Żomm l-Ispirtu Pożittiv tal-Kongregazzjoni
“Il-qalb tajba mhix mistħoqqa tal-Mulej Ġesù Kristu tkun maʼ l-ispirtu li turu.”—FLP. 4:23.
KIF NISTGĦU NŻOMMU SPIRTU BNIN FIL-KONGREGAZZJONI . . .
meta nassoċjaw maʼ ħutna?
biż-żelu tagħna fil-ministeru tal-għalqa?
billi nirrapportaw il-ħażen serju?
1. Għal xiex ġew imfaħħrin il-kongregazzjonijiet f’Filippi u fi Tjatira?
IL-KRISTJANI tal-ewwel seklu f’Filippi kienu foqra materjalment. Madankollu, kienu ġenerużi u wrew imħabba taʼ min jimitaha maʼ sħabhom fit-twemmin. (Flp. 1:3-5, 9; 4:15, 16) Allura, fl-aħħar tal-ittra ispirata li kien se jibagħtilhom, l-appostlu Pawlu setaʼ jikteb: “Il-qalb tajba mhix mistħoqqa tal-Mulej Ġesù Kristu tkun maʼ l-ispirtu li turu.” (Flp. 4:23) Minħabba li spirtu bħal dan ġie muri mill-Kristjani fi Tjatira, Ġesù Kristu glorifikat qalilhom: “Naf l-għemejjel tiegħek, u l-imħabba u l-fidi u l-ministeru u s-sabar tiegħek, u li l-għemejjel tiegħek taʼ dan l-aħħar huma iktar kotrana minn dawk taʼ qabel.”—Riv. 2:19.
2. L-attitudni li nuru kif qed tinfluwenza l-ispirtu li l-kongregazzjoni tagħna turi?
2 L-istess illum, kull kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova turi ċertu spirtu, jew, attitudni ġenerali. Xi kongregazzjonijiet huma magħrufin speċjalment għal li juru spirtu taʼ mħabba u kordjalità. Oħrajn huma eċċezzjonali f’li juru appoġġ żeluż għax-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna u f’li juru apprezzament profond għax-xogħol tal-ministeru full-time. Meta aħna bħala individwi naħdmu iebes biex ikollna spirtu pożittiv, inkunu qed nagħtu sehemna għall-unità tal-kongregazzjoni u navanzaw l-ispiritwalità tagħha inġenerali. (1 Kor. 1:10) Mill-banda l-oħra, spirtu negattiv min-naħa tagħna jistaʼ jinfluwenza wħud fil-kongregazzjoni biex jonogħsu spiritwalment, juru attitudni fietla, u saħansitra jittolleraw dnubiet serji. (1 Kor. 5:1; Riv. 3:15, 16) Xi spirtu għandha l-kongregazzjoni tiegħek? Int kif tistaʼ tippromwovi personalment spirtu pożittiv fil-kongregazzjoni?
INKURAĠĠIXXI SPIRTU POŻITTIV
3, 4. Kif nistgħu ‘nfaħħru lil Ġeħova fil-kongregazzjoni l-kbira’?
3 Is-salmista kanta: “Jien se nfaħħrek [Ġeħova] fil-kongregazzjoni l-kbira; fost poplu kbir se nagħtik tifħir.” (Salm 35:18) Is-salmista ma żammx lura milli jfaħħar lil Ġeħova meta kien maʼ qaddejja oħra t’Alla. Il-laqgħat tal-kongregazzjoni taʼ kull ġimgħa, inkluż l-Istudju tat-Torri tal-Għassa, jagħtuna opportunitajiet mill-aħjar biex nuru attitudni żeluża meta nikkummentaw u nesprimu l-fidi tagħna. Ilkoll kemm aħna nagħmlu tajjeb nistaqsu lilna nfusna: ‘Qed nieħu vantaġġ sħiħ mill-privileġġ biex nipparteċipa fil-laqgħat? Nipprepara tajjeb għalihom u nikkummenta bis-sens? Bħala kap tal-familja, ngħin jien lil uliedi biex jippreparaw kummenti bil-quddiem u ngħallimhom biex iwieġbu fi kliemhom stess?’
