Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘L-Iben Lest li Jirrivela lill-Missier’

‘L-Iben Lest li Jirrivela lill-Missier’

“Ħadd ma jaf min hu l-​Missier ħlief l-​Iben, u dak li lilu l-​Iben lest li jirrivelah.”—LQ. 10:22.

INT KIF TWIEĠEB?

Ġesù għala setaʼ jirrivela lil Missieru b’mod speċjali?

Ġesù kif irrivela min hu Missieru lil oħrajn?

B’liema modi tistaʼ timita lil Ġesù u tirrivela lill-​Missier?

1, 2. Ħafna nies liema mistoqsija jsibu diffiċli biex iwieġbu, u għala?

 ‘MIN hu Alla?ʼ Din il-​mistoqsija ħafna nies isibuha diffiċli ferm biex iwiġbuha. Pereżempju, il-​biċċa l-​kbira minn dawk li jgħidu li huma Kristjani jemmnu li Alla huwa Trinità, imma jgħidu li dan it-​tagħlim hu impossibbli biex tifhmu. Awtur li hu wkoll membru tal-​kleru kiteb li t-​tagħlim tat-​Trinità ma jistax jiġi spjegat għax hemm xi affarijiet li l-​bniedem mhuwiex kapaċi jifhimhom. Oħrajn jemmnu fl-​evoluzzjoni. Huma jgħidu li Alla ma jeżistix u li l-​affarijiet sbieħ kollha li naraw fil-​ħolqien ġew b’kumbinazzjoni. Charles Darwin ma ċaħadx li Alla jeżisti. Hu qal li l-​bnedmin m’għandhomx l-​abbiltà li jifhmu għalkollox is-​suġġett dwar Alla.

2 Hu x’inhu t-​twemmin tagħhom, il-​maġġoranza tan-​nies għandhom diversi mistoqsijiet dwar Alla. Madankollu, meta ma jirnexxilhomx jaslu għal konklużjoni sodisfaċenti, eventwalment ħafna minnhom jaqtgħu qalbhom u ma jibqgħux ifittxu lil Alla. Tabilħaqq, Satana “għema l-​imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux.” (2 Kor. 4:4) Mhux taʼ b’xejn li l-​biċċa l-​kbira tal-​umanità huma mħawdin u ma jafux il-​verità dwar il-​Missier, il-​Ħallieq tal-​univers!—Is. 45:18.

3. (a) Min irrivelalna lill-​Ħallieq? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

3 Però, huwa vitali li n-​nies jitgħallmu l-​verità dwar Alla. Għala? Għax dawk biss li jsejħu “isem Ġeħova” se jiġu salvati. (Rum. 10:13) Li ssejjaħ isem Alla jfisser li ssir taf lil Ġeħova bħala persuna. Ġesù Kristu għallem lid-​dixxipli tiegħu dan l-​għarfien vitali. Hu rrivelalhom ’il-​Missier. (Aqra Luqa 10:22.) Ġesù għala setaʼ jirrivela lill-​Missier b’mod li ebda bniedem ieħor ma setaʼ? Ġesù kif għamlu dan? U kif nistgħu nimitaw lil Ġesù f’li nirrivelaw min hu l-​Missier lil oħrajn? Ħalli nikkunsidraw dawn il-​mistoqsijiet.

ĠESÙ KRISTUKWALIFIKAT B’MOD UNIKU

4, 5. Ġesù għala setaʼ jirrivela lil Missieru b’mod speċjali?

4 Ġesù kien kwalifikat b’mod speċjali biex jirrivela ’l Missieru. Għala? Għax qabel ma nħalqet kwalunkwe ħaġa ħajja oħra, Ġesù għex fis-​sema bħala spirtu. Hu kien “l-​Iben uniġenitu t’Alla.” (Ġw. 1:14; 3:18) X’pożizzjoni unika! Qabel ma sar il-​ħolqien l-​ieħor kollu, Ġesù kien waħdu maʼ Missieru u gawda l-​attenzjoni sħiħa Tiegħu. Peress li kkomunikaw flimkien għal eluf kbar taʼ snin, Ġesù tgħallem ħafna dwar Missieru u l-​kwalitajiet tiegħu. Hekk kif ir-​relazzjoni taʼ bejniethom baqgħet tissaħħaħ, l-​imħabba u l-​affezzjoni tagħhom lejn xulxin żdiedu. (Ġw. 5:20; 14:31) Min jaf Ġesù kemm tgħallem dwar il-​personalità taʼ Missieru!—Aqra Kolossin 1:15-​17.

