Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Tistaʼ l-​prattika taʼ Kristjan li jara l-​pornografija ssir tant ħażina li jkollu jiġi maqtugħ mis-​sħubija tal-​kongregazzjoni Kristjana?

▪ Iva, tistaʼ. Dan jenfasizza għala hu vitali li nwarrbu b’mod sod il-​pornografija kollha. Din tinkludi kotba, rivisti, films, vidjows, u siti tal-​Internet li jiddeskrivu jew juru l-​pornografija.

Il-​pornografija tinsab kullimkien madwar il-​globu. L-​għadd taʼ nies li jaraw il-​pornografija żdied għaliex l-​Internet għamilha faċli biex dak li jkun jara l-​pornografija. Xi wħud, kbar u żgħar, bi żball raw Websajts pornografiċi. Oħrajn daħlu fihom għax riedu, billi ħassewhom iktar komdi għaliex jistgħu jaqraw jew jaraw il-​pornografija f’darhom jew fl-​uffiċċju fejn jaħsbu li ma jistaʼ jarahom ħadd. Il-​pornografija għala hi taʼ periklu għall-​Kristjani?

Insibu raġuni fundamentali fit-​twissija taʼ Ġesù: “Kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Mt. 5:28) Naturalment, relazzjonijiet sesswali bejn raġel u martu huma xierqa u sors taʼ pjaċir għall-​koppja. (Prov. 5:15-​19; 1 Kor. 7:2-​5) Imma l-​pornografija ma tiffokax fuq dan. Minflok, ikun fiha sess immorali li jqanqal il-​ħsibijiet ħżiena li Ġesù wissiena kontrihom. B’mod ċar, li wieħed jaqra jew jara l-​pornografija jmur direttament kontra din id-​direzzjoni divina: “Għalhekk, mewtu l-​membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-​art fejn tidħol iż-​żína, in-​nuqqas taʼ ndafa, l-​aptit sesswali, ix-​xewqa li twassal għall-​ħsara, u x-​xenqa b’għira, li hi idolatrija.”—Kol. 3:5.

X’jiġri jekk Kristjan ikun ra l-​pornografija f’okkażjoni waħda jew tnejn? F’ċertu sens, il-​każ tiegħu jistaʼ jiġi mxebbah mas-​sitwazzjoni perikoluża li s-​salmista Asaf darba sab ruħu fiha: “Min-​naħa tiegħi, saqajja kienu kważi żvijaw, għal naqra ma żlaqtx fil-​mixi tiegħi.” Jekk Kristjan jara stampi pornografiċi taʼ rġiel jew nisa għarwenin jew taʼ xi koppja li qed ikollhom relazzjonijiet sesswali, hu ma jistax ikollu kuxjenza nadifa u jkun fil-​paċi m’Alla. Se jħossu bħal Asaf, li qal: “Ġejt imsawwat il-​jum kollu u koreġut kull fil-​għodu.”—Salm 73:2, 14.

Kristjan li jkun involut f’dan il-​ħażen għandu jistenbaħ u jaċċetta l-​fatt li għandu bżonn l-​għajnuna spiritwali. Din l-​għajnuna hi disponibbli fil-​kongregazzjoni: “Anki jekk bniedem jagħmel xi pass falz qabel ma jinduna, intom li għandkom kwalifiki spiritwali pprovaw aġġustawh mill-​ġdid bi spirtu taʼ ħlewwa, waqt li kull wieħed minnkom joqgħod attent għalih innifsu.” (Gal. 6:1) Anzjan jew tnejn jistgħu jagħtuh l-​għajnuna li jeħtieġ, inkluż ‘talb tal-​fidi li jistaʼ jfejjaq lill-​marid, u d-​dnub tiegħu jistaʼ jinħafirlu.’ (Ġak. 5:13-​15) Asaf ibbenefika billi resaq qrib lejn Alla. Dawk li jirċievu l-​għajnuna biex ma jibqgħux jaraw il-​pornografija se jibbenefikaw ukoll għax se jkollhom relazzjoni aħjar maʼ Ġeħova.—Salm 73:28.

