Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Fuq Lemintek Nitgħaxxaq Għal Dejjem”

“Fuq Lemintek Nitgħaxxaq Għal Dejjem”

Bijografija

Kif rakkontata minn Lois Didur

Kemm-​il darba f’ħajtek għedt xi ħaġa hekk, ‘Nixtieq li ma ħadtx dik id-​deċiżjoni’? Wara 50 sena fis-​servizz full-​time, ma nistaʼ naħseb f’ebda riżultat ikrah li jiġi milli tkun fuq il-​leminija taʼ Ġeħova. Ħalli ngħidlek għala.

TWILIDT fl-​1939 u trabbejt fil-​post rurali taʼ Saskatchewan, il-​Kanada, flimkien maʼ ħija u erbaʼ ħuti bniet. Il-​ħajja fir-​razzett kienet waħda hienja. Darba minnhom, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ġew id-​dar tagħna u kellmu lil missieri, u jien staqsejthom jekk Alla għandux isem. Urewna l-​isem Ġeħova f’​Salm 83:18. Dan ġegħelni nkun irrid insir naf iktar dwar Alla u Kelmtu.

F’dak iż-​żmien, it-​tfal li kienu jgħixu fl-​irziezet kienu jmorru fi skejjel b’kamra waħda sa madwar tlettax-​il sena. Kienu jirkbu ż-​żwiemel jew jimxu ħafna kilometri biex imorru l-​iskola. L-​għalliem tal-​iskola kien jgħix maʼ familji differenti, u dawn kienu jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet tiegħu taʼ kuljum. Sena minnhom, kien imiss lill-​ġenituri tiegħi li jżommu għandhom lill-​għalliem il-​ġdid, John Didur.

Mingħajr ma kont naf, dan iż-​żagħżugħ ukoll kellu interess kbir fil-​Kelma t’Alla. Darba minnhom bdejt infaħħar il-​komuniżmu u s-​soċjaliżmu, li dak iż-​żmien missieri kien jappoġġahom. John wieġeb b’leħen baxx: “L-​ebda bniedem m’għandu d-​dritt jaħkem fuq bnedmin oħrajn. Alla biss għandu dan id-​dritt.” Dan wassal għal ħafna konversazzjonijiet interessanti.

Peress li twieled fl-​1931, John kien semaʼ bit-​tbatijiet tal-​gwerra. Meta faqqgħet il-​Gwerra tal-​Korea fl-​1950, hu staqsa lil diversi rġiel tal-​kleru dwar l-​involviment tagħhom fil-​gwerra. Ilkoll qalulu li kien aċċettabbli għall-​Kristjani li jieħdu sehem fil-​gwerra. Wara, staqsa l-​istess mistoqsija lix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Huma wrewh il-​waqfa Skritturali kontra l-​gwerra li kienu ħadu l-​Kristjani tal-​bidu. John tgħammed fl-​1955. Is-​sena taʼ wara tgħammidt jien ukoll. It-​tnejn li aħna konna nafu li ridna naqdu lil Ġeħova bil-​ħajja u l-​enerġija tagħna. (Salm 37:3, 4) F’Lulju tal-​1957, jien u John iżżewwiġna.

Ħafna drabi, fl-​anniversarju tat-​tieġ tagħna konna nkunu l-​konvenzjoni. Konna ferħanin li nkunu fost sħubija taʼ eluf oħrajn li jirrispettaw iż-​żwieġ. L-​ewwel konvenzjoni internazzjonali tagħna kienet fl-​1958. Ħamsa minna rħejnielha lejn il-​belt taʼ New York bil-​karozza minn Saskatchewan. Għal ġimgħa, konna nsuqu matul il-​ġurnata, u kull lejl konna norqdu f’tinda. Immaġina x’sorpriża kienet meta ħu li ltqajna miegħu f’Bethlehem, Pennsylvania, stidinna noqogħdu mal-​familja tiegħu dak il-​lejl! Il-​fatt li minn rajh wera qalb tajba magħna ppermettielna naslu fil-​belt taʼ New York nodfa u puliti. Dik il-​konvenzjoni kbira ħafna enfasizzatilna l-​ferħ kbir taʼ li naqdu lil Ġeħova! Bħalma kiteb is-​salmista, “fuq lemintek nitgħaxxaq għal dejjem.”—Salm 16:11.

