel ma ġie arrestat, Ġesù qal lil tlieta mill-​appostli tiegħu: “Ibqgħu għassa u itolbu kontinwament.”Mt. 26:41.

11, 12. Erodi għala u kif ittrattahom ħażin lill-​Kristjani, inkluż lil Pietru?

11 Pietru, li kien preżenti f’din l-​okkażjoni, iktar tard esperjenza kemm jistaʼ jkun importanti t-​talb t’oħrajn. (Aqra Atti 12:1-​6.) Fl-​ewwel versi taʼ dan ir-​rakkont, insiru nafu li sabiex jitħabbeb mal-​Lhud, Erodi ttrattahom ħażin lill-​Kristjani. X’aktarx li kien jaf li Ġakbu kien appostlu li kien qrib ħafna taʼ Ġesù. Għalhekk, Erodi qatel lil Ġakbu “bis-​sejf.” (Vers 2) B’hekk, il-​kongregazzjoni tilfet appostlu maħbub. Xi prova għall-​aħwa!

12 Erodi x’għamel imbagħad? Vers 3 jispjega: “Meta ra li dan kien għoġob lil-​Lhud, arresta lil Pietru wkoll.” Imma qabel, xi appostli kienu nħelsu mirakolożament mill-​ħabs. Pietru kien wieħed minnhom. (Atti 5:17-​20) Erodi għandu mnejn kien jaf b’dan, u għalhekk ried jagħmel ċert li Pietru ma jaħrabx. Erodi “poġġa miegħu erbaʼ gruppi t’erbaʼ suldati l-​wieħed biex, grupp wara l-​ieħor, joqogħdu għassa miegħu, għax kellu l-​ħsieb li jressqu quddiem il-​poplu wara l-​Qbiż.” (Vers 4) Immaġina ftit! Erodi kkmanda li Pietru jintrabat bil-​ktajjen bejn 2 gwardji, b’16-​il gwardja jaħdmu bix-​xift lejl u nhar biex ikun ċert li dan l-​appostlu ma jaħrabx. L-​idea taʼ Erodi kienet li jogħġob lill-​folol billi joqtol lil Pietru wara l-​Qbiż. F’din is-​sitwazzjoni terribbli, x’setgħu jagħmlu l-​aħwa?

13, 14. (a) Il-​kongregazzjoni x’għamlet meta Pietru ġie arrestat? (b) X’nistgħu nitgħallmu dwar it-​talb minn dak li għamlet il-​kongregazzjoni?

13 Il-​kongregazzjoni kienet taf eżattament x’għandha tagħmel. Vers 5 jgħid: “Għaldaqstant, Pietru kien qed jinżamm il-​ħabs; imma kien qed isir ħafna talb bil-​ħeġġa lil Alla għalih mill-​kongregazzjoni.” Iva, it-​talb tagħhom għal ħuhom il-​maħbub kien intens, talb bil-​ħrara u mill-​qalb. Mela l-​mewt taʼ Ġakbu ma kinitx qatgħatilhom qalbhom, u lanqas ma kienet ġegħlithom iqisu t-​talb bħala li hu bla valur. Għall-​kuntrarju, kienu jafu li t-​talb taʼ qaddejja leali jiswa ħafna għal Ġeħova. Jekk talb bħal dan ikun fi qbil mar-​rieda tiegħu, hu se jwieġbu.—Ebr. 13:18, 19; Ġak. 5:16.

14 X’nistgħu nitgħallmu minn dak li għamlet il-​kongregazzjoni? Jekk irridu nibqgħu għassa, ma rridux nitolbu biss għalina nfusna imma wkoll għal ħutna. (Efes. 6:18) Taf b’xi aħwa li qed jiffaċċjaw ħafna provi? Xi wħud forsi qed iġarrbu persekuzzjoni, projbizzjonijiet mill-​gvern, jew diżastri naturali. Għala ma titlobx għalihom mill-​qalb? Forsi taf ukoll dwar xi wħud li għaddejjin minn tbatijiet li ma jagħtux daqstant fil-​għajn. Forsi qed jissieltu maʼ inkwiet fil-​familja, skuraġġiment, jew saħħa batuta. Għax ma taħsibx f’individwi speċifiċi li tistaʼ ssemmihom b’isimhom hekk kif tkellem lil Ġeħova, “Semmiegħ it-​talb”?—Salm 65:2.

15, 16. (a) Iddeskrivi kif l-​anġlu taʼ Ġeħova ħeles lil Pietru mill-​ħabs. (Ara l-​istampa t’hawn taħt.) (b) Għala hu taʼ faraġ li nimmeditaw dwar il-​mod kif Ġeħova ħeles lil Pietru?

