Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Huma Pproklamaw il-Kelma t’Alla bil-Kuraġġ!

Huma Pproklamaw il-Kelma t’Alla bil-Kuraġġ!

Kuraġġ—saħansitra qlubija—meta wieħed ikun wiċċ imb wiċċ maʼ oppożizzjoni. Dawn il-​kwalitajiet jidhru fi Kristjani veri, kif muri f’pubblikazzjonijiet bħal Nagħtu Xhieda bir-​Reqqa Dwar is-​Saltna t’Alla u Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom. Bħal sħabna fit-​twemmin fl-​ewwel seklu, aħna nduru lejn Ġeħova fit-​talb għall-​ispirtu tiegħu u għall-​għajnuna biex inxandru l-​kelma tiegħu bil-​qlubija.—Atti 4:23-​31.

Inkwantu għax-​xogħol tal-​ippritkar tagħna matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, ħu wieħed kiteb: “Il-​qaddejja t’Alla kienu qed iqassmu bil-​ħeġġa s-​sebaʼ volum taʼ Studies in the Scriptures, li jismu The Finished Mystery. Kien qed jitqassam b’rata li qatt ma kien hemm bħalha. Il-​fuljett Aħbar tas-​Saltna Nru. 1 ħareġ fl-​1918. Warajh ġie l-​Aħbar tas-​Saltna Nru. 2, li spjega għala l-​awtoritajiet kienu qed iżommu The Finished Mystery milli jitqassam. Ftit wara ħareġ l-​Aħbar tas-​Saltna Nru. 3. Dawn il-​pubblikazzjonijiet kienu mqassmin maʼ kullimkien mill-​klassi leali tal-​midlukin. Kien jeħtieġ fidi u kuraġġ biex jitqassmu l-​Aħbar tas-​Saltna.”

Illum, pubblikaturi tas-​Saltna ġodda ġeneralment jirċievu taħriġ fil-​ministeru, imma dan ma kienx dejjem il-​każ. Meta ftakar l-​ewwel esperjenza tiegħu fis-​servizz tal-​għalqa fl-​1922, wieħed ħu Pollakk fl-​Istati Uniti kiteb: “B’ebda għarfien dwar kif nippreżenta l-​letteratura u b’Ingliż batut ferm, kont bilwieqfa waħdi quddiem bieb t’uffiċċju taʼ tabib u ħabbatt. Fetħet infermiera. Qatt ma ninsa dik l-​esperjenza għax kont eċċitat u mbeżżaʼ. Jien u niftaħ il-​basket waqgħuli l-​kotba kollha maʼ saqajn l-​infermiera. M’għandi l-​ebda idea x’għedtilha, imma ħallejtilha pubblikazzjoni. Sa ma tlaqt, ksibt il-​kuraġġ u ħassejtni mbierek minn Ġeħova. Ħallejt ħafna kotba żgħar dakinhar f’dik it-​triq taʼ negozju.”

Oħt waħda tgħid: “Madwar l-​1933, ħafna aħwa użaw karozzi mgħammrin bl-​ispeakers biex iqassmu l-​messaġġ tas-​Saltna.” F’okkażjoni minnhom, hi u koppja li kienu Xhieda kienu qed jippritkaw f’erja muntanjuża f’Kalifornja, l-​Istati Uniti. Hi tiftakar: “Il-​ħu ħa l-​karozza bl-​ispeakers iktar ’il fuq fil-​muntanji, u aħna bqajna fir-​raħal. Meta beda jdoqq il-​messaġġ rekordjat, instemaʼ bħallikieku kien ġej mis-​sema. In-​nies tar-​raħal ipprovaw fuq li pprovaw isibu lill-​ħu imma ma setgħux. Wara li spiċċa r-​rekording, żorna lin-​nies u tajniehom xhieda. Jien ħdimt b’żewġ karozzi oħra bl-​ispeakers u nistaʼ niżgurak illi l-​maġġoranza tan-​nies ma ridux jisimgħu l-​messaġġ. Imma ma setgħux ħlief jisimgħu t-​taħditiet għax il-​messaġġ instemaʼ ċar kristall fi djarhom. Dejjem stajna naraw li Ġeħova ġiegħel li jintuża l-​metodu t-​tajjeb fil-​ħin it-​tajjeb. Dan il-​metodu talab il-​kuraġġ kollu li stajna rrawmu, imma dejjem wettaq xogħlu, u isem Ġeħova ġie glorifikat.”

