Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żomm Ħarsa Pożittiva Meta Tiffaċċja Problemi fiż-Żwieġ

Żomm Ħarsa Pożittiva Meta Tiffaċċja Problemi fiż-Żwieġ

“Lill-​miżżewġin nagħtihom l-​istruzzjoni, madankollu mhux jien imma l-​Mulej.”—1 KOR. 7:10.

TISTAʼ TISPJEGA?

Alla f’liema sens jgħaqqad flimkien lill-​koppji miżżewġin?

L-​anzjani kif jistgħu jgħinu lill-​Kristjani li għandhom il-​problemi fiż-​żwieġ?

Kif għandna nħarsu lejn iż-​żwieġ?

1. Il-​Kristjani kif iqisuh iż-​żwieġ, u għala?

 META l-​Kristjani jiżżewġu, jagħmlu wegħda quddiem Alla—responsabbiltà li m’għandhiex tittieħed ħafif ħafif. (Ekk. 5:4-​6) Ġeħova hu l-​Ħallieq taż-​żwieġ, u għalhekk hu “għaqqad flimkien” lill-​koppji miżżewġin. (Mk. 10:9) Koppji miżżewġin huma magħqudin flimkien ikunu xi jkunu l-​liġijiet tal-​pajjiż. Qaddejja taʼ Ġeħova għandhom iħarsu lejn iż-​żwieġ bħala arranġament li jgħaqqad b’mod permanenti, kemm jekk kienu l-​aduraturi tiegħu meta żżewġu u kemm jekk le.

2. Liema mistoqsijiet se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

2 Żwieġ taʼ suċċess jistaʼ jwassal għal ferħ kbir. Imma x’nistgħu nagħmlu jekk m’aħniex ferħanin fiż-​żwieġ tagħna? Jistaʼ jissaħħaħ żwieġ bħal dan? X’għajnuna hemm disponibbli għal dawk il-​koppji li m’għandhomx paċi fiż-​żwieġ tagħhom?

SE JKUN TAʼ FERĦ JEW TAʼ QSIM IL-​QALB?

3, 4. X’jistaʼ jiġri jekk nieħdu deċiżjoni mhix għaqlija meta niġu biex nagħżlu sieħeb jew sieħba fiż-​żwieġ?

3 Meta żwieġ taʼ Kristjan jirnexxi, dan ikun sors taʼ ferħ u jonora lil Ġeħova. Imma jekk żwieġ ma jirnexxix jistaʼ jikkaġuna ħafna iktar minn niket profond. Kristjan mhux miżżewweġ li jsegwi l-​gwida t’Alla se jkun jistaʼ jibda ż-​żwieġ bl-​aħjar mod. Min-​naħa l-​oħra, individwu li jieħu deċiżjoni mhix għaqlija meta jiġi biex jagħżel sieħeb jew sieħba jistaʼ jħossu frustrat u mnikket. Pereżempju, żagħżugħ u żagħżugħa jibdew joħorġu flimkien meta jkunu għadhom mhux lesti għar-​responsabbiltajiet tal-​ħajja miżżewġa. Oħrajn isibu sieħeb jew sieħba fuq l-​Internet, jiżżewġu malajr, u ma jdumux ma jsibu ruħhom fi żwieġ bla ferħ. Jerġaʼ oħrajn jikkommettu dnub serju waqt l-​għerusija, jiżżewġu xorta waħda, u jibdew il-​ħajja miżżewġa bi ftit li xejn rispett lejn xulxin.

4 Xi Kristjani ma jiżżewġux “biss fil-​Mulej” u mbagħad ibatu l-​konsegwenzi li spiss ikunu taʼ wġigħ għax is-​sieħeb jew is-​sieħba tagħhom mhijiex qaddejja taʼ Ġeħova. (1 Kor. 7:39) Jekk tinsab f’din is-​sitwazzjoni, itlob għall-​maħfra u l-​għajnuna t’Alla. Hu ma jneħħix id-​diffikultajiet li ġew minħabba żbalji li ħadt fil-​passat, imma jekk tkun niedem, Ġeħova jistaʼ jgħinek tissaporti. (Salm 130:1-​4) Għalhekk, agħmel l-​almu tiegħek biex togħġob lil Alla issa u għal dejjem, u “l-​ferħ taʼ Ġeħova” se jsaħħek.—Neħ. 8:10.

