Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għin lin-Nies ‘Jistenbħu mill-Irqad’

Għin lin-Nies ‘Jistenbħu mill-Irqad’

“Tafu f’liema żmien stabbilit qegħdin, li diġà waslet is-​siegħa biex tistenbħu mill-​irqad.”—RUM. 13:11.

TISTAʼ TISPJEGA?

Għala hu daqstant importanti għall-​Kristjani li jibqgħu mqajmin spiritwalment?

Fil-​ministeru, għala għandna noqogħdu attenti u nagħtu widen?

Għala għandna nkunu qalbna tajba fil-​ministeru tagħna?

1, 2. Ħafna nies f’liema sens għandhom bżonn jistenbħu?

 KULL sena, eluf taʼ nies imutu għax jaqbadhom in-​ngħas jew saħansitra tmur għajnhom bihom waqt li jkunu qed isuqu. Oħrajn jitilfu l-​impjieg għax ma jqumux kmieni biżżejjed għax-​xogħol jew għax jorqdu fuq ix-​xogħol. Imma hemm tip ieħor taʼ rqad li hu ħafna iktar perikoluż. Hu l-​irqad spiritwali. Il-​Bibbja qed twissina kontra dan it-​tip taʼ rqad meta tgħid: “Hieni min jibqaʼ mqajjem.”—Riv. 16:14-​16.

2 Hekk kif joqrob il-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova, l-​umanità inġenerali tinsab rieqda spiritwalment. Anki wħud mill-​mexxejja fil-​Kristjaneżmu qalu li l-​membri tal-​knisja tagħhom huma reqdin. X’inhu l-​irqad spiritwali? Għala hu importanti ħafna li l-​Kristjani veri jibqgħu mqajmin? Kif nistgħu ngħinu lil oħrajn jistenbħu minn dan l-​irqad?

L-​IRQAD SPIRITWALI—X’INHU?

3. Kif tiddeskrivi lil individwu li mhuwiex imqajjem spiritwalment?

3 In-​nies li jkunu reqdin ġeneralment ikunu inattivi. B’kuntrast, dawk li jorqdu spiritwalment għandhom mnejn ikunu beżlin ħafna—imma mhux f’affarijiet spiritwali. Forsi jkunu qed jiffokaw fuq l-​affarijiet taʼ kuljum jew jagħmlu kulma jistgħu biex jiddevertu, jiksbu l-​fama, jew ikollhom il-​flus. Tant ikunu medhijin b’dawn l-​affarijiet li ma jaħsbux dwar il-​bżonnijiet spiritwali tagħhom. Però, in-​nies li jkunu mqajmin spiritwalment jirrealizzaw li qed ngħixu “fl-​aħħar jiem,” u għalhekk huma attivi kemm jistaʼ jkun f’li jagħmlu r-​rieda t’Alla.—2 Pt. 3:3, 4; Lq. 21:34-​36.

4. Pawlu x’ried ifisser meta qal: “Ħa ma nibqgħux reqdin bħalma jagħmlu l-​oħrajn”?

4 Aqra l-1 Tessalonikin 5:4-​8. Hawnhekk l-​appostlu Pawlu qal lill-​Kristjani biex ‘ma jibqgħux reqdin bħalma jagħmlu l-​oħrajn.’ X’ried ifisser? Aħna ‘nibqgħu reqdin’ meta ma nagħmlux dak li Ġeħova jgħid li hu tajjeb u meta nagħmlu dak li jgħid li hu ħażin. Mod ieħor kif nistgħu ‘nibqgħu reqdin’ hu billi ngħixu bħallikieku ż-​żmien li fih Ġeħova se jeqred lil dawk mill-​agħar mhuwiex viċin. Irridu nagħmlu ċert li dawk mill-​agħar ma jinfluwenzawniex biex naħsbu u naġixxu bħalhom.

5. X’jaħsbu dawk li huma reqdin spiritwalment?

5 Xi wħud jimmaġinaw li m’hemmx Alla li se jitlob kont minnhom. (Salm 53:1) Oħrajn jimmaġinaw li Alla mhuwiex interessat fina l-​bnedmin, u allura m’għandniex għalfejn nuru interess fih. Jerġaʼ oħrajn iħossu li jekk ikunu membri taʼ xi knisja jkunu jistgħu jsiru ħbieb t’Alla. Dawn in-​nies kollha huma reqdin spiritwalment. Għandhom bżonn jistenbħu. Kif nistgħu ngħinuhom?