NAQDU BĦALA PIJUNIERI

Sena wara, fl-​1959, konna qed naqdu bħala pijunieri u ngħixu f’karavan żgħir fuq għolja f’Saskatchewan. Stajt tara kemm tagħti l-​vista t’għajnejk, u ftit minn dak li konna naraw kien it-​territorju tagħna.

Jum minnhom, irċivejna ittra interessanti mill-​uffiċċju tal-​fergħa. Jien malajr mort ħdejn John li kien qed jaħdem fuq it-​trakter. L-​ittra stidnitna biex inkunu pijunieri speċjali fil-​belt taʼ Red Lake, Ontario. Peress li ma konniex nafu fejn hi din il-​belt, malajr ħriġna l-​mapep biex insibuha.

X’kuntrast kien dan maʼ fejn konna noqogħdu qabel! Issa kien hemm foresti kbar u bliet żgħar viċin il-​minjieri tad-​deheb. Hekk kif fl-​ewwel jum konna qed infittxu fejn noqogħdu, tifla żgħira semgħetna nkellmu lill-​ġara tagħha. Hi marret tiġri d-​dar tgħid lil ommha, li b’qalb tajba offritilna fejn noqogħdu għal dak il-​lejl. Is-​sodda kienet f’kantina b’art u ħitan tal-​ħamrija. L-​għada sibna post, dar tal-​injam b’żewġ kmamar bla kanen tal-​ilma u mingħajr għamara, b’sempliċement heater li jaħdem bl-​injam. Xtrajna xi ftit affarijiet minn ħanut li jbigħ oġġetti użati u ma domniex ma konna kuntenti.

L-​eqreb kongregazzjoni kienet 209 kilometri ’l bogħod. Ħafna ħaddiema fil-​minjieri tad-​deheb kienu ġew mill-​Ewropa, u staqsewna jekk nistgħux inġibulhom Bibbja bil-​lingwa tagħhom. Fi ftit żmien, kellna 30 studju tal-​Bibbja eċċellenti. F’sitt xhur, ġiet ifformata kongregazzjoni żgħira.

Ir-​raġel taʼ waħda mara li konna nistudjaw magħha ċempel lill-​qassis tiegħu biex jiġi ħalli jġib lil martu f’sensiha. Matul il-​laqgħa, il-​qassis qal li jmissna qed ngħallmu t-​Trinità, fost affarijiet oħrajn. Il-​mara ġabet il-​Bibbja Kattolika tagħha u talbet lill-​qassis biex jappoġġa dak li kien qed jgħid. Hu xeħet il-​Bibbja n-​naħa l-​oħra tal-​mejda, u qal li ma kellux għalfejn jagħti spjegazzjoni. Hu u sejjer, bl-​Ukranjan qal li jmisshom jitfgħuna ’l barra mid-​dar u qatt ma jerġgħu jdaħħluna. Ma indunax li John kien jifhem bl-​Ukranjan!

Ftit wara dan, tlaqna mill-​belt taʼ Red Lake għax John kien se jiġi mħarreġ fix-​xogħol tas-​circuit. Madankollu, madwar sena wara, meta John kien qed jagħti t-​taħdita tal-​magħmudija f’konvenzjoni distrettwali, dak ir-​raġel kien fost il-​kandidati għall-​magħmudija! Il-​ġrajja mal-​qassis ġegħlitu jibda jfittex hu stess fil-​Bibbja.

BEŻLIN FIX-​XOGĦOL TAL-​IPPRITKAR

Fix-​xogħol tas-​circuit, kellna l-​pjaċir uniku li noqogħdu maʼ ħafna familji differenti. Sirna ħbieb sew maʼ dawk li fetħu djarhom għalina u għamluna parti minn ħajjithom. Darba minnhom, konna f’kamra taʼ fuq li kienet kiesħa fix-​xitwa. Kmieni filgħodu, konna nisimgħu lill-​oħt imdaħħla fiż-​żmien tidħol inkiss inkiss fil-​kamra tagħna biex tqabbad in-​nar fi stufa żgħira. Malajr kienet tiġi lura bi friskatur u ilma sħun sabiex inkunu nistgħu nippreparaw għall-​ġurnata. Tgħallimt ħafna mill-​imġiba kwieta u ġentili tagħha.