4 Is-salmista David għamel rabta bejn is-sodizza taʼ qalbna u l-kant tagħna. “Qalbi soda, O Alla,” qal hu, “qalbi soda. Se nkanta u ngħanni.” (Salm 57:7) L-għanjiet li jintużaw fil-laqgħat Kristjani jipprovdulna opportunità mill-aħjar biex ‘inkantaw u ngħannu’ lil Ġeħova b’qalb soda. Jekk m’aħniex midħla taʼ xi għanjiet, għala ma nipprattikawhomx waqt il-lejla tal-Qima tal-Familja? Jalla nkunu determinati biex ‘inkantaw lil Ġeħova tul ħajjitna kollha u ngħannulu kemm indumu ħajjin.’—Salm 104:33.
5, 6. Kif nistgħu nkunu ospitabbli u ġenerużi m’oħrajn, u dan xi jnissel fil-kongregazzjoni?
5 Li nkunu ospitabbli lejn ħutna hu mod ieħor kif innisslu spirtu taʼ mħabba fil-kongregazzjoni. Fl-aħħar kapitlu tal-ittra tiegħu lill-Ebrej, Pawlu jinkludi dan it-tħeġġiġ: “Komplu uru mħabbitkom lejn l-aħwa. Tinsewx l-ospitalità.” (Ebr. 13:1, 2) Mod eċċellenti kif nuru l-ospitalità hu billi nistiednu għall-ikel lill-indokratur li jivvjaġġa u lil martu, jew lill-qaddejja full-time fil-kongregazzjoni. Aħsbu wkoll dwar ir-romol, il-familji b’ġenitur wieħed, jew individwi oħrajn li jistgħu jibbenefikaw milli kultant naqsmu ikla magħhom jew nistidnuhom jingħaqdu magħna għall-qima tal-familja.
6 Pawlu qal lil Timotju jinkuraġġixxi lil oħrajn “biex jagħmlu l-ġid, ikunu għonja f’għemejjel tajbin, ikunu idhom miftuħa, lesti biex jaqsmu m’oħrajn u, bħala t-teżor tagħhom, iqiegħdu fis-sigurtà għalihom infushom pedament tajjeb għall-futur, sabiex jaqbdu qabda soda mal-ħajja vera.” (1 Tim. 6:17-19) Pawlu kien qed iħeġġeġ lill-aduraturi sħabu biex iżidu l-ispirtu taʼ ġenerożità tagħhom. Anke fi żminijiet ekonomiċi diffiċli, aħna nistgħu nkabbru spirtu taʼ ġenerożità. Mod mill-aħjar biex nagħmlu dan huwa billi nipprovdu t-trasport għall-ministeru u lejn u mil-laqgħat lil dawk li jeħtiġuh. U xi ngħidu għal dawk li jibbenefikaw minn atti taʼ qalb tajba bħal dawn? Huma jkunu qed jinkuraġġixxu spirtu pożittiv fil-kongregazzjoni jekk juru apprezzament, forsi billi joffru dak li jistgħu biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż għoljin tal-fjuwil li dejjem jiżdiedu. Iktar minn hekk, il-fatt li nippjanaw li nkunu iktar maʼ ħutna spiritwali jġegħelhom iħossuhom apprezzati u maħbubin. Meta noktru f’għemejjel tajbin “maʼ min jiġi minna fil-fidi” u nkunu lesti li nagħtuhom mill-ħin u r-riżorsi tagħna, aħna mhux biss inkunu qed inkattru mħabbitna lejhom imma wkoll inkunu qed ngħinu biex jinbena spirtu pożittiv u taʼ mħabba fil-kongregazzjoni.—Gal. 6:10.