NEĦTIEĠU LI NIBQGĦU MQAJMIN AĦNA STESS

6. Għala neħtieġu li nibqgħu mqajmin?

6 Biex inkunu nistgħu nqajmu lil oħrajn, neħtieġu li nkunu mqajmin aħna stess. Dan x’jinvolvi? Irridu nevitaw il-​kondotta taʼ dawk li huma reqdin spiritwalment. Il-​Bibbja tgħid li dawk li jorqdu spiritwalment qed jagħmlu “għemejjel tad-​dlam.” Dawn l-​għemejjel jinkludu xalar bla rażan, sokor, sess immorali, kondotta laxka, ġlied, u għira. (Aqra Rumani 13:11-​14.) Huwa diffiċli ferm li ma nkunux bħan-​nies taʼ madwarna. Irridu noqogħdu attenti. Xi ħadd li jsuq karozza jrid jiftakar li jekk tmur għajnu bih waqt li jkun qed isuq jistaʼ jitlef ħajtu. Kemm hu importanti li Kristjan dejjem jiftakar li l-​irqad spiritwali jistaʼ jġib il-​mewt!

7. X’jistaʼ jiġrilna jekk ikollna ħarsa żbaljata lejn in-​nies fit-​territorju tagħna?

7 Nistgħu nibdew naħsbu li kulħadd fit-​territorju tagħna ċaħad l-​aħbar tajba u li mhux se jinbidel. (Prov. 6:10, 11) Forsi naħsbu, ‘Jekk ħadd ma se jaċċetta l-​aħbar tajba, għala għandna nistinkaw daqstant biex ngħinu lin-​nies?’ Huwa minnu li bħalissa ħafna jinsabu reqdin spiritwalment, imma ċ-​ċirkustanzi u l-​attitudni tagħhom jistgħu jinbidlu. Xi wħud jistenbħu u jaċċettaw l-​aħbar tajba. U nistgħu ngħinuhom jekk aħna stess nibqgħu mqajmin. Dan nistgħu nagħmluh billi nipprovaw modi ġodda kif nagħmlu l-​messaġġ tas-​Saltna interessanti għan-​nies. Biex nibqgħu mqajmin, hemm bżonn li niftakru għala l-​ministeru tagħna hu daqstant importanti.

IL-​MINISTERU TAGĦNA GĦALA HU DAQSTANT IMPORTANTI?

8. Il-​ministeru tagħna għala hu daqstant importanti?

8 Dejjem ftakar li anki jekk in-​nies ma jagħtux widen, il-​ministeru tagħna jonora lil Ġeħova. Ukoll, hu juża x-​xogħol tal-​ippritkar biex iwettaq l-​iskop tiegħu f’dawn iż-​żminijiet urġenti. Dalwaqt, Alla se jiġġudika lin-​nies skont kif jirreaġixxu għall-​ippritkar tagħna. Dawk li ma jaċċettawx l-​aħbar tajba se jinqerdu. (2 Tess. 1:8, 9) Ikun żball jekk naħsbu li m’għandniex għalfejn naħdmu iebes fix-​xogħol tal-​ippritkar għax “se jkun hemm irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Aħna tgħallimna mill-​Kelma t’Alla li dawk li se jiġu ġudikati bħala li huma “mogħoż” se jinqerdu għal dejjem. L-​ippritkar tagħna hu mod kif Alla juri l-​ħniena tiegħu, għax jagħti lin-​nies l-​opportunità biex jinbidlu u jgħixu għal dejjem. (Mt. 25:32, 41, 46; Rum. 10:13-​15) Jekk ma nippritkawx, in-​nies kif se jkollhom l-​opportunità jisimgħu l-​messaġġ li jistaʼ jsalvalhom ħajjithom?

9. Int u oħrajn kif ibbenefikajtu mix-​xogħol tal-​ippritkar?

9 Aħna wkoll nibbenefikaw meta nippritkaw l-​aħbar tajba. (Aqra l-1 Timotju 4:16.) X’aktarx li taqbel li hekk kif tkellimt dwar Ġeħova u s-​Saltna, il-​fidi u l-​imħabba tiegħek għal Alla ssaħħew. Żgur li dan għenek ukoll ittejjeb il-​kwalitajiet Kristjani tiegħek. U probabbilment tħossok iktar ferħan meta turi mħabbtek għal Alla permezz tal-​ippritkar. Ħafna li għallmu l-​verità lil oħrajn esperjenzaw l-​hena taʼ li raw l-​ispirtu t’Alla jgħin lill-​istudenti tagħhom jgħixu ħajja aħjar.

