Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Jekk Jogħġbok Tistaʼ Tiħdilna Ritratt?”

“Jekk Jogħġbok Tistaʼ Tiħdilna Ritratt?”

Wara t-​tieni jum taʼ konvenzjoni distrettwali, Josué, Betelit fil-​Messiku, kien qed idur il-​belt taʼ Querétaro. Turisti Kolombjani Javier u Maru, koppja miżżewġa, staqsew lil Josué biex jiħdilhom ritratt. Peress li hu u sħabu x-​Xhieda kienu lebsin pulit u kellhom il-​badge tal-​konvenzjoni, il-​koppja staqsewhom jekk kinux ġejjin minn xi gradwazzjoni jew okkażjoni speċjali oħra. Josué spjega li kienu qed jattendu konvenzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova u stieden lill-​koppja biex jattendu s-​sessjoni tal-​Ħadd.

Il-​koppja ħassew li ma kinux se jkunu komdi jattendu minħabba li ma kellhomx ħwejjeġ xierqa għal okkażjoni bħal din. Minkejja dan, Josué tahom ismu u n-​numru tat-​telefon tal-​uffiċċju tal-​fergħa fejn jaqdi.

Josué baqaʼ sorpriż meta erbaʼ xhur wara semaʼ mingħand Javier. Il-​koppja kienu attendew il-​konvenzjoni u issa xtaqu li x-​Xhieda taʼ Ġeħova jżuruhom f’Mexico City, fejn kienu qed joqogħdu dak iż-​żmien. Fi ftit żmien inbeda studju tal-​Bibbja maʼ Javier u Maru, u mill-​ewwel bdew jattendu l-​laqgħat. Għaxar xhur wara kienu saru pubblikaturi. Għalkemm il-​koppja kellhom imorru joqogħdu Toronto, il-​Kanada, komplew jagħmlu progress spiritwali u tgħammdu.

Iktar tard, Josué rċieva ittra mingħand Javier li fiha spjega x’kien qanqlu jaċċetta l-​verità. “Qabel attendejna l-​konvenzjoni, jien u marti konna tkellimna dwar il-​bżonn li kellna għal gwida spiritwali. Meta rajna kemm kontu puliti, ħsibna li żgur kontu f’laqgħa speċjali ħafna. Fil-​konvenzjoni bqajna impressjonati bil-​mod kollu mħabba kif urewna fejn kellna noqogħdu bilqiegħda, bl-​għajnuna li offrewlna biex insegwu magħhom fil-​Bibbja, u bil-​kondotta taʼ dawk fl-​udjenza. Donnu ma kienx jimporta li konna lebsin bħala turisti.”

Josué ra kemm hu minnu l-​kliem tas-​sultan għaref Salamun li kiteb: “Iżraʼ ż-​żerriegħa tiegħek fil-​għodu u tħallix idek tistrieħ sa fil-​għaxija; għax ma tafx fejn se tirnexxi, jekk hux hawnhekk jew hemmhekk, jew jekk hux it-​tnejn se jkunu tajbin indaqs.” (Ekk. 11:6) Tistaʼ int tiżraʼ ż-​żerriegħa billi tuża kull opportunità biex tgħid lil oħrajn dwar konvenzjoni jew taħdita pubblika li jmiss? Ġeħova għandu mnejn jużak biex tiġbed lil dawk li huma bil-​ġuħ u bil-​għatx għal gwida spiritwali, bħalma kienu Javier u Maru.—Is. 55:1.

[Stampa f’paġna 32]

Mix-​xellug għal-​lemin: Alejandro Voeguelin, Maru Pineda, Alejandro Pineda, Javier Pineda, u Josué Ramírez fil-​fergħa tal-​Messiku