Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żomm Qalb Sħiħa Lejn Ġeħova

Żomm Qalb Sħiħa Lejn Ġeħova

“Ibni . . . kun af lill-​Alla taʼ missierek u aqdih b’qalb sħiħa.”—1 KRON. 28:9.

SIB IT-​TWEĠIBIET GĦAL DAWN IL-​MISTOQSIJIET:

X’inhi l-​qalb figurattiva?

B’liema mod nistgħu neżaminaw qalbna?

Kif nistgħu nżommu qalb sħiħa lejn Ġeħova?

1, 2. (a) Il-​Kelma t’Alla għal liema parti tal-​ġisem tirreferi b’mod figurattiv bil-​wisq iktar minn kwalunkwe parti oħra? (b) Għala huwa importanti li nifhmu xi tfisser il-​qalb figurattiva?

 IL-​KELMA T’ALLA spiss tirreferi għal partijiet tal-​ġisem uman b’mod figurattiv. Pereżempju, il-​patrijarka Ġob stqarr: “M’hemm ebda vjolenza f’idejja.” Is-​Sultan Salamun qal: “Rapport tajjeb iħaxxen l-​għadam.” Ġeħova qal lil Eżekjel: ‘Għamiltlek ġbinek iebes iktar miż-​żnied.’ U xi wħud qalu lill-​appostlu Pawlu: “Int qed tintroduċi affarijiet strambi għal widnejna.”Ġob 16:17; Prov. 15:30; Eżek. 3:9; Atti 17:20.

2 Iżda hemm parti waħda mill-​ġisem uman li l-​Bibbja tirreferi għaliha b’mod figurattiv bil-​wisq iktar minn kwalunkwe parti oħra. Din tissemma fit-​talba tal-​mara leali Ħanna: “Qalbi ttir bil-​ferħ minħabba Ġeħova.” (1 Sam. 2:1) Fil-​fatt, il-​kittieba tal-​Bibbja jsemmu l-​qalb kważi elf darba, u kważi dejjem f’sens figurattiv. Huwa importanti ferm li nifhmu xi tfisser il-​qalb figurattiva għax il-​Bibbja tgħid li jeħtieġ nipproteġuha.—Aqra Proverbji 4:23.

X’INHI L-​QALB FIGURATTIVA?

3. Kif nistgħu nifhmu t-​tifsira tal-​kelma “qalb” kif użata fil-​Bibbja? Agħti eżempju.

3 Għalkemm il-​Kelma t’Alla ma tipprovdix definizzjoni tal-​kelma “qalb,” din tippermettilna nifhmu t-​tifsira taʼ din l-​kelma. Kif? Pereżempju, aħseb dwar biċċa xogħol sabiħa tal-​mużajk maʼ ħajt, b’elf ċagħqa żgħira ppostjati waħda ħdejn l-​oħra. Jekk wieħed jersaq ftit lura biex iħares lejn l-​istampa kollha jara li ċ-​ċagħaq ippostjat bir-​reqqa ħdejn xulxin jifforma disinn, jew stampa. B’mod simili, kieku kellna nersqu ftit lura, biex ngħidu hekk, u nħarsu lejn il-​ħafna drabi meta tintuża l-​kelma “qalb” fil-​Bibbja, inkunu nistgħu nifhmu li meta jiġu kunsidrati flimkien dawn ir-​referenzi jifformaw disinn, jew stampa. Liema stampa?

4. (a) Il-​kelma “qalb” x’tirrappreżenta? (b) Xi jfisser il-​kliem taʼ Mattew 22:37?