5 Il-​Missier għażel lill-​Iben biex ikun ir-​rappreżentant tiegħu, biex jitkellem f’ismu bħala “l-​Kelma t’Alla.” (Riv. 19:13) B’hekk, Ġesù biss ngħata l-​inkarigu speċjali li jirrivela min hu l-​Missier lil ħaddieħor. Hu għalhekk li Ġwanni kiteb li Ġesù, “il-​Kelma,” huwa “fi ħdan il-​Missier.” (Ġw. 1:1, 18) Jistaʼ jkun li Ġwanni kellu f’moħħu d-​drawwa li kienet komuni waqt ħin l-​ikel. Il-​mistidnin kienu jitpoġġew maġenb xulxin biex ikun jistaʼ jkollhom konversazzjoni faċilment. Bl-​istess mod, l-​Iben kien “fi ħdan” Missieru u setaʼ jkollu konversazzjonijiet fil-​fond miegħu.

6, 7. Ir-​relazzjoni bejn il-​Missier u l-​Iben kif kompliet tiżviluppa?

6 Ir-​relazzjoni bejn il-​Missier u l-​Iben kompliet tiżviluppa. Alla ‘kien jgħożż [lill-​Iben] b’mod speċjali jum wara l-​ieħor.’ (Aqra Proverbji 8:22, 23, 30, 31.) Ovvjament, ir-​rabta taʼ bejniethom issaħħet hekk kif it-​tnejn li huma ħadmu flimkien u l-​Iben tgħallem jimita l-​kwalitajiet taʼ Missieru. Meta ġew maħluqin ħlejjaq intelliġenti oħrajn, l-​Iben ra kif Ġeħova ttratta maʼ kull wieħed minnhom, u l-​imħabba u r-​rispett lejn Missieru komplew jikbru.

7 Iktar tard, Satana ħadha kontra d-​dritt li Ġeħova jaħkem. Dan ta lill-​Iben l-​opportunità biex jitgħallem kif Ġeħova kien se juri l-​imħabba, il-​ġustizzja, l-​għerf, u l-​qawwa f’sitwazzjoni diffiċli. Dan għen lil Ġesù jkun lest għad-​diffikultajiet li hu nnifsu kien se jiffaċċja fil-​ministeru tiegħu fuq l-​art.—Ġw. 5:19.

8. Ir-​rakkonti tal-​Evanġelji kif jgħinuna nitgħallmu dwar il-​kwalitajiet tal-​Missier?

8 Minħabba r-​relazzjoni tiegħu mill-​qrib maʼ Ġeħova, l-​Iben setaʼ jirrivela ’l-​Missier b’iktar dettall minn kwalunkwe persuna oħra. L-​aħjar mod biex nitgħallmu dwar il-​Missier huwa billi nsiru nafu x’għallem u x’għamel l-​Iben uniġenitu tiegħu. Biex nagħtu eżempju, nistgħu aħna nifhmu bis-​sħiħ xi tfisser il-​kelma “mħabba” billi sempliċement naqraw id-​definizzjoni tagħha f’dizzjunarju? Diffiċli. Meta nirriflettu fuq ir-​rakkonti ħajjin tal-​kittieba tal-​Evanġelji dwar il-​ministeru taʼ Ġesù u l-​mod kif ħa ħsieb lil oħrajn, niksbu ħafna dehen mill-​istqarrija: “Alla hu mħabba.” (1 Ġw. 4:8, 16) L-​istess hu minnu dwar il-​kwalitajiet l-​oħrajn t’Alla li Ġesù rrivela lid-​dixxipli tiegħu meta kien fuq l-​art.

KIF ĠESÙ RRIVELA LIL MISSIERU

9. (a) Ġesù b’liema żewġ modi rrivela min hu Missieru lid-​dixxipli tiegħu? (b) Agħti eżempju li juri kif Ġesù rrivela ’l Missieru fit-​tagħlim tiegħu.