15 Imma xi ġralu Pietru? Matul l-​aħħar lejl tiegħu fil-​ħabs, waqt li kien rieqed bejn iż-​żewġ gwardji tiegħu, seħħet xi ħaġa tal-​għaġeb. (Aqra Atti 12:7-​11.) Immaġina dak li ġara: F’daqqa waħda, dawl qawwi mela ċ-​ċella tiegħu. Kien hemm anġlu bilwieqfa, li milli jidher il-​gwardji ma setgħux jarawh, u qajjem lil Pietru b’urġenza. U dawk il-​ktajjen li kienu maʼ jdejh sempliċement waqgħu! L-​anġlu mbagħad ħareġ lil Pietru miċ-​ċella, eżatt minn ħdejn il-​gwardji li kienu għassa barra, u għaddew mir-​rixtellu kbir tal-​ħadid, li nfetaħ “waħdu.” Ladarba kienu barra l-​ħabs, l-​anġlu sparixxa. Pietru kien ħieles!

16 Ma jsaħħilniex il-​fidi li nimmeditaw fuq il-​qawwa taʼ Ġeħova biex jeħles lill-​qaddejja tiegħu? M’għandniex xi ngħidu, ma nistennewx li Ġeħova jeħlisna mirakolożament f’dan iż-​żmien. Madankollu, għandna fiduċja sħiħa li llum juża l-​qawwa tiegħu għall-​benefiċċju tal-​poplu tiegħu. (2 Kron. 16:9) Permezz tal-​ispirtu qaddis setgħan tiegħu, hu jistaʼ jsaħħaħna biex nissaportu kwalunkwe prova. (2 Kor. 4:7; 2 Pt. 2:9) U Ġeħova dalwaqt se jagħti l-​qawwa lil Ġesù biex jirxoxta lil miljuni taʼ nies li issa huma bħal priġunieri tal-​mewt. (Ġw. 5:28, 29) Il-​fiduċja tagħna fil-​wegħdi t’Alla tistaʼ tagħtina kuraġġ kbir biex nissaportu l-​provi llum.

TAW XHIEDA BIR-​REQQA MINKEJJA L-​OSTAKLI

17. Pawlu kif kien eżempju eċċellenti taʼ xi ħadd li pprietka biż-​żelu u bl-​urġenza?

17 Issa se naraw it-​tielet lezzjoni li nistgħu nitgħallmu mill-​appostli dwar li nibqgħu għassa: Baqgħu jagħtu xhieda bir-​reqqa minkejja l-​ostakli. Biex nibqgħu għassa huwa vitali li nippritkaw biż-​żelu u bl-​urġenza. L-​appostlu Pawlu kien eżempju eċċellenti f’dan. Ħadem iebes fix-​xogħol tal-​ippritkar. Ivvjaġġa f’ħafna postijiet u stabbilixxa bosta kongregazzjonijiet. Avolja esperjenza ħafna provi, baqaʼ jipprietka biż-​żelu u bl-​urġenza.—2 Kor. 11:23-​29.

18. Pawlu kif kompla jagħti xhieda meta kien priġunier f’Ruma?

18 L-​aħħar darba li naqraw dwar Pawlu fil-​ktieb tal-​Atti hu f’kapitlu 28. Pawlu wasal Ruma, fejn kellu jidher quddiem Neruni. Inżamm bħala priġunier, forsi marbut b’katina mal-​gwardja tiegħu. Però, ebda katina ma setgħet issikket lill-​appostlu żeluż! Pawlu kompla jsib modi kif jagħti xhieda. (Aqra Atti 28:17, 23, 24.) Wara tlett ijiem, Pawlu sejjaħ lill-​kbarat tal-​Lhud sabiex jagħtihom xhieda. Imbagħad, f’ġurnata li għażlu l-​Lhud, tahom xhieda saħansitra akbar. Vers 23 jgħid: “Issa [l-​Lhud lokali] ftiehmu miegħu dwar il-​ġurnata, u ġew għandu fejn kien joqgħod u l-​għadd tagħhom kien akbar minn qabel. U minn fil-​għodu sa fil-​għaxija, spjegalhom dwar dan billi tahom xiehda bir-​reqqa dwar is-​saltna t’Alla u billi pprova jipperswadihom dwar Ġesù kemm mil-​liġi taʼ Mosè u kemm mill-​Profeti.”

