Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Int Kif Tagħti Parir?

Int Kif Tagħti Parir?

Ġieli ntlabt tagħti parir lil ħaddieħor? Pereżempju, xi ħadd ġieli staqsiek: ‘X’għandi nagħmel? Għandi mmur għal din il-​laqgħa soċjali? nagħżel din il-​karriera? noħroġ maʼ din il-​persuna bil-​ħsieb li niżżewwiġha?’

Nies sinċieri għandhom mnejn jistaqsuk tgħinhom jieħdu deċiżjonijiet—deċiżjonijiet li jistgħu jinfluwenzaw ir-​relazzjoni tagħhom mal-​ħbieb, mal-​familja, jew saħansitra maʼ Ġeħova. Se tibbaża l-​parir tiegħek fuq fehmtek stess jew fuq il-​Bibbja? Is-​soltu kif tgħinhom lin-​nies jieħdu deċiżjonijiet? Kemm jekk is-​suġġett jidher li hu wieħed importanti u kemm jekk le, Proverbji 15:28 jgħid: “Qalb il-​ġust timmedita sabiex twieġeb.” Ikkunsidra kif il-​ħames prinċipji Bibliċi li ġejjin jistgħu jgħinuna meta nagħtu xi parir.

1 Ifhem is-​Sitwazzjoni Sew.

“Meta xi ħadd iwieġeb qabel ma jismaʼ l-​kwistjoni, dan ikun bluha min-​naħa tiegħu u umiljazzjoni.”​—PROV. 18:13.

Sabiex nagħtu pariri tajbin, irridu nifhmu ċ-​ċirkustanzi u l-​ħarsa taʼ dak li qed ifittex l-​għajnuna. Biex nagħtu tixbiha: Jekk xi ħadd iċempillek u jistaqsik għall-​aħjar triq biex jasal sad-​dar tiegħek, x’għandek bżonn tkun taf sabiex tgħinu? Tistaʼ tgħidlu bl-​aħjar triq mingħajr ma l-​ewwel tkun taf fejn qiegħed dak il-​ħin? Dażgur li le! Bl-​istess mod, biex nagħtu gwida xierqa jeħtieġ li nagħrfu fejn “qiegħed,” jiġifieri, iċ-​ċirkustanzi u l-​ħarsa tal-​wieħed li qed ifittex id-​direzzjoni. Jistaʼ jkun hemm affarijiet dwar is-​sitwazzjoni tiegħu li ma nafux bihom u li jistgħu jeffettwaw il-​parir tagħna? Jekk ma nifhmux sew is-​sitwazzjoni tal-​individwu, nistgħu nagħtuh parir li bih isir saħansitra iktar konfuż.—Lq. 6:39.

Sir Af Kemm Għamel Riċerka. Jistaʼ jkun għaqli wkoll li lill-​individwu tistaqsih mistoqsijiet bħal: “Liema prinċipji Bibliċi taħseb li japplikaw?” “X’inhuma l-​vantaġġi u l-​iżvantaġġi tal-​għażliet li għandek quddiemek?” “X’riċerka diġà għamilt?” “Oħrajn, bħall-​anzjani tal-​kongregazzjoni, il-​ġenituri tiegħek, jew dak li jistudja miegħek, x’għajnuna diġà tawk?”

It-​tweġibiet għandhom mnejn jgħinuna nagħrfu kemm l-​individwu diġà għamel sforz biex isib ir-​risposta. Ukoll, se nkunu nistgħu nikkunsidraw dak li oħrajn diġà qalu meta nagħtu l-​parir tagħna. Nistgħu nsiru nafu wkoll jekk l-​individwu jridx biss li ngħidulu dak li jixtieq jismaʼ.—2 Tim. 4:3.

2 Evita li Twieġeb bla Ma Taħsibha.

“Kull bniedem irid ikun ħafif biex jismaʼ, tqil biex jitkellem.”​—ĠAK. 1:19.

B’intenzjonijiet tajbin, għandna mnejn inwieġbu bl-​għaġla. Imma jkun dan ġeneralment għaqli, speċjalment jekk inkunu qed niddiskutu suġġett li m’għamilniex riċerka bir-​reqqa dwaru? Proverbji 29:20 jgħid: “Rajt bniedem li jitkellem bla ma jaħsibha? Hemm iktar tama għal xi ħadd stupidu milli għalih.”