META ŻWIEĠ IKUN F’PERIKLU

5. X’tip taʼ ħsib għandu jiġi evitat fi żwieġ mhux hieni?

5 Dawk li jesperjenzaw qsim il-​qalb fiż-​żwieġ tagħhom għandhom mnejn jaħsbu: ‘Tassew irrid insalvah iż-​żwieġ tiegħi? Forsi nkun iktar ferħana jekk niżżewweġ lil xi ħaddieħor!’ Forsi joħolmu dwar li jitilqu lis-​sieħeb tagħhom u jaħsbu: ‘Mhux li kien neħles minnu! Tgħid inġib divorzju? Anke jekk ma nistax inġib divorzju Skritturali, nistaʼ nissepara minn mar-​raġel u nerġaʼ nibda ngawdi ħajti.’ Il-​Kristjani għandhom jagħmlu l-​aħjar tagħhom fis-​sitwazzjoni li jinsabu fiha u jsegwu l-​gwida t’Alla minflok ma joqogħdu jaħsbu b’dan il-​mod u joħolmu dwar kemm setgħet kienet differenti ħajjithom.

6. Xi jfisser kliem Ġesù f’​Mattew 19:9?

6 Kieku Kristjan kellu jġib divorzju jistaʼ jkun li ma jkunx ħieles skont l-​Iskrittura biex jerġaʼ jiżżewweġ. Ġesù qal: “Kulmin jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba ż-​żína, u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju.” (Mt. 19:9) Hawnhekk, il-​kelma “żína” tinkludi adulterju u dnubiet sesswali serji oħrajn. Hu vitali li Kristjan jitlob lil Alla għall-​gwida jekk qed jaħseb dwar li jġib divorzju meta la hu u lanqas martu ma tkun ikkommettiet iż-​żína.

7. X’jistgħu jaħsbu xi nies jekk ifalli ż-​żwieġ taʼ żewġ Kristjani?

7 Meta żwieġ ifalli, dan jistaʼ juri li r-​relazzjoni tal-​persuna m’Alla hi dgħajfa. L-​appostlu Pawlu qajjem din il-​mistoqsija serja: “Jekk raġel ma jafx jippresiedi fuq dawk taʼ daru stess, kif se jieħu ħsieb il-​kongregazzjoni t’Alla?” (1 Tim. 3:5) Infatti, meta ż-​żewġ imseħbin jgħidu li huma Kristjani u ż-​żwieġ tagħhom ifalli, xi nies jistgħu jaħsbu li l-​koppja tgħid ħaġa imma tagħmel oħra.—Rum. 2:21-​24.

8. X’bilfors li hemm ħażin jekk koppja Kristjana tiddeċiedi li tissepara jew tiddivorzja?

8 Meta mseħbin fiż-​żwieġ li huma mgħammdin jippjanaw li jisseparaw jew jiddivorzjaw għal raġunijiet mhux Skritturali, bilfors li jkun hemm xi ħaġa ħażina spiritwalment f’ħajjithom. Jistaʼ jkun li jew waħda minnhom jew it-​tnejn li huma ma jkunux qed japplikaw il-​prinċipji Bibliċi. Jekk it-​tnejn ‘jafdaw f’Ġeħova b’qalbhom kollha’ għandhom ikunu kapaċi jsalvaw iż-​żwieġ tagħhom.—Aqra Proverbji 3:5, 6.

9. Xi Kristjani kif ġew premjati talli baqgħu mas-​sieħeb jew mas-​sieħba tagħhom?

9 Ħafna żwiġijiet li donnhom kienu se jfallu, maż-​żmien urew li rnexxew ħafna. Kristjani li ma jaqtgħux qalbhom malajr minn żwieġ diffiċli spiss jiġu premjati. Ikkunsidra x’jistaʼ jiġri meta r-​raġel ma jkunx tal-​istess twemmin. L-​appostlu Pietru kiteb: “Intom in-​nisa, kunu sottomessi lejn żwieġkom, sabiex, jekk xi wħud ma jkunux ubbidjenti lejn il-​kelma, dawn jintrebħu mingħajr ebda kelma permezz tal-​kondotta tan-​nisa tagħhom, għax ikunu raw b’għajnejhom stess il-​kondotta safja tagħkom flimkien mar-​rispett profond.” (1 Pt. 3:1, 2) Iva, minħabba l-​kondotta mill-​aħjar taʼ martu, raġel li ma jkunx tal-​istess twemmin jistaʼ jaċċetta l-​verità! Kristjani li jsalvaw iż-​żwieġ tagħhom jonoraw lil Alla, u b’hekk jitbierku r-​raġel, il-​mara, u t-​tfal li jistaʼ jkollhom.