Fis-​snin 30 u kmieni fis-​snin 40, kienu jintużaw il-​fonografi u t-​taħditiet Bibliċi rekordjati fil-​ministeru tagħna. Mara Kristjana tiftakar: “Oħt żagħżugħa kienet qed taħdem minn dar għal dar bil-​fonografu. Wara li bdiet iddoqq ir-​rekording fil-​bieb, sid id-​dar tant irrabja li ta daqqa taʼ sieq lill-​fonografu u xxuttjah minn fuq l-​għatba. Ma nkisritx diska waħda. Tlett irġiel li kienu qed jieklu l-​ikel taʼ nofsinhar fi trakk ipparkjat raw x’kien ġara, stiednu lill-​oħt iddoqqilhom ir-​rekording u ħadu l-​letteratura mingħandha. Dan patta għat-​trattament ħażin.” Kien jeħtieġ il-​kuraġġ biex tkampa maʼ provi bħal dawn.

L-​istess oħt żiedet: “Niftakar il-​bidu tat-​tqassim tar-​rivisti fit-​toroq fl-​1940. Qabel dan kien ikun hemm marċi t’informazzjoni. L-​aħwa, wieħed wara l-​ieħor, kienu jimmarċjaw fuq il-​bankina waqt li jġorru tabelli li kienu jgħidu ‘Ir-​Reliġjon Hija Nasba u Ingann’ u ‘Aqdi lil Alla u lil Kristu s-​Sultan.’ Fl-​istess ħin, fuljetti b’xejn kienu qed jitqassmu lin-​nies. Kien jeħtieġ il-​kuraġġ biex tieħu sehem f’dawn l-​oqsma tax-​xogħol imma dawn qdew l-​għan taʼ li l-​isem u l-​poplu taʼ Ġeħova jinżammu quddiem għajnejn il-​pubbliku.”

“Ix-​xogħol bir-​rivisti fi rħula żgħar kien diffiċli ħafna,” tgħid oħt oħra. “Dan kien fi żmien meta l-​oppożizzjoni kontra x-​Xhieda kienet qawwija. . . . Kien jeħtieġ kuraġġ taʼ veru biex toqgħod bilwieqfa f’kantuniera, iżżomm ir-​rivisti u tgħajjat frażijiet li kienu suġġeriti biex jintużaw. Madankollu, rari kien hemm Sibt li ma ħriġniex. Xi drabi n-​nies kienu jkunu dħulin. Drabi oħra gruppi taʼ nies xejn pjaċevoli kienu jinġemgħu u kultant kien ikollna naħarbu nkiss inkiss biex nevitaw trattament aħrax minn dawn il-​gruppi.”

Minkejja l-​persekuzzjoni esperjenzata waqt it-​Tieni Gwerra Dinjija, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova bil-​kuraġġ komplew il-​ministeru tagħhom. F’kampanja taʼ 43 ġurnata mill-​1 taʼ Diċembru, 1940, sat-​12 taʼ Jannar, 1941, xi 50,000 pubblikatur fl-​Istati Uniti qassmu xi tmien miljun ktejjeb matul dak li ġie msejjaħ il-​Perijodu taʼ Xhieda “b’Kuraġġ.”

Ħafna wħud ikbar fl-​età fl-​organizzazzjoni t’Alla jiftakru ċar l-​isfidi tal-​passat li ġegħluhom irabbu l-​kuraġġ. Xi wħud jiftakru li għal snin sħaħ, l-​ispirtu kuraġġuż tagħhom intwera fil-​motto li tant kienu jgħidu, Biegħdu l-​battalja sal-​bieb! Min jaf x’forma għad irid jieħu l-​messaġġ tagħna mogħti minn Alla qabel ma tispiċċa s-​sistema preżenti mill-​agħar! Però, bl-​għajnuna divina, se nkomplu nipproklamaw il-​kelma taʼ Ġeħova bil-​fidi u l-​kuraġġ.

[Kumment f’paġna 9]

Dejjem kien hemm bżonn il-​kuraġġ biex tieħu sehem fix-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna