Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Afda f’Ġeħova l-Alla taż-“Żminijiet u l-Istaġuni”

Afda f’Ġeħova l-Alla taż-“Żminijiet u l-Istaġuni”

“Hu qed ibiddel iż-​żminijiet u l-​istaġuni, ineħħi slaten u jqiegħed slaten.”​—DAN. 2:21.

INT KIF TWIEĠEB?

Il-​ħolqien u l-​profeziji mwettqin, kif juru li Ġeħova hu l-​Wieħed il-​Kbir li Jistabbilixxi ż-​Żmien?

Jekk napprezzaw il-​fatt li Ġeħova hu l-​Alla taż-​“żminijiet u l-​istaġuni,” x’se niġu mqanqlin nagħmlu?

Jagħmlu x’jagħmlu l-​bnedmin, Ġeħova għala m’għandux għalfejn ibiddel il-​ħin li għażel biex iwettaq l-​iskop tiegħu?

1, 2. Għala nistgħu ngħidu li Ġeħova jifhem bis-​sħiħ x’inhu ż-​żmien?

 ĦAFNA qabel ma Alla Ġeħova ħalaq lill-​bniedem, hu għamilha possibbli li jitkejjel iż-​żmien. Fir-​rabaʼ jum tal-​ħolqien, Alla qal: “Ħa jkun hemm dawwaliet fil-​firxa tas-​smewwiet biex jifirdu n-​nhar mil-​lejl; u dawn għandhom iservu bħala sinjali, kif ukoll iservu għall-​istaġuni, għall-​jiem, u għas-​snin.” (Ġen. 1:14, 19, 26) Bla dubju taʼ xejn, kollox seħħ eżatt skont ir-​rieda taʼ Ġeħova.

2 Ix-​xjenzati għadhom ma jistgħux jispjegaw eżattament x’inhu tassew iż-​żmien. Enċiklopedija tgħid: “Ħadd ma jistaʼ jgħid eżattament x’inhu.” Madankollu, Ġeħova jifhem bis-​sħiħ x’inhu ż-​żmien. Wara kollox, hu “l-​Ħallieq tas-​smewwiet, . . . Dak li sawwar l-​art u li għamilha.” Ġeħova hu wkoll il-​Wieħed ‘li mill-​bidu jgħid it-​tmiem, u minn żmien twil ilu l-​affarijiet li ma sarux.’ (Is. 45:18; 46:10) Issa se niddiskutu żewġ affarijiet li se jsaħħulna l-​fidi tagħna f’Ġeħova u fil-​Bibbja. Dawn se jagħtu prova li Ġeħova hu l-​Wieħed il-​Kbir li Jistabbilixxi ż-​Żmien, jiġifieri, li hu dejjem iwettaq l-​iskop tiegħu fiż-​żmien magħżul minnu. Dawn iż-​żewġ affarijiet huma (1) il-​ħolqien u (2) il-​profeziji mwettqin.

IL-​ĦOLQIEN ISAĦĦAĦ IL-​FIDI

3. X’inhuma xi eżempji taʼ affarijiet li huma tassew preċiżi fiż-​żmien u l-​ħin tagħhom?

3 Ħafna mill-​affarijiet li ħalaq Ġeħova, kemm kbar u kemm żgħar, huma tassew preċiżi fiż-​żmien u l-​ħin tagħhom. Pereżempju, l-​atomi jivvibraw b’ritmu li ma jinbidel qatt. Arloġġi speċjali li jaħdmu bl-​atomi biex iżommu l-​ħin ma jfallux b’sekonda waħda saħansitra fi 80 miljun sena. Il-​pjaneti u l-​kwiekeb jiċċaqalqu b’tali mod li aħna nistgħu nkunu nafu bil-​quddiem il-​pożizzjoni eżatta tagħhom fis-​smewwiet. Dawn il-​pożizzjonijiet għenu lil ħafna nies biex isiru jafu l-​istaġuni u biex isibu d-​direzzjoni t-​tajba meta jkunu qed jivvjaġġaw. Ladarba Ġeħova għamel kemm l-​atomi u kemm il-​kwiekeb, hu għandu “qawwa enerġetika,” u għalhekk jistħoqqlu t-​tifħir tagħna.—Aqra Isaija 40:26.