OQGĦOD ATTENT

10, 11. (a) Ġesù u Pawlu kif qagħdu attenti għall-​bżonnijiet t’oħrajn? (b) Aħna kif nistgħu noqogħdu attenti fil-​ministeru tagħna?

10 Hemm modi differenti kif nistgħu nagħmlu l-​aħbar tajba interessanti għan-​nies. Għalhekk, irridu noqogħdu attenti fil-​ministeru tagħna. Ġesù hu l-​eżempju tagħna. Peress li kien perfett, kien jaf li ċertu Fariżew kien irrabjat avolja r-​raġel ma kien qal xejn. Ġesù kien jaf ukoll li mara li kienet magħrufa bħala midinba kienet nidmet u li armla kienet tat kulma kellha. (Lq. 7:37-​50; 21:1-​4) Ġesù setaʼ jgħin lin-​nies għax kien jaf x’kellhom bżonn. Imma m’għandniex għalfejn inkunu perfetti biex ninnotaw il-​bżonnijiet t’oħrajn. L-​appostlu Pawlu kien eżempju taʼ dan. Hu pprietka b’modi differenti sabiex ikun jistaʼ jgħin lin-​nies kollha.—Atti 17:22, 23, 34; 1 Kor. 9:19-​23.

11 Jekk noqogħdu attenti u ninnotaw il-​bżonnijiet tan-​nies kif għamlu Ġesù u Pawlu, se nkunu nafu x’jinteressahom. Pereżempju, meta tmur tkellem lil oħrajn, fittex xi affarijiet li jistgħu jagħtuk ħjiel taʼ x’inhi l-​kultura tagħhom, x’jinteressahom, jew jekk humiex waħedhom, miżżewġin, jew jekk għandhomx tfal. Innota xi jkunu qed jagħmlu dak il-​ħin u forsi bl-​edukazzjoni tkun tistaʼ tgħid xi ħaġa dwaru meta tibda l-​konversazzjoni tiegħek.

12. Waqt li nkunu fil-​ministeru, x’għandna nżommu f’moħħna dwar il-​konversazzjoni tagħna?

12 Jekk noqogħdu attenti fil-​ministeru, mhux se nħallu kwistjonijiet oħrajn itellfuna mix-​xogħol tagħna. Anki jekk ikollna konversazzjoni inkuraġġanti maʼ dak li nkunu qed naħdmu miegħu, hemm bżonn niftakru li l-​iskop tagħna hu li nippritkaw lil oħrajn. (Ekk. 3:1, 7) Allura, irridu noqogħdu attenti li l-​konversazzjoni tagħna bejn bieb u ieħor ma tfixkilx il-​ministeru tagħna. Mod tajjeb kif inżommu moħħna ffokat fuq l-​għan tagħna hu billi niddiskutu dak li se nitkellmu dwaru maʼ dawk li niltaqgħu magħhom. Ukoll, avolja mowbajl jistaʼ kultant jgħinna fil-​ministeru tagħna, għandna nagħmlu ċert li telefonata ma ttellifx il-​konversazzjoni tagħna maʼ xi inkwilin.

URI INTERESS PERSUNALI

13, 14. (a) X’jistaʼ jgħinna nkunu nafu x’jinteressa lil dak li jkun? (b) B’liema modi nistgħu nibdew konversazzjonijiet fil-​ministeru?

13 Huwa importanti li tismaʼ b’attenzjoni lil dawk li tiltaqaʼ magħhom fil-​ministeru. Liema mistoqsijiet tistaʼ tistaqsi lin-​nies fit-​territorju tiegħek sabiex jgħidulek xi jkunu qed jaħsbu? Qed jinkwetaw dwar l-​għadd taʼ reliġjonijiet differenti, il-​vjolenza fl-​inħawi, jew il-​falliment tal-​gvernijiet? Tistaʼ int tgħin lil xi wħud jitgħallmu dwar Alla billi titkellem dwar il-​mod meraviljuż kif inħalqu l-​affarijiet ħajjin jew dwar kemm huma t’għajnuna l-​pariri tal-​Bibbja? It-​talb hu xi ħaġa li tinteressa lil nies taʼ kważi kull kultura, saħansitra nies li ma jemmnux f’Alla. Ħafna jaħsbu jekk hemmx xi ħadd li jismaʼ t-​talb. Oħrajn forsi jinteressawhom mistoqsijiet bħal dawn: Alla jismaʼ t-​talb kollu? Jekk le, x’għandna nagħmlu biex Alla jismagħna?