Agħmel ċert li l-​parir tiegħek ikun ibbażat fuq il-​Kelma t’Alla. Staqsi lilek innifsek, ‘Il-​ħsib u l-​attitudni taʼ din id-​dinja influwenzaw il-​parir tiegħi?’ (1 Kor. 2:12, 13) Ftakar li intenzjonijiet tajbin waħedhom forsi ma jkunux biżżejjed. L-​appostlu Pietru, wara li tgħallem dwar l-​inkarigu diffiċli taʼ Ġesù, lil Ġesù tah dan il-​parir: “Kun ħanin miegħek innifsek, Mulej; żgur li mhux se jiġrilek dan.” X’nistgħu nitgħallmu mit-​tweġiba taʼ Pietru? Li jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu ma nibbażawx il-​parir tagħna fuq “il-​ħsibijiet t’Alla imma tal-​bnedmin.” (Mt. 16:21-​23) Kemm hu importanti li naħsbu qabel ma nitkellmu! Wara kollox, mhijiex l-​esperjenza tagħna limitata ħafna meta mqabbla mal-​għerf t’Alla?—Ġob 38:1-​4; Prov. 11:2.

3 Applika l-​Kelma t’Alla bl-​Umiltà.

“Ma nagħmel xejn minn rajja; imma dan ngħidu skond kif għallimni l-​Missier.”​—ĠW. 8:28.

Se tgħid, “Kieku kont flokok, jien kont . . . ”? Anki jekk ir-​risposta għall-​mistoqsija tidher ovvja, tagħmel tajjeb jekk titgħallem mill-​eżempju t’umiltà u modestja li ħalla Ġesù. Minkejja li kellu ħafna iktar għerf u esperjenza minn kwalunkwe bniedem ieħor, hu qal: “Ma tkellimtx minn jeddi, imma l-​Missier . . . ordnali x’għandi ngħid u x’għandi nitkellem.” (Ġw. 12:49, 50) It-​tagħlim u l-​pariri taʼ Ġesù kienu dejjem ibbażati fuq ir-​rieda taʼ Missieru.

Pereżempju, f’​Luqa 22:49 naqraw li d-​dixxipli taʼ Ġesù staqsew għal direzzjoni dwar jekk kellhomx jiġġieldu meta kien se jiġi arrestat. Dixxiplu minnhom uża sejf. Rakkont simili f’​Mattew 26:52-​54 jgħidilna li anki f’dawn iċ-​ċirkustanzi, Ġesù ħa l-​ħin biex jirraġuna mad-​dixxiplu fuq ir-​rieda taʼ Ġeħova. Ġesù kien jaf il-​prinċipji li jinsabu f’​Ġenesi 9:6 u l-​profeziji taʼ Salm 22 u Isaija 53, u għalhekk setaʼ jagħti direzzjoni għaqlija li bla dubju salvat il-​ħajjiet u għoġbot lil Ġeħova.

4 Uża l-​Librerija Teokratika Tiegħek.

“Min hu tassew l-​ilsir leali u għaqli li sidu ħatru fuq il-​qaddejja taʼ daru, biex jagħtihom l-​ikel fiż-​żmien xieraq?”MT. 24:45.

Ġesù ħatar lill-​ilsir leali u għaqli biex jagħtina ikel spiritwali vitali. Meta int tkun se tagħti pariri u direzzjonijiet rigward kwistjonijiet importanti, tieħu l-​ħin biex tagħmel riċerka bir-​reqqa f’pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja?

Nistgħu nsibu bosta informazzjoni billi nfittxu fil-​Watch Tower Publications Index u fil-​Watchtower Library. a Xi żball ikun jekk ninjoraw din l-​informazzjoni kollha! Hemm eluf taʼ suġġetti kwotati u bosta artikli biex jgħinu lil xi ħadd li qed ifittex xi parir. Kapaċi int tgħin lil oħrajn jużaw dawn l-​għodod biex jistudjaw u jqabblu prinċipji Bibliċi sabiex jieħdu deċiżjoni tajba? Sewwasew bħalma mappa tistaʼ tgħin lil individwu biex jiddeċiedi minn fejn għandu jgħaddi biex jasal fid-​destinazzjoni tiegħu, hekk ukoll il-​pubblikazzjonijiet jistgħu jgħinu lil individwu jieħu deċiżjonijiet li se jgħinuh jilħaq il-​mira tiegħu li jgħix għal dejjem.

Ħafna anzjani jħarrġu lill-​pubblikaturi biex ifittxu artikli billi jużaw l-​Index jew il-​Watchtower Library. Dan jgħin lill-​pubblikaturi biex jirraġunaw mill-​Iskrittura. Dawn jitgħallmu jagħmlu riċerka u jistrieħu fuq il-​pubblikazzjonijiet li jipprovdi Ġeħova mhux biss meta jkunu qed jirranġaw il-​problemi imma wkoll fil-​ħajja taʼ kuljum. B’dan il-​mod, “is-​sensi tagħhom [ikunu] mħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.”—Ebr. 5:14.