19, 20. (a) Pawlu għala kien effettiv f’li jagħti xhieda? (b) Pawlu kif irreaġixxa meta mhux kulħadd aċċetta l-​aħbar tajba?

19 Pawlu għala kien daqstant effettiv f’li jagħti xhieda? Vers 23 jagħtina ftit mir-​raġunijiet. (1) Hu ffoka fuq is-​Saltna t’Alla u fuq Ġesù Kristu. (2) Hu għen lis-​semmiegħa tiegħu “billi pprova jipperswadihom.” (3) Hu rraġuna mill-​Iskrittura. (4) Hu wera li kien jimpurtah iktar min-​nies milli minnu nnifsu billi tahom xhieda “minn fil-​għodu sa fil-​għaxija.” Pawlu ta xhieda qawwija, imma mhux kulħadd aċċettaha. Vers 24 jgħid: “Xi wħud bdew jemmnu dak li ntqal, imma oħrajn m’emmnux.” Dan wassal biex ikun hemm nuqqas taʼ qbil, u n-​nies telqu.

20 Qataʼ qalbu Pawlu għax mhux kulħadd aċċetta l-​aħbar tajba? Lanqas xejn! Atti 28:30, 31 jgħidilna: “Baqaʼ sentejn sħaħ fid-​dar li kien kera, u b’qalb tajba kien jilqaʼ lil kulmin kien imur għandu; u kien jippriedka s-​saltna t’Alla u jgħallem fuq il-​Mulej Ġesù Kristu bl-​akbar libertà tal-​kelma u bla tfixkil.” Il-​ktieb ispirat tal-​Atti jintemm b’dan il-​kliem inkuraġġanti.

21. X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Pawlu meta kien arrestat id-​dar?

21 X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Pawlu? Waqt li kien arrestat id-​dar, Pawlu ma kienx ħieles biex jagħti xhieda minn dar għal dar. Madankollu, hu żamm attitudni pożittiva, billi ta xhieda lil kull min kien imur għandu. Bl-​istess mod, ħafna min-​nies t’Alla llum iżommu l-​ferħ tagħhom u jibqgħu jippritkaw minkejja li b’mod inġust jiġu mitfugħin il-​ħabs minħabba l-​fidi tagħhom. Xi wħud mill-​għeżież ħutna ma jistgħux joħorġu minn djarhom, forsi saħansitra qed jgħixu fi djar tal-​anzjani minħabba l-​età avanzata jew il-​mard. Skont iċ-​ċirkustanzi tagħhom, huma jippritkaw lit-​tobba, lil dawk li jżuruhom, u lil oħrajn li jistgħu jiġu f’kuntatt magħhom. Ix-​xewqa taʼ qalbhom hi li jagħtu xhieda bir-​reqqa dwar is-​Saltna t’Alla. Kemm napprezzaw l-​eżempju li jagħtuna!

22. (a) Liema pubblikazzjoni qed tgħinna nibbenefikaw mill-​ktieb Bibliku tal-​Atti? (Ara l-​kaxxa hawn fuq.) (b) X’inhi d-​determinazzjoni tiegħek hekk kif tistenna t-​tmiem taʼ din is-​sistema qadima?

22 B’mod ċar, l-​appostli u Kristjani oħrajn tal-​ewwel seklu msemmijin fil-​ktieb Bibliku tal-​Atti jistgħu jgħallmuna ħafna dwar kif nibqgħu għassa. Hekk kif nistennew it-​tmiem taʼ din is-​sistema qadima, ejja nkunu determinati li nimitaw dawn il-​Kristjani tal-​ewwel seklu f’li nagħtu xhieda bil-​qlubija u biż-​żelu. Issa m’hemmx privileġġ akbar milli nieħdu sehem f’li nagħtu “xiehda bir-​reqqa” dwar is-​Saltna t’Alla!—Atti 28:23.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa f’paġna 13]

“IL-​KTIEB TAL-​ATTI QATT MA SE JKUN L-​ISTESS GĦALIJA”

Wara li qara l-​ktieb Nagħtu Xhieda bir-​Reqqa Dwar is-​Saltna t’Alla, indokratur li jivvjaġġa esprima ruħu b’dan il-​mod: “Il-​ktieb tal-​Atti qatt ma se jkun l-​istess għalija.” Hu kien qara l-​ktieb Bibliku tal-​Atti diversi drabi, imma issa li kien qara din il-​pubblikazzjoni, ħass li setaʼ jibbenefika ħafna iktar meta jaqra l-​ktieb tal-​Atti.

[Stampa f’paġna 12]

Anġlu ħareġ lil Pietru mir-​rixtellu kbir tal-​ħadid