14 Nistgħu nitgħallmu kif nibdew konversazzjonijiet minn dawk li għandhom l-​esperjenza fil-​ministeru. Innota kif jistaqsu mistoqsijiet mingħajr ma jġiegħlu lill-​individwu jħossu skomdu. Innota kif leħinhom u wiċċhom juru li qed jipprovaw jifhmu l-​opinjoni tal-​inkwilin.—Prov. 15:13.

KUN QALBEK TAJBA U TAS-​SENGĦA

15. Għala għandna nkunu qalbna tajba meta nippritkaw?

15 Tieħu pjaċir meta xi ħadd iqajmek minn raqda fil-​fond? Ħafna ma jirreaġixxux tajjeb meta xi ħadd iqajjimhom bil-​ħasda. Il-​biċċa l-​kbira min-​nies jieħdu pjaċir jiġu mqajmin b’mod ġentili. Dan hu minnu wkoll meta tipprova tqajjem lin-​nies mill-​irqad spiritwali. Pereżempju, x’għandek tagħmel jekk xi ħadd jirrabja meta żżuru fil-​ministeru? Kun qalbek tajba, u uri li tirrispetta kif iħossu. Imbagħad irringrazzjah talli kien onest, u itlaq bil-​kalma. (Prov. 15:1; 17:14; 2 Tim. 2:24) Jekk tittrattah tajjeb issa, għandu mnejn jirreaġixxi aħjar meta Xhud ieħor iżuru darb’oħra.

16, 17. Kif nistgħu nużaw is-​sengħa u nuru l-​qalb tajba fil-​ministeru tagħna?

16 F’xi sitwazzjonijiet ikun possibbli li tkompli l-​konversazzjoni anki jekk individwu jgħid li mhuwiex interessat jew li għandu r-​reliġjon tiegħu stess. Forsi jgħid dan sempliċement għax ikun l-​eħfef mod kif itemm il-​konversazzjoni. Imma bis-​sengħa u bil-​qalb tajba, forsi tkun tistaʼ tistaqsi mistoqsija tajba li se tgħin lill-​inkwilin jibda jinteressa ruħu fil-​messaġġ tagħna mill-​Bibbja.—Aqra Kolossin 4:6.

17 Kultant, meta niltaqgħu maʼ nies li jħossu li għandhom wisq x’jagħmlu biex jagħtuna widen, ikun aħjar li nuru rispett u nitilqu. Drabi oħra, forsi tħoss li tistaʼ tgħid xi ħaġa żgħira u siewja. Pereżempju, xi aħwa kapaċi jippreżentaw messaġġ mill-​Bibbja f’inqas minn minuta. Jaqraw skrittura u, qabel ma jitilqu, jistaqsu lill-​inkwilin mistoqsija li se jwieġbu darb’oħra. Din il-​preżentazzjoni qasira ġieli tant tirnexxi li l-​inkwilin jiddeċiedi li għandu biżżejjed ħin għal konversazzjoni qasira. Forsi tistaʼ tipprova tagħmel dan meta jerġaʼ jkollok opportunità.

18. X’nistgħu nagħmlu biex insiru aħjar fl-​għoti taʼ xhieda informali?

18 Jekk inkunu preparati biex nagħtu xhieda informali, nistgħu ngħinu lin-​nies li niltaqgħu magħhom kuljum biex jinteressaw ruħhom f’Alla. Ħafna aħwa jġorru magħhom xi letteratura fil-​but jew fil-​basket tagħhom. Jistgħu wkoll ikunu mħejjijin biex jaqraw skrittura speċifika jekk ikollhom l-​opportunità. Forsi tistaʼ tistaqsi lill-​indokratur tas-​servizz jew lill-​pijunieri fil-​kongregazzjoni tiegħek biex jgħinuk tipprepara ħalli tagħti xhieda informali.

BIL-​QALB TAJBA GĦIN LIL QRABATEK JISTENBĦU

19. Għala għandna nkomplu nipprovaw ngħinu lil qrabatna?

19 Naturalment, aħna nixtiequ ngħinu lil qrabatna biex jaċċettaw l-​aħbar tajba. (Ġoż. 2:13; Atti 10:24, 48; 16:31, 32) Jekk m’aċċettawx il-​messaġġ l-​ewwel darba li ppritkajnielhom, għandna mnejn ma tantx inħossuna ħerqanin biex nerġgħu nipprovaw. Forsi nimmaġinaw li ma tantx hemm x’nistgħu nagħmlu jew ngħidu li se jbiddel l-​attitudni tagħhom. Xorta waħda, tistaʼ tiġri xi ħaġa li tbiddel il-​ħajja jew il-​ħarsa taʼ qrabatek. Jew forsi tkun iktar kapaċi tispjega l-​verità, u għalhekk issa jkollok riżultati aħjar.

