Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Karatteristika li Tistaʼ Tivvelena lil Moħħna—L-Għira

Karatteristika li Tistaʼ Tivvelena lil Moħħna—L-Għira

Napuljun Bonaparti kellu minnha. Ġulju Ċesari kellu minnha. Alessandru l-​Kbir kellu minnha. Minkejja l-​qawwa u l-​glorja kollha tagħhom, f’qalb dawn l-​irġiel tħalliet karatteristika li tistaʼ tivvelena l-​moħħ taʼ dak li jkun. It-​tlieta li huma għeru għal xi ħadd ieħor.

“Napuljun għer għal Ċesari, Ċesari għer għal Alessandru [l-​Kbir], u Alessandru, jekk ikolli ngħid, għer għal Erkole, li qatt m’eżista,” kiteb il-​filosfu Ingliż Bertrand Russell. L-​għira tistaʼ therri lil kwalunkwe bniedem, minkejja kemm hu sinjur, kemm għandu kwalitajiet sbieħ, u kemm għamel suċċess f’ħajtu.

L-​għira hija sentiment taʼ stmerrija għal oħrajn minħabba l-​affarijiet li għandhom, il-​prosperità, il-​vantaġġi, u affarijiet simili. Xogħol taʼ referenza dwar il-​Bibbja jiddistingwi l-​għira mill-​ġelożija b’dan il-​mod: “‘Il-​ġelożija’ . . . tirreferi għax-​xewqa biex wieħed ikollu dak li għandu ħaddieħor, u l-​kelma ‘għira’ tirreferi għax-​xewqa biex wieħed iċaħħad lil ieħor minn dak li għandu.” Il-​bniedem għajjur mhux biss jgħir għal dak li għandhom oħrajn, imma wkoll ikun irid jiħodhulhom.

Inkunu għaqlin jekk neżaminaw kif l-​għira tistaʼ tinbet ġo fina u x’inhuma l-​konsegwenzi tagħha. Tassew għandna bżonn inkunu nafu x’passi għandna nieħdu biex ma nħallux l-​għira tikkontrollalna ħajjitna.

ATTITUDNI LI TISTAʼ TITFAʼ L-​ĦATAB FUQ IN-NAR TAL-GĦIRA

Filwaqt li l-​bnedmin imperfetti għandhom “tendenza għall-​għira,” fatturi differenti jistgħu jsostnu u jsaħħu din l-​inklinazzjoni. (Ġak. 4:5) L-​appostlu Pawlu identifika wieħed minnhom meta qal: “Ħa ma nintefħux bina nfusna, għax b’hekk inqanqlu l-​kompetizzjoni bejnietna, u ngħiru għal xulxin.” (Gal. 5:26) L-​attitudni, jew, l-​ispirtu taʼ kompetizzjoni jistaʼ saħansitra jżid l-​inklinazzjoni imperfetta għall-​għira. Żewġ Kristjani jisimhom Cristina u José a sabu kemm dan hu minnu.

Cristina, pijuniera regulari, tgħid: “Spiss insib lili nnifsi nħares lejn oħrajn u nħossni għajjura għalihom. Inqabbel dak li għandhom maʼ dak li m’għandix.” Darba minnhom, Cristina kienet qed tiekol maʼ koppja li għandhom il-​privileġġ li jaqdu fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar. Konxja li hi u żewġha, Eric, kienu kważi tal-​istess età tal-​indokratur li jivvjaġġa u martu u li kellhom inkarigi simili fil-​passat, Cristina qalet: “Żewġi huwa anzjan ukoll! Kif inhu li intom qegħdin fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar u aħna m’aħna xejn?” Spirtu taʼ kompetizzjoni waddab il-​ħatab fuq in-​nar tal-​għira, u dan għamieha għax-​xogħol mill-​aħjar li hi u żewġha kienu qed jagħmlu u ġegħelha ma tkunx sodisfatta b’ħajjithom.

José xtaq li jaqdi bħala qaddej ministerjali fil-​kongregazzjoni. Meta ma nħatarx u oħrajn inħatru, għer għalihom u żamm f’qalbu għall-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani. “L-​għira ġegħlitni rrawwem mibegħda għal dan il-​ħu u biex ninterpreta ħażin l-​intenzjonijiet tiegħu,” jistqarr José. “Meta l-​għira tikkontrollalek ħajtek, tibda taħseb fik innifsek u ma tkunx tistaʼ taħseb ċar.”