7. Li nżommu l-affarijiet personali t’oħrajn kunfidenzjali, kif jgħin biex jinżamm spirtu tajjeb fil-kongregazzjoni?
7 Ikkunsidra terġaʼ fatturi oħrajn li jsaħħu l-għaqda taʼ mħabba maʼ sħabna fit-twemmin: il-ħbiberija u l-kunfidenzjalità. (Aqra Proverbji 18:24.) Ħbieb veri jżommu b’kunfidenzjalità l-affarijiet personali. Meta ħutna jgħidulna bil-ħsibijiet u s-sentimenti l-iktar ġewwinin tagħhom u jkunu ċerti li dawn ma jsirx jaf bihom kulħadd, l-għaqda taʼ mħabba li diġà tkun teżisti se tissaħħaħ. Jalla nippromwovu spirtu taʼ mħabba bħal taʼ familja fil-kongregazzjoni billi nkunu ħbieb taʼ min jafdana u li kapaċi nżommu affarijiet kunfidenzjali.—Prov. 20:19.
KUN ŻELUŻ FIL-MINISTERU
8. Liema parir ngħataw il-Laodikin, u għala?
8 Meta kien qed ikellem lill-kongregazzjoni f’Laodiċija, Ġesù qal: “Naf l-għemejjel tiegħek, li la int kiesaħ u lanqas sħun. Nixtieq li kont kiesaħ inkella sħun. Għalhekk, għax int fietel, u la int sħun u lanqas kiesaħ, nobżqok minn ħalqi.” (Riv. 3:15, 16) Il-Laodikin kellhom nuqqas taʼ żelu għall-ministeru Kristjan. Attitudni bħal din x’aktarx li effettwat ukoll ir-relazzjonijiet personali tagħhom. Għalhekk, Ġesù wissiehom bl-imħabba: “Lil kulmin għandi affezzjoni lejh inwiddbu u niddixxiplinah. Għalhekk, kun żeluż u indem.”—Riv. 3:19.
9. L-attitudni tagħna lejn il-ministeru tal-għalqa, kif teffettwa l-ispirtu tal-kongregazzjoni?
9 Sabiex nippromwovu spirtu pożittiv u bnin fil-kongregazzjoni, aħna għandna nagħtu kas iż-żelu tagħna lejn il-ministeru tal-għalqa. Il-kongregazzjoni hi organizzata bil-mira li nsibu wħud bħal nagħaġ fit-territorju u nibnuhom spiritwalment. B’hekk, għandna bżonn nieħdu sehem fix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli bl-entużjażmu, bħalma għamel Ġesù. (Mt. 28:19, 20; Lq. 4:43) Iktar ma jkollna żelu għall-ministeru, iktar se nkunu magħqudin bħala “ħaddiema sħab m’Alla.” (1 Kor. 3:9) Hekk kif nosservaw oħrajn fil-ministeru tal-għalqa jiddefendu l-fidi tagħhom u jesprimu l-apprezzament tagħhom għall-affarijiet spiritwali, aħna nitqanqlu biex inħobbuhom u nirrispettawhom iżjed. Ukoll, li naqdu “spalla maʼ spalla” fil-ministeru jipproduċi spirtu t’għaqda fil-kongregazzjoni.—Aqra Sofonija 3:9.
10. L-isforzi li nagħmlu biex intejbu l-kwalità tal-ministeru tagħna, x’effett għandhom fuq oħrajn fil-kongregazzjoni?
10 L-isforzi tagħna biex intejbu l-kwalità tal-ministeru tagħna għandhom ukoll effett tajjeb fuq oħrajn. Hekk kif ninteressaw ruħna iktar fin-nies li niltaqgħu magħhom u hekk kif nirsistu biex inkunu iktar effettivi f’li nilħqu l-qlub taʼ dawk li jisimgħuna, l-entużjażmu tagħna għall-ministeru jiżdied. (Mt. 9:36, 37) L-entużjażmu għandu t-tendenza li jittieħed minn dawk li jkunu magħna. Ġesù bagħat lid-dixxipli tiegħu tnejn tnejn biex jippritkaw minflok wieħed wieħed. (Lq. 10:1) Dan mhux biss inkuraġġiehom u ħarriġhom imma wkoll kabbar iż-żelu tagħhom għall-ministeru. Ma napprezzawx aħna li naħdmu maʼ pubblikaturi żelużi tas-Saltna? L-entużjażmu tagħhom jinkuraġġina u jgħinna nkomplu fix-xogħol tal-ippritkar.—Rum. 1:12.
