“Ġegħlitni Nagħti Naqra fl-Għajn”
Mill-Arkivji Tagħna
Meta Charlotte White, proklamatriċi full-time, waslet Louisville, f’Kentucky, l-Istati Uniti tal-Amerika, tiġbed bagalja fuq ir-roti, hi qajmet ftit tal-għagħa.
KIENET is-sena 1908, u Oħtna White żgur li ġibdet l-attenzjoni tan-nies tal-belt permezz taʼ invenzjoni ġdida fjamanta—id-Dawn-Mobile, bagalja bir-roti li fiha kienu jinġarru l-kotba Millennial Dawn. “Qlajt ftit kummenti,” qalet l-oħt, “u ġegħlitni nagħti naqra fl-għajn.”
L-Istudenti tal-Bibbja, kif kienu magħrufin dak iż-żmien ix-Xhieda taʼ Ġeħova, ħassew il-bżonn li jaqsmu l-veritajiet prezzjużi li kienu tgħallmu minn studju ħabrieki tal-Iskrittura. Ħafna kienu kisbu għarfien mill-Bibbja permezz taʼ serje taʼ kotba jisimhom Millennial Dawn (li iktar tard kienu jissejħu wkoll Studies in the Scriptures). Dawk il-Kristjani li riedu u setgħu, ivvjaġġaw ’il bogħod—lejn bliet, irħula, u nħawi rurali—u offrew dawn il-kotba li ġew imsejħin “L-Għajnuniet għall-Istudenti tal-Bibbja” lil qarrejja ħerqanin oħra.
Fl-1908, Oħtna White u proklamaturi żelużi oħrajn tas-Saltna kienu joffru s-sett taʼ sitt volumi, legati bix-xoqqa, għal $1.65 (€1.20). Minflok ma kienu jħallu l-kotba dak il-ħin, kienu jieħdu l-ordnijiet u jerġgħu jmorru darb’oħra—ħafna drabi meta tidħol il-paga—biex jagħtuhomlhom għall-prezz moderat taʼ kemm jiswa l-istampar. Wieħed li kien jopponi gerger dwar kemm in-nies kienu jagħtu ftit kontribuzzjoni għall-kotba li ngħataw!
Malinda Keefer ftakret li kienet tieħu l-ordnijiet għal mitejn sa tliet mitt ktieb fil-ġimgħa. Imma
l-interess kbir li ntwera fid-Dawns ġab dilemma miegħu. Biss biss, is-sitt volum waħdu kellu 740 paġna! “Ħamsin ktieb jiżnu 18-il kilogramm,” stqarr The Watch Tower, u dan għamel it-tqassim “xogħol strapazzuż wisq,” speċjalment għall-aħwa nisa.Sabiex isolvi d-dilemma tat-tqassim tad-Dawn, Ħuna James Cole vvinta frejm b’żewġ roti li jistaʼ jingħalaq. Fuqu kienet titgħabba l-bagalja u tintrabat bil-viti. Peress li ma kellux bżonn iġorr iktar kaxxi tal-kartun tqal mimlijin kotba, dak stess li vvinta din il-ħaġa kkummenta: “M’għadnix naqsam dahri.” Hu introduċa l-apparat il-ġdid fl-1908 lil udjenza entużjasta fil-konvenzjoni tal-Istudenti tal-Bibbja f’Cincinnati, Ohio. F’kull tarf tal-virga kien hemm żewġ buttuni u fuqhom kien hemm imnaqqax l-isem Dawn-Mobile, ladarba t-tagħbija prinċipali tal-bagalja kkonsistiet minn volumi tal-Millennial Dawn. Bi ftit prattika, il-ġarr taʼ bagalja mimlija b’għexieren taʼ kotba sar biċċa xogħol ħafifa li tagħmilha b’id waħda. L-għoli setaʼ jitranġa, u r-roti setgħu jduru liberalment fuq toroq bla tarmak. Wara ġurnata fil-ministeru, ir-roti bil-lastku setgħu jingħalqu u jitpoġġew ċatti mal-bagalja biex wieħed imur lura d-dar, bil-mixi jew bit-tramm.
L-aħwa nisa fis-servizz full-time setgħu jkollhom Dawn-Mobile bla ħlas. Inkella kienet tiswa $2.50 (€1.80). Oħtna Keefer, li tidher fl-istampa, ikkontrollat id-Dawn-Mobile tant tajjeb li setgħet tmexxi bagalja mimlija fuq ir-roti b’idha l-waħda u ġġorr basket ieħor bil-kotba f’idha l-oħra. F’waħda mill-bliet fejn kien isir it-tħaffir għall-faħam f’Pennsylvania, l-Istati Uniti tal-Amerika, tant sabet nies li jaċċettaw il-kotba li normalment kienet taqsam minn fuq pont tliet jew erbaʼ darbiet fil-ġurnata li riedet tqassamhom.
Fl-aħħar tas-snin 80, pilota vvinta l-bagalji bir-roti li llum tant huma xena komuni fl-ajruporti u fit-toroq tal-bliet iffollati. Iżda xi mitt sena ilu, x’aktarx li l-Istudenti tal-Bibbja ħadu pjaċir bin-nies jiskantaw lejhom kurjużi hekk kif rawhom imexxu d-Dawn-Mobile tagħhom ’l hawn u ’l hemm hekk kif qassmu ż-żrieragħ prezzjużi tal-verità tal-Bibbja.
[Kumment f’paġna 32]
Fil-ġurnata li Oħtna Keefer riedet tqassam il-kotba, hi normalment kienet taqsam minn fuq pont tliet jew erbaʼ darbiet
[Kumment f’paġna 32]
Solviet id-dilemma tat-tqassim tad-Dawn