X’JGĦALLMUNA L-​EŻEMPJI SKRITTURALI?

Il-​Bibbja fiha ħafna eżempji taʼ twissija. (1 Kor. 10:11) Uħud minn dawn mhux biss juruna kif tikber l-​għira, imma wkoll kif tivvelena lil dawk li jħalluha tegħlibhom.

Pereżempju, Kajjin, l-​ewwel iben taʼ Adam u Eva, ħassu rrabjat meta Ġeħova aċċetta s-​sagrifiċċju taʼ Abel imma lil tiegħu le. Kajjin setaʼ rranġa din is-​sitwazzjoni, imma tant sar mogħmi bl-​għira li qatel lil ħuh. (Ġen. 4:4-​8) Mhux taʼ b’xejn li l-​Bibbja titkellem dwar Kajjin bħala wieħed “li oriġina mill-​Ħażin,” Satana!—1 Ġw. 3:12.

L-​għaxar aħwa taʼ Ġużeppi għeru għar-​relazzjoni speċjali li Ġużeppi kellu maʼ missierhom. Il-​mibegħda tagħhom għal Ġużeppi kibret meta qalilhom dwar il-​ħolm profetiku tiegħu. Saħansitra riedu joqtluh. Fl-​aħħar, bigħuh bħala lsir u bi krudeltà ġiegħlu lil missierhom jemmen li Ġużeppi kien mejjet. (Ġen. 37:4-​11, 23-​28, 31-​33) Snin wara, huma ammettew dnubhom u qalu lil xulxin: “Bla dubju aħna ħatjin rigward ħuna, għax rajna kemm kellu ruħu mnikkta meta talabna bil-​ħniena biex nagħdruh, imma ma tajniehx widen.”—Ġen. 42:21; 50:15-​19.

Fil-​każ taʼ Koraħ, Datan, u Abiram, l-​għira nibtet meta qabblu l-​privileġġi tagħhom maʼ dawk taʼ Mosè u Aron. Huma akkużaw lil Mosè li kien qed ‘jilgħabha tal-​prinċep’ u li kien qed jgħolli lilu nnifsu fuq oħrajn. (Num. 16:13) Din l-​akkuża ma kinitx vera. (Num. 11:14, 15) Ġeħova stess kien ħatar lil Mosè. Iżda dawn ir-​ribelli għeru għall-​pożizzjoni taʼ Mosè. Fl-​aħħar, l-​għira wasslet għall-​qerda tagħhom minn Ġeħova.—Salm 106:16, 17.

Is-​Sultan Salamun ra b’għajnejh stess sa fejn tistaʼ twassal l-​għira. Mara li mititilha tarbija tat-​twelid ipprovat tinganna lil seħbitha f’li taħseb li kienet it-​tarbija tagħha li kienet mietet. Matul il-​ġuri li kien hemm wara dan, il-​waħda li gidbet saħansitra aċċettat l-​idea li tinqatel it-​tarbija li baqgħet ħajja. Madankollu, Salamun għamel ċert li t-​tarbija ngħatat lill-​omm proprja.—1 Slat. 3:16-​27.

L-​għira tistaʼ ġġib konsegwenzi taʼ wġigħ. L-​eżempji Skritturali li għadna kif semmejna juru li din tistaʼ twassal għall-​mibegħda, għall-​inġustizzja, u għall-​qtil. Iktar minn hekk, f’kull każ il-​vittma ma kienet għamlet xejn li jistħoqqilha dak li ġie fuqha f’daqqa waħda. Hemm xi ħaġa li aħna nistgħu nagħmlu biex niżguraw li l-​għira ma tikkontrollalniex ħajjitna? Liema passi nistgħu nieħdu bħala rimedji għall-​velenu tal-​għira?

RIMEDJI EFFETTIVI!