GĦASSES KONTRA T-TGERGIR U L-GĦEMIL ĦAŻIN
11. Fi żmien Mosè, xi Iżraelin liema tip taʼ spirtu żviluppaw, u dan x’effett kellu fuqhom?
11 Sa ftit ġimgħat biss wara li bdew jeżistu bħala ġens ġdid, l-Iżraelin żviluppaw spirtu taʼ skuntentizza u tgergir. Dan wassal għal ribelljoni kontra Ġeħova u r-rappreżentanti tiegħu. (Eżo. 16:1, 2) Numru żgħir biss mill-Iżraelin li ħarġu mill-Eġittu tħallew jidħlu fl-Art Imwiegħda. Anke Mosè ġie mċaħħad milli jidħol f’dik l-art minħabba r-reazzjoni tiegħu għall-attitudni ħażina tal-Iżraelin! (Dt. 32:48-52) X’nistgħu nagħmlu llum biex ma naqgħux vittma taʼ li jkollna spirtu negattiv?
12. Kif nistgħu ngħassu kontra li niżviluppaw spirtu taʼ tgergir?
12 Aħna għandna ngħassu kontra li niżviluppaw spirtu taʼ tgergir. L-umiltà u r-rispett lejn l-awtorità se jgħinuna nevitaw din l-attitudni. Xi ħaġ’oħra li tistaʼ tgħinna hi li nagħżlu lil ħbiebna bir-reqqa. Għażla mhix għaqlija taʼ divertiment jew li nqattgħu ħafna ħin mal-kollegi tagħna tax-xogħol u sħabna tal-iskola li m’għandhom l-ebda rispett għall-prinċipji tajbin se jġibu konsegwenzi koroh. Inkunu għaqlin jekk nillimitaw l-assoċjazzjoni tagħna maʼ nies li huma negattivi jew li qed jippromwovu attitudni indipendenti.—Prov. 13:20.
13. L-influwenza li tikkorrompi tat-tgergir tistaʼ twassal għal liema ħsara oħra fl-ispiritwalità tal-kongregazzjoni?
13 L-influwenza li tikkorrompi tat-tgergir tistaʼ twassal biex ikun hemm ħsara oħra fl-ispiritwalità. Pereżempju, it-tgergir jistaʼ jfixkel il-paċi u l-għaqda tal-kongregazzjoni. Iktar minn hekk, it-tgergir kontra sħabna fit-twemmin jistaʼ mhux biss iweġġagħhom imma jistaʼ wkoll iwassal għad-dnubiet taʼ malafama u żebliħ. (Lev. 19:16; 1 Kor. 5:11) Uħud li kienu gergru fil-kongregazzjoni tal-ewwel seklu kienu “jinjoraw lil min hu fuqhom u jmaqdru lill-glorjużi.” (Ġuda 8, 16) Tgergir bħal dan kontra rġiel responsabbli fil-kongregazzjoni żgur li ma kellux l-approvazzjoni t’Alla.
14, 15. (a) Kif se tiġi effettwata l-kongregazzjoni kollha meta wieħed iħalli l-ħażen għaddej qisu qatt ma kien xejn? (b) X’għandna nagħmlu jekk insiru nafu li xi ħadd hu involut f’xi dnub bil-moħbi?
14 Xi ngħidu jekk insiru nafu li xi ħadd hu involut f’xi dnub bil-moħbi, forsi billi jabbuża mill-alkoħol, jara l-pornografija, jew jgħix ħajja immorali? (Efes. 5:11, 12) Li nagħlqu għajn waħda għall-għemejjel ħżiena serji jistaʼ jtellef l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova milli jinfirex liberalment fuq il-kongregazzjoni kollha u jhedded il-paċi tagħha. (Gal. 5:19-23) L-istess bħalma l-Kristjani tal-bidu f’Korintu kellhom ineħħu l-ħażen, hekk ukoll illum, kwalunkwe influwenza ħażina għandha tinżamm ’il barra mill-kongregazzjoni sabiex nipproteġu l-ispirtu pożittiv u bnin. X’tistaʼ tagħmel int biex tgħin għaż-żamma tal-paċi fil-kongregazzjoni?