4 Xi kittieba tal-​Bibbja jużaw il-​kelma “qalb” biex jiddeskrivu l-​persuna ġewwinija tal-​bniedem. Din tinkludi x-​xewqat, il-​ħsibijiet, il-​personalità, l-​attitudnijiet, il-​kapaċitajiet, il-​motivazzjonijiet, u l-​miri tagħna. (Aqra Dewteronomju 15:7; Proverbji 16:9; Atti 2:26.) Iżda xi drabi l-​kelma “qalb” ma tfissirx dawn l-​affarijiet kollha. Pereżempju, Ġesù qal: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.” (Mt. 22:37) Hawnhekk, il-​kelma “qalb” tirreferi għall-​emozzjonijiet, ix-​xewqat, u s-​sentimenti tal-​persuna ġewwinija. Meta semma l-​qalb, ir-​ruħ, u l-​moħħ separatament, Ġesù kien qed jenfasizza l-​fatt li għandna nesprimu mħabbitna għal Alla bis-​sentimenti tagħna kif ukoll bil-​mod kif ngħixu ħajjitna u nużaw moħħna. (Ġw. 17:3; Efes. 6:6) Iżda meta l-​kelma “qalb” tissemma waħedha, din tfisser il-​persuna ġewwinija kollha kemm hi.

GĦALA JEĦTIEĠ NIPPROTEĠU QALBNA

5. Għala rridu nagħmlu l-​almu tagħna biex naqdu lil Ġeħova b’qalb sħiħa?

5 Rigward il-​qalb, is-​Sultan David fakkar lil ibnu billi qallu: “Ibni Salamun, kun af lill-​Alla taʼ missierek u aqdih b’qalb sħiħa u bl-​għaxqa taʼ ruħek; għax Ġeħova jgħarbel il-​qlub kollha, u jagħraf kull inklinazzjoni tal-​ħsibijiet.” (1 Kron. 28:9) Tabilħaqq, Ġeħova huwa l-​Wieħed li jeżamina l-​qlub kollha, inkluż tagħna. (Prov. 17:3; 21:2) Nistgħu nkunu ħbieb maʼ Ġeħova u jkollna futur hieni biss jekk dak li jkollna f’qalbna jogħġob lil Ġeħova. B’hekk, għandna nsegwu l-​parir ispirat taʼ David billi nagħmlu l-​almu tagħna biex naqdu lil Ġeħova b’qalb sħiħa.

6. X’għandna nirrealizzaw dwar id-​determinazzjoni tagħna li naqdu lil Ġeħova?

6 L-​attivitajiet li nwettqu biż-​żelu bħala l-​poplu taʼ Ġeħova juru li tassew għandna xewqa qawwija li naqdu lil Alla b’qalb sħiħa. Fl-​istess ħin, nirrealizzaw li l-​pressjonijiet tad-​dinja mill-​agħar taʼ Satana u t-​tendenzi midinbin tagħna jistgħu jinfluwenzawna bil-​kbir u jdgħajfu d-​determinazzjoni tagħna biex naqdu lil Alla b’qalbna kollha. (Ġer. 17:9; Efes. 2:2) Biex nagħmlu ċert li dan ma jiġrix, irridu neżaminaw qalbna b’mod regulari. Kif nistgħu nagħmlu dan?

7. Liema affarijiet jikxfu l-​kundizzjoni taʼ qalbna?

7 Ovvjament, il-​personalità ġewwinija tagħna mhijiex viżibbli—bħalma mhijiex viżibbli l-​qalba taʼ siġra. Xorta waħda, bħalma qal Ġesù fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja, sewwasew bħalma l-​frott jikxef il-​kundizzjoni taʼ siġra, hekk ukoll l-​attivitajiet tagħna jikxfu l-​kundizzjoni vera taʼ qalbna. (Mt. 7:17-​20) Ejja nikkunsidraw waħda minn dawn l-​azzjonijiet.