Kattar l-​imħabba u l-​affezzjoni lejn l-​aħwa. L-​appostlu Pietru wissa lill-​Kristjani: “Issa li saffejtu ruħkom bl-​ubbidjenza tagħkom lejn il-​verità, u b’hekk għandkom affezzjoni lejn l-​aħwa mingħajr ipokrisija, ħobbu lil xulxin mill-​qalb bil-​ħeġġa kollha.” (1 Pt. 1:22) U x’inhi l-​imħabba? L-​appostlu Pawlu kiteb: “L-​imħabba tistabar fit-​tul u qalbha tajba. L-​imħabba ma tgħirx, ma tiftaħarx, ma tintefaħx, ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti, ma tfittixx l-​interessi tagħha.” (1 Kor. 13:4, 5) It-​tkattir taʼ mħabba bħal din f’qalbna għal oħrajn irażżan tendenza negattiva għall-​għira. (1 Pt. 2:1) Minflok m’għer għal David, Ġonatan ‘ħabbu bħalu nnifsu.’—1 Sam. 18:1.

Agħmilha maʼ nies li jħobbu lil Alla. Il-​kompożitur taʼ Salm 73 ġietu l-​għira għall-​ħżiena li gawdew ħajja taʼ lussu ħielsa mill-​problemi. Madankollu, hu għeleb l-​għira li kellu billi mar “fis-​santwarju grandjuż t’Alla.” (Salm 73:3-​5, 17) Il-​fatt li s-​salmista għamilha m’aduraturi sħabu għenu jinduna bil-​barkiet li ġew milli ‘jersaq qrib Alla.’ (Salm 73:28) Aħna jistaʼ jiġrilna l-​istess jekk nassoċjaw regolarment maʼ sħabna fit-​twemmin fil-​laqgħat Kristjani.

Fittex li tagħmel it-​tajjeb. Wara li Alla induna bl-​għira u l-​mibegħda li żviluppaw f’Kajjin, Hu qallu: ‘Dur biex tagħmel it-​tajjeb.’ (Ġen. 4:7) Għall-​Kristjani, x’jinvolvi li ‘jagħmlu t-​tajjeb’? Ġesù qal li għandna ‘nħobbu lil Ġeħova Alla tagħna b’qalbna kollha u b’ruħna kollha u b’moħħna kollu u nħobbu lill-​proxxmu tagħna bħalna nfusna.’ (Mt. 22:37-​39) Is-​sodisfazzjon li jkollna meta niffokaw ħajjitna fuq li naqdu lil Ġeħova u ngħinu lil oħrajn huwa rimedju effettiv għal sentimenti t’għira. Is-​sehem sħiħ tagħna fix-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli huwa mod mill-​aħjar biex naqdu lil Alla u lill-​proxxmu u jġibilna “l-​barka taʼ Ġeħova.”—Prov. 10:22.

‘Ifraħ maʼ min jifraħ.’ (Rum. 12:15) Ġesù feraħ bis-​suċċess tad-​dixxipli tiegħu, u qalilhom li kellhom jagħmlu saħansitra iktar minnu fix-​xogħol tal-​ippritkar. (Lq. 10:17, 21; Ġw. 14:12) Bħala aduraturi taʼ Ġeħova, aħna ninsabu magħqudin; b’hekk, is-​suċċess taʼ xi ħadd minna, hu min hu, huwa barka għal kulħadd. (1 Kor. 12:25, 26) Għalhekk, m’għandniex aħna nifirħu minflok ma ngħiru meta oħrajn jingħataw responsabbiltà akbar?

MHIX ĠLIEDA FAĊLI!

Il-​ġlieda kontra l-​għira tistaʼ tkun waħda twila. Cristina tammetti: “Xorta għad għandi tendenza qawwija li ngħir. Għalkemm nobgħod l-​għira, xorta nħossha, u jkolli rrażżanha l-​ħin kollu.” José kellu ġlieda simili. Hu jgħid: “Ġeħova għenni napprezza l-​kwalitajiet tajbin tal-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani. Fhimt kemm hu imprezzabbli li jkolli relazzjoni tajba m’Alla.”

L-​għira hija waħda mill-​“għemejjel tal-​laħam” u kontra dawn kull Kristjan għandu jiġġieled. (Gal. 5:19-​21) Billi ma nħallux l-​għira tikkontrollana, aħna nistgħu nsibu iktar ferħ f’ħajjitna u nistgħu nogħġbu lil Missierna tas-​sema, Ġeħova.

[Nota taʼ taħt]

a L-​ismijiet ġew mibdulin.

[Kumment f’paġna 17]

‘Ifraħ maʼ min jifraħ’