4. Il-​fatt li l-​affarijiet ħajjin huma kontrollati miż-​żmien u mill-​ħin, kif jagħti prova li Ġeħova hu għaref?

4 L-​affarijiet ħajjin huma kontrollati miż-​żmien u mill-​ħin. Ħafna pjanti u annimali jidhru li huma mmexxijin minn arloġġ bijoloġiku ġewwa fihom. Huwa proprju għalhekk li ħafna għasafar bl-​istint tagħhom jafu meta għandhom jemigraw. (Ġer. 8:7) Il-​bnedmin ukoll huma kontrollati miż-​żmien u mill-​ħin. Pereżempju, ġisimna jgħidilna meta jkun filgħodu u meta jkun billejl. Jekk nivvjaġġaw bl-​ajruplan lejn parti oħra tad-​dinja fejn il-​ħin hu ferm differenti, ġisimna għandu mnejn ikollu bżonn xi ftit ġranet biex jidra l-​ħin il-​ġdid. Għalhekk, fil-​ħolqien taʼ Ġeħova hemm ħafna eżempji li jagħtu prova tal-​qawwa u l-​għerf li għandu l-​Alla taż-​“żminijiet u l-​istaġuni.” (Aqra Salm 104:24.) U peress li Ġeħova għandu għerf u qawwa bla tarf, nistgħu nkunu fiduċjużi li hu kapaċi jwettaq l-​iskop tiegħu!

PROFEZIJI MWETTQIN FIL-​ĦIN ISAĦĦULNA L-​FIDI

5. (a) Liema hu l-​uniku mod kif aħna nistgħu nsiru nafu l-​futur tal-​bniedem? (b) Ġeħova għala jistaʼ jgħidilna minn qabel x’se jiġri u meta?

5 Il-​ħolqien taʼ Ġeħova jgħallimna ħafna dwar “il-​kwalitajiet inviżibbli” tiegħu, iżda ma jwiġbilniex mistoqsijiet importanti bħal, X’se jkun il-​futur tal-​bniedem? (Rum. 1:20) L-​uniku mod kif nistgħu nsibu t-​tweġiba għal din il-​mistoqsija hu billi nistudjaw dak li jgħid Alla fil-​Bibbja. Meta nagħmlu dan se nsibu li hemm ħafna profeziji li twettqu eżatt fil-​ħin! Ġeħova jistaʼ jgħidilna minn qabel dak li se jiġri għax hu jaf il-​futur. Iktar minn hekk, il-​profeziji tal-​Bibbja dejjem twettqu fil-​ħin stabbilit għax Ġeħova jistaʼ jagħmel li l-​affarijiet iseħħu skont l-​iskop tiegħu u fiż-​żmien u l-​ħin magħżulin minnu.

6. Kif nafu li Ġeħova jridna nifhmu t-​twettiq tal-​profeziji tal-​Bibbja?

6 Alla ma jqisx il-​ħin u ż-​żmien bħalma nqisuhom aħna. Minkejja dan, meta jgħidilna li se tiġri xi ħaġa fi żmien partikulari, hu juża lingwaġġ li nistgħu nifhmuh. (Aqra Salm 90:4.) Pereżempju, il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jsemmi “erbaʼ anġli” li “tħejjew għas-​siegħa u l-​jum u x-​xahar u s-​sena.” Bħala umani, aħna nistgħu nifhmu x’inhi siegħa, jum, xahar, u sena. (Riv. 9:14, 15) Meta nifhmu li l-​profeziji twettqu eżatt fil-​ħin u ż-​żmien li Alla qal li se jitwettqu, il-​fidi tagħna fih bħala l-​Alla taż-​“żminijiet u l-​istaġuni” tissaħħaħ. Il-​fidi tagħna fil-​Bibbja wkoll tissaħħaħ. Issa ejja nikkunsidraw xi ftit eżempji.

7. It-​twettiq tal-​profezija taʼ Ġeremija dwar Ġerusalemm u Ġuda, kif juri li Ġeħova hu l-​Wieħed il-​Kbir li Jistabbilixxi ż-​Żmien?

7 L-​ewwel, ejja nikkunsidraw x’ġara fis-​sebaʼ seklu Q.E.K. “Fir-​rabaʼ sena taʼ Ġeħojakim bin Ġosija, is-​sultan taʼ Ġuda,” il-​kelma tal-​Wieħed il-​Kbir li Jistabbilixxi ż-​Żmien “ġiet għand Ġeremija dwar il-​poplu kollu taʼ Ġuda.” (Ġer. 25:1) Ġeħova bassar li l-​Babiloniżi kellhom jeqirdu lil Ġerusalemm u jieħdu lil-​Lhud mill-​art taʼ Ġuda lejn Babilonja. Hemmhekk, il-​Lhud kienu se “jaqdu lis-​sultan taʼ Babilonja għal sebgħin sena.” Fis-​sena 607 Q.E.K., l-​armati Babiloniżi qerdu lil Ġerusalemm u ħadu lil-​Lhud mill-​art taʼ Ġuda lejn Babilonja. Imma Ġeħova x’qal li se jseħħ fl-​aħħar tas-​70 sena? Ġeremija pprofetizza: “Għax hekk qal Ġeħova, ‘Meta jgħaddu s-​sebgħin sena f’Babilonja, nitfaʼ l-​attenzjoni tiegħi fuqkom, u nwettaq il-​kelma t-​tajba li għedt dwarkom billi nġibkom lura f’dan il-​post.’” (Ġer. 25:11, 12; 29:10) Din il-​profezija twettqet eżatt fil-​ħin—fis-​sena 537 Q.E.K. wara li l-​Medi u l-​Persjani ħelsu lil-​Lhud minn Babilonja.