MOD WIEĦED KIF NEŻAMINAW QALBNA

8. Skont Mattew 6:33, kif nuru x’hemm f’qalbna?

8 Fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù qal lis-​semmiegħa tiegħu x’kellhom jagħmlu biex juru x-​xewqa tagħhom li jaqdu lil Ġeħova b’qalb sħiħa. Hu qal: “Mela, ibqgħu fittxu l-​ewwel is-​saltna u s-​sewwa tiegħu, u dawn l-​affarijiet l-​oħrajn kollha se jiżdidulkom.” (Mt. 6:33) Tabilħaqq, b’dak li npoġġu l-​ewwel f’ħajjitna nkunu qed nuru x’nixtiequ, x’naħsbu, u x’nippjanaw fil-​fond taʼ qalbna. Mod wieħed kif niċċekkjaw jekk aħniex naqdu lil Alla b’qalb sħiħa huwa billi naħsbu bis-​serjetà dwar dak li hu l-​iktar importanti f’ħajjitna.

9. Ġesù liema stedina għamel lil xi rġiel, u r-​reazzjonijiet tagħhom xi wrew?

9 Ftit wara li Ġesù ħeġġeġ lis-​segwaċi tiegħu biex ‘jibqgħu jfittxu l-​ewwel is-​saltna,’ ġrat xi ħaġa li turi kif il-​kundizzjoni tal-​qalb taʼ bniedem tkun tabilħaqq tidher minn dak li jpoġġi l-​ewwel f’ħajtu. Luqa jgħidilna li Ġesù “kien determinat li jmur Ġerusalemm,” avolja kien jaf tajjeb x’kien qed jistennieh hemmhekk. Waqt li hu u l-​appostli tiegħu kienu “mexjin fit-​triq,” Ġesù ltaqaʼ maʼ xi rġiel u stidinhom biex ikunu segwaċi tiegħu. Dawn l-​irġiel kienu lesti li jaċċettaw l-​istedina taʼ Ġesù, iżda b’ċerti kundizzjonijiet biss. Wieħed raġel wieġeb: “Ħallini l-​ewwel immur nidfen lil missieri.” Raġel ieħor qal: “Jien niġi warajk, Mulej; imma l-​ewwel ħallini nsellem lil dawk taʼ dari.” (Lq. 9:51, 57-​61) Nistgħu naraw kuntrast kbir bejn id-​deċiżjoni soda taʼ Ġesù li jagħmel ir-​rieda t’Alla u r-​reazzjoni dgħajfa taʼ dawn l-​irġiel għall-​istedina taʼ Ġesù. Peress li poġġew l-​interessi tagħhom qabel l-​interessi tas-​Saltna, huma wrew li qalbhom ma kinitx sħiħa lejn Alla.

10. (a) Aħna kif irreaġixxejna għall-​istedina taʼ Ġesù biex inkunu segwaċi tiegħu? (b) Ġesù liema tixbiha rrakkonta?

10 Ir-​reazzjoni tagħna kienet differenti minn taʼ dawn l-​irġiel. Aħna aċċettajna l-​istedina taʼ Ġesù biex inkunu segwaċi tiegħu u issa qed naqdu lil Ġeħova kuljum. B’hekk qed nuru kif inħossuna f’qalbna dwar Ġeħova. Madankollu, anke jekk aħna attivi fil-​kongregazzjoni, irridu niftakru li qalbna xorta tistaʼ tkun fil-​periklu. Liema periklu? Fl-​istess konversazzjoni li kellu maʼ dawk li stidinhom biex ikunu dixxipli tiegħu, Ġesù wera x’inhu dan il-​periklu billi qal: “Ebda bniedem li jkun poġġa idu fuq il-​moħriet u jħares lejn dak li hemm warajh m’hu xieraq għas-​saltna t’Alla.” (Lq. 9:62) Liema lezzjoni nistgħu nisiltu minn din it-​tixbiha?

QEGĦDIN ‘INŻOMMU SOD MAʼ DAK LI HU TAJJEB’?