9 Ġesù kif irrivela min hu Missieru lid-​dixxipli tiegħu u lil dawk li iktar tard saru dixxipli? Hu għamel dan b’żewġ modi: bit-​tagħlim u bil-​kondotta tiegħu. Ejja l-​ewwel nikkunsidraw it-​tagħlim taʼ Ġesù. Minn dak li Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu nitgħallmu dwar il-​mogħdijiet, il-​ħsibijiet, u s-​sentimenti taʼ Missieru. Pereżempju, Ġesù xebbah lil Missieru maʼ sid taʼ merħla nagħaġ. Nagħġa waħda tintilef u peress li jimpurtah minn kull waħda minnhom, is-​sid jitlaq lill-​merħla biex imur ifittex lin-​nagħġa l-​mitlufa. Ġesù qal li meta hu jsib lin-​nagħġa l-​mitlufa “jifraħ biha iktar milli bid-​disgħa u disgħin li ma ntilfux.” Ġesù għala uża din it-​tixbiha? Hu spjega: “Bl-​istess mod, Missieri li hu fis-​sema ma jridx li jinqered wieħed minn dawn iċ-​ċkejknin.” (Mt. 18:12-​14) X’tistaʼ titgħallem dwar Ġeħova minn din it-​tixbiha? Li anke jekk xi drabi tħossok ma tiswa għal xejn u minsi, Missierek tas-​sema jinteressah u jimpurtah minnek. F’għajnejh, inti “wieħed minn dawn iċ-​ċkejknin.”

10. Ġesù kif irrivela lil Missieru bil-​kondotta tiegħu stess?

10 It-​tieni mod kif Ġesù rrivela min hu Missieru lid-​dixxipli tiegħu kien bil-​kondotta tiegħu. Għalhekk, meta l-​appostlu Filippu talab lil Ġesù: “Urina l-​Missier,” Ġesù bir-​raġun setaʼ jgħid: “Min ra lili ra wkoll lill-​Missier.” (Ġw. 14:8, 9) Ikkunsidra xi eżempji taʼ kif Ġesù wera l-​kwalitajiet taʼ Missieru. Meta raġel bil-​ġdiem talab lil Ġesù bil-​ħniena biex ifejqu, Ġesù mess lir-​raġel li kien “mimli ġdiem” u qallu: “Irrid. Indaf.” Wara li ġie mfejjaq, ir-​raġel kien jaf li kien Ġeħova li ta lil Ġesù l-​qawwa biex ifejqu. (Lq. 5:12, 13) Ukoll, meta miet Lazzru, id-​dixxipli żgur li ħassew il-​mogħdrija tal-​Missier meta Ġesù “karab fl-​ispirtu tiegħu u tnikket” u “qabiżlu d-​dmugħ.” Għalkemm Ġesù kien jaf li kien se jirxoxta lil Lazzru, hu ħass l-​istess swied taʼ qalb li ħassew il-​qraba u l-​ħbieb taʼ Lazzru. (Ġw. 11:32-​35, 40-​43) Bla dubju, int għandek ir-​rakkonti favoriti tiegħek mill-​Bibbja li jgħinuk tara l-​ħniena li juri l-​Missier.

11. (a) Meta Ġesù naddaf it-​tempju, xi rrivela dwar Missieru? (b) Dan għala jfarraġna?

11 Meta taqra r-​rakkont taʼ kif Ġesù naddaf it-​tempju, x’titgħallem? Ġib quddiem għajnejk x’ġara: Ġesù għamel frosta tal-​ħbula u keċċa ’l barra lill-​bejjiegħa tal-​baqar u n-​nagħaġ. Xerred il-​muniti tas-​sarrafa u qalbilhom l-​imwejjed. (Ġw. 2:13-​17) Din l-​azzjoni qawwija fakkret lid-​dixxipli fil-​profezija li kiteb is-​Sultan David: “Iż-​żelu għal darek kielni.” (Salm 69:9) Dak li Ġesù għamel wera x-​xewqa kbira li kellu biex jiddefendi l-​qima vera. Meta taqra dan ir-​rakkont, tara int il-​personalità taʼ Ġeħova f’Ġesù? Dan ifakkarna li Alla mhux biss għandu l-​qawwa bla limitu biex jiknes il-​ħażen minn fuq wiċċ l-​art, imma wkoll ix-​xewqa kbira li jagħmel dan. Immaġina kif iħossu Ġeħova meta jara l-​ħażen madwar l-​art kollha! Il-​mod kif iħossuhom Ġeħova u Ġesù dwar is-​sitwazzjoni jagħtina faraġ liema bħalu meta nsofru inġustizzji.