8, 9. Il-​profeziji taʼ Danjel, kif juru li Ġeħova hu l-​Alla taż-​“żminijiet u l-​istaġuni”?

8 Ejja nikkunsidraw profezija oħra li tinvolvi lill-​poplu t’Alla tal-​qedem. Xi sentejn qabel ma l-​Lhud telqu minn Babilonja, Alla bassar permezz tal-​profeta Danjel li l-​Messija kellu jidher 483 sena wara li kellha tingħata l-​ordni biex terġaʼ tinbena Ġerusalemm. Is-​sultan Medo-​Persjan ta din l-​ordni fis-​sena 455 Q.E.K. Eżatt 483  sena wara—fis-​sena 29 E.K.—Ġesù taʼ Nazaret ġie midluk bl-​ispirtu qaddis fil-​magħmudija tiegħu, u b’hekk sar il-​Messija. aNeħ. 2:1, 5-​8; Dan. 9:24, 25; Lq. 3:1, 2, 21, 22.

9 Issa aħseb ftit dwar dak li pprofetizzat il-​Bibbja dwar is-​Saltna t’Alla. Il-​Bibbja wriet li Kristu kellu jsir Sultan fis-​sema fl-​1914. Pereżempju, il-​Bibbja tat “is-​sinjal” tal-​preżenza taʼ Ġesù u qalet li f’dak iż-​żmien kellu jkun hemm ħafna inkwiet fuq l-​art għax Satana kellu jitwaddab ’l isfel mis-​sema. (Mt. 24:3-​14; Riv. 12:9, 12) Iktar minn hekk, il-​profezija tal-​Bibbja rreferiet għaż-​żmien eżatt—l-​1914—meta kellhom “jitwettqu ż-​żminijiet stabbiliti tal-​ġnus” u l-​ħakma tas-​Saltna kellha tibda fis-​sema.—Lq. 21:24; Dan. 4:10-​17. b

10. Liema ġrajjiet żgur li se jseħħu fil-​ħin u fil-​waqt?

10 Dalwaqt se tiġi t-​“tribulazzjoni kbira” li kienet profetizzata minn Ġesù. Wara dan, Ġesù se jaħkem għal elf sena. Nistgħu nibqgħu ċerti li dawn il-​ġrajjiet kollha se jseħħu eżatt fil-​ħin u fil-​waqt. Meta Ġesù kien fuq l-​art, Ġeħova kien diġà għażel “il-​jum u s-​siegħa” li fihom dawn il-​ġrajjiet kellhom iseħħu.—Mt. 24:21, 36; Riv. 20:6.

“UŻAW IL-​ĦIN BL-​AĦJAR MOD”

11. Jekk tassew nemmnu li qed ngħixu fi żmien it-​tmiem, x’għandna nagħmlu?

11 Peress li nafu li Kristu sar Sultan u li aħna qed ngħixu fi “żmien it-​tmiem,” x’għandna nagħmlu? (Dan. 12:4) Ħafna nies qed jindunaw li l-​problemi fid-​dinja sejrin mill-​ħażin għall-​agħar, imma mhumiex jifhmu li dan hu proprju dak li bassret il-​Bibbja dwar l-​aħħar żminijiet. Xi wħud qed jaħsbu li dalwaqt se nitilfu l-​kontroll tas-​sitwazzjoni. Oħrajn qed jaħsbu li l-​bniedem se jġib “paċi u sigurtà.” (1 Tess. 5:3) Iżda xi ngħidu għalina? Tassew nemmnu li qed ngħixu qrib ferm it-​tmiem tad-​dinja taʼ Satana? Jekk iva, aħna se nużaw il-​ħin tagħna biex naqdu lil Ġeħova u biex ngħinu lil oħrajn isiru jafuh. (2 Tim. 3:1) Għandna nużaw il-​ħin bl-​aħjar mod, jiġifieri, nieħdu deċiżjonijiet għaqlin dwar kif nużaw il-​ħin tagħna.—Aqra Efesin 5:15-​17.