11. Xi ġralu l-​ħaddiem fit-​tixbiha taʼ Ġesù, u għala?

11 Sabiex inkunu nistgħu nifhmu aħjar il-​lezzjoni tat-​tixbiha taʼ Ġesù, ejja nżidulha ftit iktar dettalji. Ħaddiem f’għalqa qed jaħrat. Iżda, hu u jaħrat jibqaʼ jaħseb dwar id-​dar tiegħu fejn hemm il-​familja, il-​ħbieb, ikel, mużika, daħq, u kenn mix-​xemx. Hu jixxennaq għal dawn l-​affarijiet. Wara li jkun ħarat biċċa ġmielha mill-​għalqa, il-​ħaddiem tant ikun jixtieq dawn l-​affarijiet sbieħ tal-​ħajja li jibda jhewden fuqhom u jdur lura biex jara “dak li hemm warajh.” Għalkemm ikun għad hemm ħafna xogħol xi jsir qabel ma l-​għalqa tkun miżrugħa, il-​ħaddiem jaljena rasu u xogħlu jiġi effettwat ħażin. M’għandniex xi ngħidu, sid l-​għalqa joħroġ diżappuntat minħabba li l-​ħaddiem ma jkunx ippersevera f’xogħlu.

12. Kristjan illum kif jistaʼ jsib ruħu fl-​istess sitwazzjoni tal-​ħaddiem fit-​tixbiha taʼ Ġesù?

12 Issa kkunsidra kif sitwazzjoni simili tistaʼ tiġri llum. Il-​ħaddiem jistaʼ jkun kwalunkwe Kristjan li donnu jkun sejjer tajjeb iżda li qalbu tkun f’periklu spiritwali. Pereżempju, ejja nimmaġinaw li jattendi l-​laqgħat u jieħu sehem fil-​ministeru. Iżda fl-​istess ħin, hu ma jistax jieqaf jaħseb dwar ċerti affarijiet li jogħġbuh f’din id-​dinja. Fil-​fond taʼ qalbu, hu jixxennaq għalihom. Maż-​żmien, wara li jkun wettaq il-​ministeru għal diversi snin, ix-​xewqa tiegħu għal xi affarijiet taʼ din id-​dinja tant issir qawwija li jdur lura u jħares lejn “dak li hemm warajh.” Għalkemm għad hemm ħafna xogħol xi jsir fil-​ministeru, hu ma jżommx “qabda soda mal-​kelma tal-​ħajja,” u l-​attivitajiet teokratiċi tiegħu jmorru minn taħt. (Flp. 2:16) Ġeħova, “Sid il-​ħsad,” jitnikket meta jara li wieħed mill-​ħaddiema tiegħu ma jibqax jistinka.—Lq. 10:2.

13. Xi jfisser li naqdu lil Ġeħova b’qalb sħiħa?

13 Il-​lezzjoni hi ċara daqs il-​kristall. Li taqdi lil Ġeħova b’qalb sħiħa jfisser iktar milli tkun regulari fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u fil-​ministeru. (2 Kron. 25:1, 2, 27) Jekk fil-​fond taʼ qalbu Kristjan jibqaʼ jħobb “dak li hemm warajh”—jiġifieri, ċerti affarijiet f’din id-​dinja—hu jkun fil-​periklu li jitlef l-​approvazzjoni t’Alla. (Lq. 17:32) Huwa biss jekk ‘nistmerru dak li hu ħażin [u] nżommu sod maʼ dak li hu tajjeb’ li se nkunu meqjusin ‘xierqa għas-​saltna t’Alla.’ (Rum. 12:9; Lq. 9:62) Għalhekk, anki jekk xi affarijiet fid-​dinja taʼ Satana jkunu jidhru utli jew pjaċevoli, irridu nagħmlu ċert li ma nħallu xejn iżommna milli naqdu lil Alla b’qalb sħiħa.—2 Kor. 11:14; aqra Filippin 3:13, 14.

IBQAʼ GĦASSA!

14, 15. (a) Satana kif jipprova jdgħajjef iż-​żelu tagħna għas-​servizz taʼ Ġeħova? (b) Agħti eżempju taʼ kif il-​metodu taʼ Satana huwa taʼ periklu.