10, 11. Liema problemi mhux mistennijin jistgħu jinqalgħu fi żwieġ, imma Kristjan dwar xiex jistaʼ jkun ċert?

10 Meta jiżżewġu, il-​maġġoranza tal-​Kristjani jagħżlu Kristjan mgħammed ieħor biex ikun is-​sieħeb tagħhom għax iridu jogħġbu lil Ġeħova. Anke meta jagħmlu hekk, iċ-​ċirkustanzi jistgħu jinbidlu b’tali mod li ma stennewx. Pereżempju, raġel jew mara miżżewġa jistaʼ jibda jkollha problemi emozzjonali serji. Jew sieħeb jistaʼ jieqaf jipprietka u jsir pubblikatur inattiv. Ġrat xi ħaġa simili lil Linda, a pubblikatriċi żeluża u omm kollha mħabba. Ma setgħetx temmen hekk kif żewġha beda jagħmel affarijiet ħżiena. Peress li ma nidimx minn dak li għamel, kellu jiġi maqtugħ mis-​sħubija. Kristjani li jinsabu f’sitwazzjonijiet simili għandhom mnejn iħossu li ż-​żwieġ tagħhom hu bla tama. X’għandhom jagħmlu?

11 Għandek mnejn tistaqsi: ‘Bilfors irrid nibqaʼ nipprova nsalva ż-​żwieġ tiegħi, jiġri x’jiġri?’ Ħadd ma jistaʼ, jew m’għandu, jieħu deċiżjoni bħal din għalik. Però, hemm raġunijiet tajbin għala m’għandekx taqtaʼ qalbek minn żwieġ li jkun jidher bla tama. Il-​Kristjani li jissaportu żwieġ diffiċli, għax il-​kuxjenza tagħhom ma tħallihomx jitilqu lil żewġhom, huma prezzjużi ferm għal Alla. (Aqra l-1 Pietru 2:19, 20.) Permezz tal-​Kelma u tal-​ispirtu tiegħu, Ġeħova se jgħin lill-​Kristjani jekk jagħmlu kulma jistgħu biex isaħħu ż-​żwieġ tagħhom.

HUMA LESTI JGĦINUK

12. L-​anzjani kif se jħarsu lejna jekk infittxu l-​għajnuna tagħhom?

12 Jekk għandek il-​problemi fiż-​żwieġ, iżżommx lura milli tfittex l-​għajnuna spiritwali taʼ Kristjani maturi. L-​anzjani jaqdu bħala rgħajja tal-​merħla u se jkunu ferħanin juruk il-​pariri t’Alla fl-​Iskrittura. (Atti 20:28; Ġak. 5:14, 15) Taqbadx u tikkonkludi li int u martek se titilfu r-​rispett tal-​anzjani jekk tfittxu l-​għajnuna spiritwali tagħhom u tiddiskutu xi problema serja taż-​żwieġ magħhom. Huma se jħobbukom u jirrispettawkom saħansitra iktar għax jaraw li verament tridu togħġbu lil Alla.

13. Liema parir insibu fl-​1 Korintin 7:10-​16?

13 Meta Kristjan li hu miżżewweġ lil xi ħadd li mhux tal-​istess twemmin jitlob l-​għajnuna tal-​anzjani, dawn jistgħu jużaw il-​parir taʼ Pawlu: “Lill-​miżżewġin nagħtihom l-​istruzzjoni, madankollu mhux jien imma l-​Mulej, li l-​mara m’għandhiex tinfired minn żewġha; imma jekk tinfired, ħa tibqaʼ ma tiżżewwiġx, inkella terġaʼ tirranġa maʼ żewġha; u r-​raġel m’għandux jitlaq lil martu. . . . Għax, mara, kif taf jekk issalvax lil żewġek? Jew, raġel, kif taf jekk issalvax lil martek?” (1 Kor. 7:10-​16) X’barka tkun meta sieħeb li mhux tal-​istess twemmin isir qaddej taʼ Ġeħova!