Madankollu, l-​appostlu Pawlu qal li xi wħud li dinbu ma nidmux “min-​nuqqas taʼ ndafa u ż-​żína u l-​kondotta laxka.” a (2 Kor. 12:21) Il-​Professur Marvin R. Vincent kiteb dwar il-​kelma Griega li uża Pawlu għan-​“nuqqas taʼ ndafa.” Hu qal li tfisser nuqqas taʼ ndafa li hu maħmuġ, jew baxx. Hemm pornografija baxxa u moqżieża li turi sess bejn tnejn min-​nies tal-​istess ġeneru, sess fi gruppi, sess mal-​annimali, pornografija bit-​tfal, stupru minn grupp taʼ nies, trattament aħrax u vjolenti fuq in-​nisa, u tortura jew irbit t’oħrajn għal pjaċir sesswali. Xi wħud fi żmien Pawlu li kienu “fi dlam mentali” “tilfu kull sens morali, [u] ngħataw għall-​kondotta laxka biex b’regħba jagħmlu kull xorta taʼ nuqqas taʼ ndafa.”Efes. 4:18, 19.

Pawlu semma wkoll “in-​nuqqas taʼ ndafa” f’​Galatin 5:19. Studjuż Britanniku qal li “n-​nuqqas taʼ ndafa” hawnhekk jirreferi għax-​xewqat żienja li mhumiex naturali. Il-​Kristjani kollha żgur li jaqblu li t-​tipi tal-​pornografija li ddiskutejna huma baxxi u jġiegħlu lin-​nies ikollhom xewqat mhux naturali. F’​Galatin 5:19-​21, Pawlu kkonkluda li “min jipprattika” nuqqas taʼ ndafa bħal dan “ma jiritx is-​saltna t’Alla.” Għaldaqstant, jekk xi ħadd ikollu d-​drawwa li jara pornografija mistkerrha u sesswalment degradanti, forsi fuq perijodu taʼ żmien konsiderevoli, u ma jkunx irid jindem u jdur lura, hu ma jistax jibqaʼ fil-​kongregazzjoni Kristjana. Se jkollu jiġi maqtugħ mis-​sħubija sabiex il-​kongregazzjoni tiġi protetta u tibqaʼ nadifa.—1 Kor. 5:5, 11.

Huwa tajjeb li tkun taf li xi wħud li waqgħu fil-​vizzju li jaraw il-​pornografija marru għand l-​anzjani u rċivew l-​għajnuna spiritwali meħtieġa biex jagħmlu bidliet drastiċi. Ġesù appella lill-​Kristjani f’Sardi tal-​qedem: “Saħħaħ lil dawk li baqaʼ u li kienu se jmutu, . . . ibqaʼ żomm f’moħħok dak li rċivejt u li smajt, u ibqaʼ osservah, u indem. Ċertament li jekk ma tistenbaħx, . . . ma tkunx taf f’liema siegħa niġi fuqek.” (Riv. 3:2, 3) Hu possibbli li tindem u tiskansa mill-​perikli tal-​pornografija.—Ġuda 22, 23.

Iżda, kemm hu aħjar li kull wieħed minna jkun deċiż b’mod sod li ma jiċċappasx bil-​pornografija. Iva, ilkoll għandna nkunu determinati b’mod assolut li nevitaw il-​forom kollha tal-​pornografija!

[Nota taʼ taħt]

a Biex issir taf id-​differenza bejn “nuqqas taʼ ndafa u żína u kondotta laxka,” ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju, 2006, paġni 29-​31.

[Kumment f’paġna 30]

Kristjan li jkun involut f’dan il-​ħażen għandu jistenbaħ u jaċċetta l-​fatt li għandu bżonn l-​għajnuna spiritwali