14 L-​imħabba għal Ġeħova qanqlitna biex niddedikaw lilna nfusna lilu. Minn dakinhar ’il quddiem, ħafna minna għal snin sħaħ tajna prova li aħna determinati li nżommu qalb sħiħa lejn Ġeħova. Madankollu, Satana ma qatax qalbu minna. Qalbna għadha fil-​mira tiegħu. (Efes. 6:12) M’għandniex xi ngħidu, hu għandu mnejn jirrealizza li m’aħniex se naqbdu u nabbandunaw lil Ġeħova ħesrem. Għalhekk, b’makakkerija hu juża “din is-​sistema” biex bil-​mod il-​mod jipprova jdgħajjef iż-​żelu tagħna għal Alla. (Aqra Marku 4:18, 19.) Dan il-​metodu li juża Satana, għala hu daqshekk effettiv?

15 Tixbiha tistaʼ tgħinna nwieġbu din il-​mistoqsija. Immaġina li qed taqra ktieb fid-​dawl taʼ bozza tal-​mija, iżda mbagħad il-​bozza tinqataʼ. Minħabba li tispiċċa fid-​dlam, int mill-​ewwel tintebaħ xi jkun ġara u tibdel din il-​bozza maʼ waħda ġdida. Il-​kamra terġaʼ tiddawwal. L-​għada filgħaxija, tkun qed taqra taħt id-​dawl taʼ din il-​bozza iżda, bla ma tkun taf, xi ħadd ikun bidel il-​bozza l-​ġdida tal-​mija maʼ waħda taʼ 95. Tinnotaha d-​differenza? X’aktarx li le. U xi ngħidu jekk l-​għada xi ħadd jibdilha maʼ bozza taʼ 90? X’aktarx li xorta lanqas tirrealizza. Għala le? Għax id-​dawl tal-​bozza tant ikun qed jonqos bil-​mod li int lanqas biss tinduna. B’mod simili, l-​influwenzi tad-​dinja taʼ Satana jistgħu jġiegħlu ż-​żelu tagħna għas-​servizz taʼ Ġeħova jmajna ftit ftit. Jekk ma jkunx għassa, Kristjan lanqas biss jinduna bil-​bidla li tkun qed issir bil-​mod il-​mod, u Satana jkun laħaq il-​mira tiegħu.—Mt. 24:42; 1 Pt. 5:8.

IT-​TALB HU VITALI

16. Kif nistgħu nipproteġu lilna nfusna kontra Satana?

16 Kif nistgħu nipproteġu lilna nfusna kontra Satana u nżommu qalb sħiħa lejn Ġeħova? (2 Kor. 2:11) It-​talb hu vitali. Pawlu ħeġġeġ lil sħabu fit-​twemmin biex ‘iżommu sod kontra t-​tnassis tax-​Xitan.’ Imbagħad ħeġġiġhom: “B’kull xorta taʼ talb u suppliki ibqgħu itolbu f’kull okkażjoni.”—Efes. 6:11, 18; 1 Pt. 4:7.

17. It-​talb taʼ Ġesù liema lezzjoni jgħallimna?

17 Sabiex nopponu lil Satana nkunu għaqlin jekk nimitaw il-​mod kif kien jitlob Ġesù. It-​talb tiegħu kien jirrifletti x-​xewqa profonda li jżomm qalb sħiħa lejn Ġeħova. Luqa kiteb dwar il-​mod kif talab Ġesù fil-​lejl qabel miet: “Kien f’agunija u kompla jitlob iktar bil-​ħeġġa.” (Lq. 22:44) Ġesù kien talab bil-​ħeġġa qabel, iżda din id-​darba, minħabba li ffaċċja l-​iktar prova ħarxa taʼ ħajtu fuq l-​art, hu talab “iktar bil-​ħeġġa”—u t-​talba tiegħu ġiet mismugħa. L-​eżempju taʼ Ġesù juri li xi talb hu iktar intensiv minn talb ieħor. Għalhekk, iktar ma jkunu ħorox il-​provi tagħna u iktar ma tkun qawwija l-​influwenza taʼ Satana, iktar għandna nitolbu bil-​ħeġġa biex ikollna l-​protezzjoni taʼ Ġeħova.