14, 15. (a) Kristjana meta tistaʼ tibda taħseb dwar li tinfired minn żewġha? (b) Għala hu importanti li Kristjana titlob dwar il-​kwistjoni u teżamina s-​sentimenti tagħha bl-​onestà?

14 F’liema ċirkustanzi mara Kristjana għandha mnejn “tinfired” minn żewġha? Xi wħud għażlu li jisseparaw għal dawn ir-​raġunijiet serji: is-​sieħeb jirrifjuta li jipprovdi għall-​familja materjalment sal-​punt li l-​familja titħalla mingħajr flus jew ikel, ikun hemm abbuż fiżiku gravi sal-​punt li l-​mara tħoss li ħajjitha qiegħda fil-​periklu, jew jekk l-​azzjonijiet tas-​sieħeb qed jagħmluha impossibbli biex il-​Kristjana taqdi lil Alla.

15 Li tibqaʼ jew ma tibqax maʼ żewġek jew martek hi deċiżjoni persunali. Imma Kristjana għandha titlob dwar il-​kwistjoni u teżamina s-​sentimenti tagħha bl-​onestà. Pereżempju, hu l-​wieħed li mhux tal-​istess twemmin l-​uniku individwu li qed iwaqqaf lill-​Kristjana milli taqdi lil Ġeħova? Jew hi l-​Kristjana wkoll responsabbli b’xi mod talli mhix regulari fl-​istudju tal-​Bibbja persunali, fl-​attendenza għal-​laqgħat, u fl-​ippritkar?

16. X’għandu jżomm lill-​Kristjani milli jieħdu deċiżjonijiet taʼ malajr rigward id-​divorzju?

16 Il-​fatt li ngħożżu r-​relazzjoni tagħna m’Alla u li napprezzaw l-​għotja tiegħu taż-​żwieġ għandu jżommna milli nieħdu deċiżjonijiet taʼ malajr rigward id-​divorzju. Bħala qaddejja taʼ Ġeħova, aħna konċernati dwar it-​taqdis tal-​isem qaddis tiegħu. Għalhekk, żgur li qatt ma rridu nittradixxu lil seħibna fiż-​żwieġ u nippjanaw li nitilquh ħalli niżżewġu lil ħaddieħor.—Ġer. 17:9; Mal. 2:13-​16.

17. F’liema ċirkustanzi jistaʼ jingħad li Alla sejjaħ lil Kristjani miżżewġin għall-​paċi?

17 Kristjani li huma miżżewġin lil xi ħadd mhux tal-​istess twemmin għandhom jagħmlu kulma jistgħu biex iżommu ż-​żwieġ b’saħħtu. Imma m’għandhomx għalfejn iħossuhom ħatjin jekk, minkejja l-​isforzi sinċieri tagħhom biex isalvaw iż-​żwieġ, seħibhom li mhuwiex tal-​istess twemmin jirrifjuta li jibqaʼ magħhom. Pawlu kiteb: “Jekk dak li ma jemminx ikun irid jinfired, ħa jinfired; il-​ħu jew l-​oħt m’hijiex fil-​jasar f’dawn iċ-​ċirkustanzi, imma Alla sejħilkom għall-​paċi.”—1 Kor. 7:15. b

ITTAMA F’ĠEĦOVA

18. Anke jekk ma jkunx possibbli li ssalva ż-​żwieġ, x’ġid jistaʼ joħroġ mill-​isforzi biex tipprova ssalvah?

18 Meta jkollna problema fiż-​żwieġ tagħna, għandna nitolbu għall-​kuraġġ u dejjem nittamaw f’Ġeħova. (Aqra Salm 27:14.) Ikkunsidra lil Linda, li ssemmiet qabel. Eventwalment, iż-​żwieġ tagħha spiċċa f’divorzju, avolja kienet qattgħet snin sħaħ tagħmel sforz biex tipprova ssalvah. Tħossha hi li ħliet il-​ħin tagħha? “Lanqas xejn,” tgħid hi. “L-​isforzi tiegħi taw xhieda tajba lil oħrajn. Għandi kuxjenza nadifa. U l-​aħjar ħaġa kienet li dawk is-​snin għenu lit-​tifla tagħna tibqaʼ soda fil-​verità. Saret Xhud dedikata u żeluża taʼ Ġeħova.”