Ix-​xogħol tal-​ivvjaġġar għenni nersaq eqreb lejn Ġeħova. F’wieħed mis-​circuits f’Alberta kien hemm belt fit-​Tramuntana Mbiegħda li kellha l-​minjieri, u hemmhekk kienet toqgħod oħt. L-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova kif kienet tqis lil din l-​oħt li kienet iżolata? Kull sitt xhur, konna mmorru bl-​ajruplan biex inqattgħu ġimgħa sħiħa fis-​servizz u nagħmlu l-​laqgħat magħha, daqslikieku kienet kongregazzjoni kbira f’belt. Kienet tfakkira ħelwa tal-​interess kollu mħabba taʼ Ġeħova għal dawk kollha li huma bħal nagħaġ ċkejknin.

Żammejna kuntatt maʼ ħafna li qgħadna għandhom. Dan ifakkarni f’wieħed mill-​ewwel rigali li tani John—kaxxa kulurita mimlija karti biex nikteb l-​ittri. Konna nieħdu ħafna gost inżommu kuntatt mal-​ħbieb bl-​ittri, billi nużaw karti tal-​kitba bħal dawn. Din il-​kaxxa tal-​ittri, għadni ngħożżha sal-​lum.

Waqt li konna f’circuit f’Toronto, ċempel ħu mill-​Betel tal-​Kanada u talabna biex nikkunsidraw li mmorru Betel. Meta riedha r-​risposta? “L-​għada jekk possibbli!” Fil-​fatt, l-​għada stess aċċettajna.

SERVIZZ F’BETEL

Kull bidla fl-​inkarigu wrietna diversi aspetti tal-​għaxqa li tiġi minn id Ġeħova. Dan kompla meta dħalna Betel fl-​1977. Meta sseħibna maʼ xi wħud mill-​midlukin ma rajniex biss il-​personalitajiet differenti tagħhom imma wkoll l-​istima kbira li kellhom għall-​Kelma t’Alla.

Ħadna pjaċir bir-​rutina l-​ġdida f’Betel. Pereżempju, issa ħwejjiġna kienu f’kexxun minflok f’bagalja, u konna stabbiliti f’kongregazzjoni waħda. Minbarra l-​inkarigu tiegħi, kont dejjem nieħu pjaċir indawwar lil gruppi li jiġu jżuru l-​Betel. Kont nispjega x-​xogħol li jkun qed isir, nismaʼ l-​kummenti tal-​aħwa li jiġu jżuru, u nwieġeb il-​mistoqsijiet tagħhom.

Is-​snin malajr gerbu, u fl-​1997, John ġie mistieden jattendi l-​Iskola tal-​Membri tal-​Kumitati tal-​Fergħa f’Patterson, New York. Wara dan, talbuna nikkunsidraw li mmorru ngħixu fl-​Ukraina. Ġejna inkuraġġiti naħsbuha sew u nitolbu dwar dan. Sa filgħaxija, konna nafu li r-​risposta tagħna kienet se tkun iva.

BIDLA OĦRA—L-​UKRAINA

Konna attendejna l-​konvenzjoni internazzjonali kbira f’San Pietruburgu, ir-​Russja, fl-​1992, u mbagħad dik taʼ Kjev, l-​Ukraina, fl-​1993. Dawn ressquna eqreb lejn ħutna tal-​Ewropa tal-​Lvant. Il-​post il-​ġdid fejn konna noqogħdu fi Lviv, l-​Ukraina, kien fit-​tieni sular taʼ dar antika. It-​twieqi kienu jagħtu għal bitħa li kellha ġnien żgħir, serduq kbir aħmar, u qatgħa tiġieġ. Kien qisu konna f’razzett f’Saskatchewan. F’din id-​dar konna noqogħdu tnax. Kmieni kull filgħodu konna ngħaddu min-​naħa għall-​oħra tal-​belt biex naħdmu f’Betel.

Kif konna nħossuna dwar li ngħixu fl-​Ukraina? Kien privileġġ li noqogħdu bilqiegħda fost ħafna aħwa li għaddew minn provi, projbizzjonijiet, u priġuneriji. Madankollu, żammew il-​fidi tagħhom b’saħħitha. Meta konna nfaħħruhom, huma kienu jgħidu, “Għamilnieh għal Ġeħova.” Qatt ma ħassew li kellhom jaqdfu għal rashom. Saħansitra issa, jekk tirringrazzja lil xi ħadd għal għemil taʼ qalb tajba, għandu mnejn iwieġeb, “Irringrazzja lil Ġeħova,” għax jirrikonoxxih bħala s-​Sors tal-​affarijiet tajbin kollha.