18. (a) X’għandna nistaqsu lilna nfusna dwar it-​talb, u għala? (b) Liema fatturi jeffettwaw lil qalbna, u b’liema modi? (Ara  l-​kaxxa f’paġna 16.)

18 Talb bħal dan kif jeffettwana? Pawlu qal: “F’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-​ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom.” (Flp. 4:6, 7) Iva, għandna nitolbu bil-​ħeġġa u regolarment sabiex inżommu qalb sħiħa lejn Ġeħova. (Lq. 6:12) Mela, staqsi lilek innifsek, ‘Kemm hu intensiv it-​talb tiegħi? Kemm nitlob spiss?ʼ (Mt. 7:7; Rum. 12:12) It-​tweġibiet tiegħek juru kemm hi profonda x-​xewqa li għandek li taqdi lil Alla.

19. X’se tagħmel biex iżżomm qalb sħiħa lejn Ġeħova?

19 Bħalma rajna, il-​prijoritajiet li nagħmlu fil-​ħajja jistgħu jikxfu ħafna affarijiet dwar il-​kundizzjoni taʼ qalbna. Irridu nagħmlu ċert li la l-​affarijiet li ħallejna warajna u lanqas in-​nases taʼ Satana ma jdgħajfulna d-​determinazzjoni biex naqdu lil Ġeħova b’qalb sħiħa. (Aqra Luqa 21:19, 34-​36.) Għalhekk, bħal David, aħna nibqgħu nitolbu bil-​ħeġġa lil Ġeħova: “Agħtini qalb sħiħa.”—Salm 86:11.

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Kaxxa f’paġna 16]

TLIET FATTURI LI JEFFETTWAW LIL QALBNA

Sewwasew bħalma nistgħu nieħdu passi li jkunu taʼ ġid għall-​qalb letterali, hekk ukoll nistgħu nieħdu passi li jgħinuna nżommu l-​qalb figurattiva f’saħħitha. Ikkunsidra dawn it-​tliet fatturi importanti:

1 In-​Nutriment: Il-​qalb letterali għandha bżonn ammont suffiċjenti taʼ nutriment sustanzjuż. Bl-​istess mod, jeħtieġ nagħmlu ċert li nieħdu ammont suffiċjenti taʼ ikel spiritwali bnin regolarment permezz taʼ studju persunali, meditazzjoni, u attendenza għal-​laqgħat.—Salm 1:1, 2; Prov. 15:28; Ebr. 10:24, 25.

 2 L-​Eżerċizzju: Sabiex tkun f’saħħitha, il-​qalb letterali kultant ikollha bżonn tħabbat b’ritmu iktar mgħaġġel permezz tal-​eżerċizzju. B’mod simili, il-​parteċipazzjoni biż-​żelu fil-​ministeru—forsi billi nħabirku ħalli nżidu r-​ritmu tal-​attivitajiet tagħna—iżżomm il-​qalb figurattiva f’kundizzjoni tajba.—Lq. 13:24; Flp. 3:12.

3 L-​Ambjent: Fl-​ambjent fejn ikollna naħdmu u ngħixu nsibu ruħna mdawrin b’nies li ma jħobbux lil Alla. Dan jistaʼ jpoġġi lill-​qalb letterali u figurattiva tagħna taħt stress qawwi. Imma l-​istress intaffuh meta nkunu maʼ ħutna li verament jimpurtahom minna u li jaqdu lil Ġeħova b’qalb sħiħa.—Salm 119:63; Prov. 13:20.