19. X’jistaʼ jiġri jekk nagħmlu sforzi biex insalvaw iż-​żwieġ tagħna?

19 Mara Kristjana jisimha Marilyn hi ferħana li fdat f’Alla u li għamlet sforz iktar min-​normal biex issalva ż-​żwieġ tagħha. Hi tgħid: “Kont imħajra nissepara minn maʼ żewġi minħabba li ma pprovdilix materjalment u għax poġġa r-​relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova fil-​periklu. Fil-​passat, żewġi kien qeda bħala anzjan imma sar involut f’xi attivitajiet tan-​negozju mhux għaqlin, beda jitlef il-​laqgħat, u waqafna nikkomunikaw. Attakk terroristiku fil-​belt tagħna tant beżżagħni li dħalt f’qoxorti. Imbagħad irrealizzajt li jien ukoll kelli tort. Erġajna bdejna nikkomunikaw, erġajna qbadna l-​istudju tal-​familja, u bdejna nattendu l-​laqgħat b’mod regulari. L-​anzjani kienu qalbhom tajba u t’għajnuna kbira. Iż-​żwieġ tagħna reġaʼ ħa r-​ruħ. Maż-​żmien, ir-​raġel reġaʼ kkwalifika għal xi privileġġi fil-​kongregazzjoni. Kienet lezzjoni iebsa, imma kellha riżultati tajbin.”

20, 21. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu rigward iż-​żwieġ?

20 Kemm jekk aħna miżżewġin u kemm jekk le, ejja dejjem naġixxu b’kuraġġ u nittamaw f’Ġeħova. Jekk qed inħabbtu wiċċna maʼ diffikultajiet fiż-​żwieġ għandna nagħmlu kulma nistgħu biex insolvuhom. Għandna niftakru li dawk magħqudin fiż-​żwieġ “m’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed.” (Mt. 19:6) U jekk nibqgħu maʼ sieħeb li mhux tal-​istess twemmin avolja jkun hemm id-​diffikultajiet, jistaʼ jkollna l-​ferħ li narawh jibda jaqdi lil Ġeħova.

21 Ikunu xi jkunu ċ-​ċirkustanzi tagħna, ejja nkunu determinati li dejjem naġixxu b’tali mod li jagħti xhieda tajba lil dawk li mhumiex membri tal-​kongregazzjoni. Jekk għandna problemi serji ħafna fiż-​żwieġ tagħna u nħossu li rridu nitilqu lir-​raġel jew lill-​mara, għandna b’onestà neżaminaw il-​motivi tagħna. Ukoll, għandna nitolbu mill-​qalb, nimmeditaw fuq l-​Iskrittura, u nitolbu l-​għajnuna tal-​anzjani. Imma l-​iktar importanti, għandna nkunu determinati li nogħġbu lil Alla Ġeħova f’kulma nagħmlu u nuru apprezzament u rispett veru għall-​għotja mill-​isbaħ tiegħu taż-​żwieġ.

[Noti ta’ taħt]

a L-​ismijiet ġew mibdulin.

b Ara l-​ktieb “Żommu Ruħkom fl-​Imħabba t’Alla,” paġni 219-​221; It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Frar, 1989, paġni 12-​14; u t-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​15 taʼ Settembru, 1975, paġni 575.

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Kumment f’paġna 10]

Kristjani li ma jaqtgħux qalbhom malajr minn żwieġ diffiċli spiss jiġu premjati

[Kumment f’paġna 12]

Dejjem ittama f’Ġeħova u itolbu għall-​kuraġġ

[Stampa f’paġna 9]

Ġeħova jbierek lill-​koppji Kristjani li jagħmlu kulma jistgħu biex isaħħu ż-​żwieġ diffiċli tagħhom

[Stampa f’paġna 11]

Il-​kongregazzjoni Kristjana tistaʼ tkun sors taʼ faraġ u t’għajnuna spiritwali