Fl-​Ukraina, ħafna jimxu għal-​laqgħat, u għalhekk għandhom il-​ħin jitkellmu u jinkuraġġixxu lil xulxin. Il-​mixja tistaʼ tieħu siegħa jew iktar. Hemm iktar minn 50 kongregazzjoni fi Lviv, u 21 minnhom jużaw bini kbir li fih diversi Swali tas-​Saltna. Nhar taʼ Ħadd tara xena mill-​isbaħ t’aħwa li kontinwament ġejjin u sejrin għal-​laqgħat.

Malajr bdejna nħossuna komdi mal-​aħwa, li huma kemm ġentili kif ukoll ħerqanin biex jieħdu ħsieb oħrajn. Meta jkolli problema biex nifhem il-​lingwa, bħalma għadu jkolli, huma paċenzjużi ħafna. Għajnejhom spiss jesprimu daqskemm jesprimi kliemhom.

Eżempju tal-​fiduċja vera fost ħutna deher matul il-​konvenzjoni internazzjonali tal-​2003 fi Kjev. Konna għadna kemm inżilna fuq il-​pjattaforma ffollata tal-​metro taʼ taħt l-​art meta tifla żgħira mxiet lejna u b’leħen baxx qaltilna, “Intlift. Ma nistax insib lin-​nanna.” It-​tifla kienet rat il-​badge tagħna u kienet taf li konna Xhieda. Kienet kuraġġuża ħafna u ma bkietx. Mara taʼ indokratur tas-​circuit li kienet magħna bil-​ħlewwa ħadet lit-​tifla fid-​Dipartiment tal-​Oġġetti Mitlufin u Misjubin fl-​istejdjum. It-​tifla ma damitx ma ngħaqdet maʼ nannitha. Il-​fiduċja mill-​isbaħ li kellha din it-​tifla żgħira, saħansitra f’folla taʼ eluf taʼ nies, messitli qalbi.

Aħwa minn ħafna pajjiżi ġew l-​Ukraina f’Mejju tal-​2011 għad-​dedikazzjoni tal-​faċilitajiet tal-​fergħa l-​ġdida tagħna. Wara t-​taħdita speċjali fi stejdjum il-​Ħadd filgħodu, folla kbira t’aħwa ġew bil-​mixi biex jaraw il-​Betel ġdida. Veduta li ma ninsieha qatt! Ħassejtni kommossa nara lil dawn l-​aħwa, li kienu daqstant kwieti u f’ordni. Dan kabbar l-​apprezzament tiegħi għall-​għaxqa li tiġi meta naqdu lil Alla.

BIDLA DRASTIKA

B’dispjaċir, fl-​2004, John sar jaf li kellu kanċer. Morna l-​Kanada għall-​kura. Ġismu bilkemm felaħ għall-​ewwel sessjoni tal-​kimoterapija, u qattaʼ xi ġimgħat fil-​kura intensiva. Sa fl-​aħħar, hu ġie f’tiegħu. Għalkemm ma tantx setaʼ jitkellem, għajnejh dejjem urew apprezzament għal dawk kollha li żaruh.

Però, ma setax jirkupra, u miet dik il-​ħarifa. Ħassejt li tlift parti kbira ferm minni. Kienet l-​għaxqa tiegħi u taʼ John li naqdu lil Ġeħova flimkien. X’kont se nagħmel? Għażilt li mmur lura l-​Ukraina. Jien grata immens għall-​imħabba mill-​qalb tal-​familja taʼ Betel u tal-​kongregazzjoni hemmhekk.

Qatt ma kien hemm żmien f’ħajjitna li ddispjaċiena mid-​deċiżjonijiet li ħadna. Kienet ħajja pjaċevoli, bl-​aqwa sħubija. Naf li għad hemm ħafna x’nitgħallem dwar it-​tjubija taʼ Ġeħova, u nittama li nkompli fis-​servizz tiegħu għal dejjem għax verament sibt ‘għaxqa fuq il-​leminija taʼ Ġeħova.’

[Kumment f’paġna 6]

“Qatt ma kien hemm żmien f’ħajjitna li ddispjaċiena mid-​deċiżjonijiet li ħadna”

[Stampa f’paġna 3]

Meta żżewwiġt lil John

[Stampa f’paġna 4]

Meta kont pijuniera speċjali fil-​belt taʼ Red Lake, Ontario

[Stampa f’paġna 5]

Maʼ John fl-​Ukraina, 2002