15 Bħalma semmejna qabel, huwa importanti li nżommu l-kunfidenzjalità f’ċerti kwistjonijiet, speċjalment meta oħrajn jaqsmu magħna s-sentimenti u l-ħsibijiet tagħhom. Kemm huwa ħażin u taʼ wġigħ li xxerred informazzjoni kunfidenzjali dwar xi ħadd! Xorta waħda, meta jkun sar xi dnub serju, dawk maħturin Skritturalment biex jieħdu ħsieb il-kwistjoni—l-anzjani tal-kongregazzjoni—għandhom jiġu informati. (Aqra Levitiku 5:1.) Għalhekk, jekk nafu b’xi ħu jew oħt li kkommettiet xi ħażen bħal dan, għandna ninkuraġġuha tmur għand l-anzjani u titlob l-għajnuna tagħhom. (Ġak. 5:13-15) Iżda, jekk dak li jkun ma jagħmilx dan fi żmien raġunevoli, aħna għandna nirrapportaw il-ħażen.
16. Kif nipproteġu lill-kongregazzjoni billi ngħidu lill-anzjani jekk inkunu nafu b’xi ħażen serju?
16 Il-kongregazzjoni Kristjana hija post taʼ kenn spiritwali, u aħna għandna ngħinu biex nipproteġuha billi nirrapportaw kwalunkwe ħażen serju. Jekk l-anzjani jġibu f’sensih lil dak li għamel il-ħażen u dan, għax nidem, jaċċetta t-twiddib u l-korrezzjoni, hu ma jkunx qed jipperikola iktar l-ispirtu tal-kongregazzjoni. Imma xi ngħidu jekk dan il-midneb ma jindimx u ma jaċċettax il-parir bl-imħabba tal-anzjani? Hu jinqataʼ mis-sħubija. Dan jirriżulta fil-“qerda,” jew, it-tneħħija tal-influwenza qerrieda minn fostna, u l-ispirtu tal-kongregazzjoni jiġi protett. (Aqra l-1 Korintin 5:5.) Iva, li nipproteġu l-ispirtu tal-kongregazzjoni jeħtieġ li kull wieħed u waħda minna jieħu azzjoni xierqa, jikkoopera mal-ġemgħa tal-anzjani, u jipproteġi l-benesseri taʼ sħabu fit-twemmin.
INKURAĠĠIXXI “L-UNITÀ TAʼ L-ISPIRTU”
17, 18. X’se jgħinna ‘nħarsu l-unità taʼ l-ispirtu’?
17 Billi “baqgħu jingħataw għat-tagħlim taʼ l-appostli,” is-segwaċi tal-bidu li kellu Ġesù għenu biex ikun hemm spirtu t’għaqda fil-kongregazzjoni. (Atti 2:42) Huma apprezzaw il-parir Skritturali u d-direzzjoni mogħtijin mill-irġiel ixjeħ. Minħabba li l-anzjani tal-lum jikkooperaw mal-klassi tal-ilsir leali u għaqli, kulħadd fil-kongregazzjoni hu inkuraġġit u megħjun biex jibqaʼ f’unità. (1 Kor. 1:10) Meta nissottomettu ruħna għall-istruzzjoni bbażata fuq il-Bibbja mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova u nsegwu d-direzzjoni tal-anzjani, aħna nagħtu prova li qed ‘nagħmlu ħilitna biex bil-ħeġġa kollha nħarsu l-unità taʼ l-ispirtu fir-rabta li tgħaqqad tal-paċi.’—Efes. 4:3.
18 B’kull mezz, mela, ejja naħdmu biex inżommu spirtu pożittiv u bnin fil-kongregazzjoni. Jekk nagħmlu hekk, aħna żgurati li ‘l-qalb tajba mhix mistħoqqa tal-Mulej Ġesù Kristu tkun maʼ l-ispirtu li nuru.’—Flp. 4:23.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 19]
Tagħti sehmek għal spirtu pożittiv billi tipprepara kummenti bis-sens?
[Stampa f’paġna 20]
Agħti sehmek għal spirtu pożittiv billi ssir midħla tal-għanjiet tagħna