12, 13. X’tistaʼ titgħallem dwar Ġeħova mill-​mod kif Ġesù ttratta lid-​dixxipli tiegħu?

12 Ejja nikkunsidraw eżempju ieħor—il-​mod kif Ġesù ttratta lid-​dixxipli tiegħu. Huma baqgħu jilmentaw dwar min kien l-​ikbar fosthom. (Mk. 9:33-​35; 10:43; Lq. 9:46) Mill-​esperjenza twila tiegħu mal-​Missier, Ġesù kien jaf kif Ġeħova jħossu rigward il-​kburija. (2 Sam. 22:28; Salm 138:6) Iktar minn hekk, Ġesù kien ra lil Satana x-​Xitan juri tendenzi bħal dawn. Dan l-​individwu egoist kien jimpurtah ħafna mill-​prominenza u l-​pożizzjoni. Għalhekk, min jaf kemm ħassu dispjaċut Ġesù meta ra li din l-​attitudni ambizzjuża kompliet tintwera fost id-​dixxipli li kien ħarreġ. Kienet saħansitra evidenti fost dawk li kien għażel bħala appostli! Huma wrew attitudni ambizzjuża proprju sal-​aħħar jum tal-​ħajja taʼ Ġesù fuq l-​art. (Lq. 22:24-​27) Però, Ġesù baqaʼ jikkoreġihom b’qalb tajba, bla ma qatt qataʼ qalbu li maż-​żmien se jitgħallmu jimitaw l-​istess attitudni umli tiegħu.—Flp. 2:5-​8.

13 Tistaʼ int tara l-​personalità taʼ Ġeħova mill-​mod kif Ġesù imita lil Missieru u kif bil-​paċenzja kkoreġa l-​attitudni ħażina tad-​dixxipli tiegħu? Titgħallem int dwar il-​Missier minn dak li qal u għamel Ġesù? Missieru ma jabbandunax lin-​nies tiegħu minkejja li spiss jiżbaljaw. L-​għarfien dwar il-​kwalitajiet t’Alla jinkuraġġina biex nindmu u nitolbu għall-​maħfra taʼ Ġeħova meta niżbaljaw.

L-​IBEN KIEN LEST LI JIRRIVELA LIL MISSIERU

14. Ġesù kif wera li kien lest li jirrivela lil Missieru?

14 Ħafna dittaturi jipprovaw iżommu lin-​nies taħt il-​kontroll tagħhom u fil-​għama billi jaħbulhom xi informazzjoni. B’kuntrast maʼ dan, Ġesù kien lest li jaqsam l-​informazzjoni li kellu dwar il-​Missier billi jirrivelah bis-​sħiħ lil oħrajn. (Aqra Mattew 11:27.) Iktar minn hekk, Ġesù ta lid-​dixxipli tiegħu ‘l-​kapaċità intellettwali biex [ikunu jistgħu] jiksbu l-​għarfien dwar l-​Alla l-​veru,’ Ġeħova. (1 Ġw. 5:20) Dan xi jfisser? Li Ġesù għen lis-​segwaċi tiegħu jifhmu dak li għallem dwar il-​Missier. Hu ma ħebiex lil Missieru fit-​tagħlim tat-​Trinità—tagħlim stramb li ħadd ma setaʼ jifhem.

15. Ġesù għala ma qalx lid-​dixxipli tiegħu kulma kien jaf dwar Missieru?