5 Evita li Tipprova Tieħu Deċiżjonijiet Għal Oħrajn.

“Kull wieħed iġorr it-​tagħbija tiegħu.”GAL. 6:5.

Fl-​aħħar mill-​aħħar, kull individwu jrid jiddeċiedi għalih innifsu liema pariri se jsegwi. Ġeħova jagħti lil kull wieħed minna l-​libertà biex niddeċiedu jekk irridux niġu gwidati mill-​prinċipji tiegħu jew le. (Dt. 30:19, 20) Ċerti sitwazzjonijiet jinvolvu diversi prinċipji Bibliċi, u fl-​aħħar nett, l-​individwu li qed ifittex il-​parir irid jieħu d-​deċiżjoni tiegħu stess. Jekk xi ħadd jitlobna nagħtuh parir, forsi jkollna nistaqsu lilna nfusna, ‘Għandi jien verament l-​awtorità biex inwieġeb din il-​mistoqsija?’ Xi kwistjonijiet ikun aħjar jekk inħalluhom f’idejn l-​anzjani tal-​kongregazzjoni jew f’idejn il-​ġenituri tiegħu jekk min qed jitlobna l-​parir għadu żgħir.

[Nota taʼ taħt]

a Il-​Watchtower Library fuq CD-​ROM bħalissa hi disponibbli b’39 lingwa. Il-​Watch Tower Publications Index bħalissa hu disponibbli b’iktar minn 45 lingwa.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 8]

Proġett għall-​Qima tal-​Familja

Bħala proġett taʼ studju, għala ma tagħmilx riċerka biex issib it-​tweġibiet għal xi mistoqsijiet li għamlulek dan l-​aħħar? Liema artikli u prinċipji Bibliċi tistaʼ ssib li jistgħu jgħinu lil min qed jistaqsi mistoqsijiet bħal dawn? Pereżempju, ejja ngħidu li ħu jew oħt tistaqsik dwar xi ħadd li tixtieq toħroġ miegħu u forsi tiżżewġu. Meta tkun qed tuża l-​Index jew il-​Watchtower Library, l-​ewwel fittex l-​iktar suġġett relatat. Pereżempju, fl-​Index forsi tfittex “Dating” (Namur) jew “Marriage” (Żwieġ). Imbagħad ittawwal lejn suġġetti simili għal artikli rilevanti. Meta tkun qed tara suġġett prinċipali, ara jekk hemmx ukoll xi suġġett taħt “See also” (Ara wkoll), li jistaʼ jibagħtek taħt titlu li għandu x’jaqsam iktar maʼ dak li qed tfittex.

[Kaxxa f’paġna 9]

Grazzi għall-​provvedimenti taʼ Ġeħova permezz tal-​organizzazzjoni tiegħu, nistgħu nagħtu u nirċievu l-​aħjar pariri. Ekkleżjasti 12:11 jgħid: “Kliem l-​għorrief hu bħal ingiegeż tal-​barrin, u dawk li jagħtuha għall-​ġbir tas-​sentenzi huma bħal imsiemer imsammrin; dan ngħata minn ragħaj wieħed.” Bħal “ingiegeż tal-​barrin”—lasti ġejjin għall-​ponta li jintużaw biex jidderieġu l-​annimali tat-​tagħbija—pariri siewja u kollhom imħabba jiggwidaw lil uħud sinċieri fid-​direzzjoni t-​tajba. U sewwasew bħalma l-​“imsiemer” jintużaw biex jibnu struttura stabbli u soda, hekk ukoll pariri tajbin jgħinu lil individwu biex jieħu deċiżjonijiet tajbin u sodi. Dawk li huma għorrief jieħdu pjaċir isegwu “l-​ġbir tas-​sentenzi,” jew il-​pariri għaqlin, mingħand ir-​“ragħaj wieħed” tagħhom, Ġeħova.

Għandna nimitaw lir-​Ragħaj tagħna, Ġeħova, meta nagħtu xi parir. Huwa l-​pjaċir tagħna li nagħtu widen lil dawk li jitolbu l-​parir tagħna u li ngħinuhom kull meta nistgħu. Jekk nibbażaw il-​pariri tagħna fuq prinċipji Bibliċi, dawn se jkunu taʼ benefiċċju għal oħrajn u se jgħinuhom jiksbu l-​ħajja taʼ dejjem.