20. Kif nistgħu nuru rispett għas-​sentimenti taʼ qrabatna meta nkellmuhom?

20 Għandna nirrispettaw is-​sentimenti taʼ qrabatna. (Rum. 2:4) Kellimhom bil-​qalb tajba, bħalma tkellem lil dawk li tiltaqaʼ magħhom fix-​xogħol tal-​ippritkar. Kun ġwejjed u uri rispett. Mingħajr ma toqgħod tagħmlilhom xi prietka, bl-​azzjonijiet tiegħek tistaʼ turihom kif għenitek il-​verità. (Efes. 4:23, 24) Agħmilha faċli għalihom biex jaraw li int tgħix ħajja aħjar għax ġejt mgħallem minn Ġeħova. (Is. 48:17) Uri lil qrabatek bl-​eżempju tiegħek kif għandu jgħix Kristjan.

21, 22. Irrakkonta esperjenza li turi kemm hu importanti li nibqgħu nipprovaw ngħinu lil qrabatna jitgħallmu dwar Ġeħova.

21 Dan l-​aħħar, oħt kitbet: “Jien għandi 13-​il ħu u oħt u dejjem ipprovajt nagħtihom xhieda bil-​kliem u bil-​kondotta tiegħi. Qatt ma nħalli li tgħaddi sena mingħajr ma nikteb lil kull wieħed u waħda minnhom. Madankollu, għal 30 sena, jien kont l-​unika Xhud fil-​familja.”

22 L-​oħt kompliet tgħid: “Ġurnata minnhom, ċempilt lil waħda minn ħuti l-​bniet li tgħix mijiet taʼ kilometri ’l bogħod. Qaltli li talbet lill-​qassis tagħha biex jistudja l-​Bibbja magħha, imma hu qatt m’għamel dan. Meta għedtilha li jien kont lesta li ngħinha, hi qaltli: ‘Owkej, imma ħa navżak minn issa: Qatt ma se nsir waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.’ Wara li bgħattilha l-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?, ċempiltilha kull ftit jiem. Imma kienet għadha ma fetħitx il-​ktieb. Fl-​aħħar, staqsejtha biex tmur iġġib il-​ktieb tagħha, u għal madwar kwarta qrajna u ddiskutejna fuq it-​telefon ftit mill-​iskritturi kwotati. Wara ftit telefonati oħrajn riedet tistudja għal iktar minn kwarta. Imbagħad hi bdiet iċċempel lili għall-​istudju, kultant saħansitra qabel ma kont inqum filgħodu u ġieli darbtejn kuljum. Is-​sena taʼ wara, tgħammdet, u s-​sena taʼ wara din, bdiet taqdi bħala pijuniera.”

23. Għala għandna nibqgħu nipprovaw ngħinu lin-​nies jistenbħu mill-​irqad spiritwali?

23 Irridu nużaw is-​sengħa u nibqgħu nipprovaw ngħinu lin-​nies jistenbħu mill-​irqad spiritwali. Ħafna għadhom qed jaċċettaw l-​aħbar tajba. Bħala medja, iktar minn 20,000 persuna jitgħammdu kull xahar. Għalhekk, għandna nsegwu l-​parir li l-​appostlu Pawlu ta lil Arkippu: “Ħu ħsieb il-​ministeru li aċċettajt fil-​Mulej, u qis li twettqu.” (Kol. 4:17) L-​artiklu li jmiss se jgħin lil kull wieħed minna biex jifhem xi jfisser li nippritkaw b’sens t’urġenza.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa f’paġna 13]

KIF IŻŻOMM LILEK INNIFSEK IMQAJJEM

▪ Kun bieżel f’li tagħmel ir-​rieda t’Alla

▪ Evita għemejjel tad-​dlam

▪ Ftakar fil-​periklu tal-​irqad spiritwali

▪ Żomm ħarsa pożittiva lejn in-​nies fit-​territorju tiegħek

▪ Ipprova modi ġodda kif tipprietka lil oħrajn

▪ Ftakar kemm hu importanti l-​ministeru tiegħek