15 Irrivela Ġesù kulma kien jaf dwar Missieru? Le, hu wera l-​għerf billi żamm lura milli jgħid kollox lid-​dixxipli tiegħu. (Aqra Ġwanni 16:12.) Għala? Għax dak iż-​żmien ma kinux ‘jifilħu’ għal dan l-​għarfien. Però, bħalma spjega Ġesù, kien se jiġi rrivelat ħafna iktar għarfien meta jasal “l-​ajjutant,” l-​ispirtu qaddis li kien se jiggwidahom “lejn il-​verità kollha.” (Ġw. 16:7, 13) Sewwasew bħalma ġenituri għaqlin forsi jżommu lura xi informazzjoni minn uliedhom sakemm jikbru biżżejjed biex jifhmuha, hekk ukoll Ġesù stenna sakemm id-​dixxipli jkunu f’qagħda li jifhmu ċerti fatti dwar il-​Missier. B’qalb tajba, Ġesù żamm f’moħħu l-​limitazzjonijiet tagħhom.

IMITA LIL ĠESÙGĦIN LIN-​NIES ISIRU JAFU LIL ĠEĦOVA

16, 17. Int għala qiegħed f’pożizzjoni li tirrivela min hu l-​Missier lil oħrajn?

16 Meta ssir taf lil xi ħadd sew u tapprezza l-​imħabba li juri, ma titqanqalx tgħid lil ħaddieħor dwaru? Meta kien fuq l-​art, Ġesù tkellem dwar Missieru. (Ġw. 17:25, 26) Nistgħu aħna nimitawh billi nirrivelaw min hu Ġeħova lin-​nies?

17 Bħalma rajna, Ġesù kellu ħafna iktar għarfien dwar Missieru milli kellu ħaddieħor. Madankollu, hu kien lest li jaqsam xi għarfien, saħansitra billi ta lis-​segwaċi tiegħu l-​abbiltà li jifhmu xi aspetti iktar profondi tal-​personalità t’Alla. Ġesù għenna nsiru nafu lil Missierna b’mod li l-​maġġuranza tan-​nies illum ma jafuhx. Kemm aħna grati li permezz tat-​tagħlim u l-​kondotta tiegħu, Ġesù kien lest li jirrivelalna lil Missieru! Fil-​fatt, aħna onorati li nafu lill-​Missier. (Ġer. 9:24; 1 Kor. 1:31) Hekk kif stinkajna biex nersqu qrib lejn Ġeħova, hu resaq qrib lejna. (Ġak. 4:8) Għalhekk, aħna qegħdin f’pożizzjoni li naqsmu l-​għarfien li għandna m’oħrajn. Kif nistgħu nagħmlu dan?

18, 19. B’liema modi tistaʼ tirrivela min hu l-​Missier lil oħrajn? Spjega.

18 Jeħtieġ li nimitaw lil Ġesù billi nirrivelaw lill-​Missier bi kliemna u b’għemilna. Żomm f’moħħok li ħafna wħud li niltaqgħu magħhom fis-​servizz tal-​għalqa ma jafux min hu Alla. Għandu mnejn ikollhom ideat żbaljati dwaru għax ikunu ġew mgħallmin tagħlim falz. Aħna nistgħu naqsmu magħhom dak li nafu dwar isem Alla, l-​iskop tiegħu għall-​bnedmin, u l-​personalità tiegħu kif jintwerew fil-​Bibbja. Iktar minn hekk, nistgħu niddiskutu maʼ sħabna fit-​twemmin xi rakkonti mill-​Bibbja li jirrivelaw il-​personalità t’Alla b’mod li ma konniex nifhmu qabel. B’hekk, ikunu jistgħu jibbenefikaw huma wkoll.

19 Għandna nimitaw lil Ġesù u nirrivelaw lill-​Missier bil-​kondotta tagħna. Meta n-​nies jaraw l-​imħabba taʼ Kristu fl-​aġir tagħna, huma jinġibdu kemm lejn il-​Missier kif ukoll lejn Ġesù. (Efes. 5:1, 2) L-​appostlu Pawlu inkuraġġiena biex ‘nimitaw lilu, bħalma hu imita lil Kristu.’ (1 Kor. 11:1) Xi privileġġ mill-​isbaħ għandna li ngħinu lin-​nies isiru jafu lil Ġeħova bil-​mod kif inġibu ruħna! Jalla lkoll kemm aħna nkomplu nimitaw lil Ġesù billi nirrivelaw min hu l-​Missier lil oħrajn.

[Mistoqsijiet ta’ Studju]