12. X’nistgħu nitgħallmu mill-​kliem li qal Ġesù dwar żmien Noè?

12 Li ‘nużaw il-​ħin bl-​aħjar mod’ mhuwiex faċli f’din id-​dinja mimlija distrazzjonijiet. Ġesù wissiena: “Bħalma kienu jiem Noè, hekk tkun il-​preżenza taʼ Bin il-​bniedem.” Kif kienu jiem Noè? Alla kien qal lil Noè li d-​dinja taʼ dak iż-​żmien kellha tispiċċa. F’dak iż-​żmien, in-​nies mill-​agħar kellhom jiġu mgħarrqin fl-​ilmijiet taʼ dilluvju globali. Bħala “predikatur tal-​ġustizzja,” Noè ddikjara lealment il-​messaġġ t’Alla lin-​nies taʼ żmienu. (Mt. 24:37; 2 Pt. 2:5) Iżda huma kienu qed “jieklu u jixorbu, irġiel jiżżewġu u nisa jingħataw fiż-​żwieġ, . . . u ma tawx kas sakemm ġie d-​dilluvju u kinishom ilkoll.” Kien proprju għalhekk li Ġesù wissiena: “Uru li intom lesti, . . . għax f’siegħa li ma tistennewhiex ġej Bin il-​bniedem.” (Mt. 24:38, 39, 44) Aħna rridu nkunu bħal Noè u mhux bħan-​nies li kienu jgħixu fi żmienu. X’se jgħinna biex nuru li aħna lesti?

13, 14. Waqt li qed nistennew il-​miġja taʼ Bin il-​bniedem, x’għandna niftakru dwar Ġeħova li se jgħinna naqduh lealment?

13 Għalkemm Bin il-​bniedem ġej f’siegħa li ma nistennewhiex, għandna bżonn inżommu f’moħħna li Ġeħova dejjem iwettaq il-​wegħdi tiegħu fil-​ħin magħżul minnu. Minkejja dak li għandu mnejn jiġri fid-​dinja jew x’għandhom f’moħħhom li jagħmlu l-​bnedmin, Ġeħova jistaʼ jiddeċiedi meta se jiġru l-​affarijiet u x’se jkun ir-​riżultat tagħhom. (Aqra Danjel 2:21.) Fil-​fatt, Proverbji 21:1 jgħidilna: “Il-​qalb taʼ sultan hi bħal nixxigħat taʼ ilma f’id Ġeħova. Idawwarha kulfejn jogħġbu.”

14 Ġeħova jistaʼ jikkontrolla l-​ġrajjiet sabiex iwettaq l-​iskop tiegħu f’waqtu. Ħafna mill-​bidliet sinifikanti li qed iseħħu fid-​dinja qed iwettqu profezija, b’mod speċjali dik li tgħid li l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla trid tiġi pritkata mad-​dinja kollha. Aħseb ftit dwar dak li ġara wara waqgħa tal-​Unjoni Sovjetika. Ftit kienu dawk in-​nies li stennew li bidla drastika bħal din fil-​gvern setgħet tiġri daqshekk ħabta u sabta. Iżda, b’riżultat taʼ dawn il-​bidliet, l-​aħbar tajba issa qed tiġi pritkata f’ħafna pajjiżi fejn ix-​xogħol tal-​ippritkar qabel kien projbit. Għalhekk, ejja nkunu ċerti li qed nużaw il-​ħin bl-​aħjar mod biex inkomplu naqdu lealment lil Ġeħova, l-​Alla taż-​“żminijiet u l-​istaġuni.”

KUNU FIDUĊJUŻI LI ĠEĦOVA SE JWETTAQ L-​ISKOP TIEGĦU FIŻ-​ŻMIEN XIERAQ

15. Kif nistgħu nuru l-​fidi meta l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova tagħmel xi tibdiliet?

15 Sabiex inkomplu nipperseveraw fix-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna f’dan iż-​żmien tat-​tmiem, jeħtieġ li nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jwettaq l-​iskop tiegħu f’waqtu. Peress li x-​xena taʼ din id-​dinja qed tkompli tinbidel, kultant għandu mnejn ikollna bżonn nagħmlu xi tibdiliet fil-​mod kif nippritkaw. Għandu mnejn li l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova kultant tagħmel tibdiliet sabiex tgħinna nippritkaw l-​aħbar tajba bl-​iktar mod effettiv. Billi nikkooperaw bis-​sħiħ maʼ tibdiliet bħal dawn, filwaqt li nkomplu naqdu lealment lil Ġesù bħala “l-​kap tal-​kongregazzjoni,” se nkunu qed nuru l-​fidi fl-​Alla taż-​“żminijiet u l-​istaġuni.”—Efes. 5:23.

16. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jagħtina l-​għajnuna f’waqtha?

16 Ġeħova jridna nitolbu lilu fi kwalunkwe ħin u b’fidi sħiħa li hu se jagħtina l-​“għajnuna f’waqtha.” (Ebr. 4:16) Ma jurix dan kemm iħobbna u kemm jimpurtah minna bħala individwi? (Mt. 6:8; 10:29-​31) Meta nitolbu regolarment għall-​għajnuna tiegħu u mbagħad naġixxu fi qbil mat-​talb tagħna u mad-​direzzjoni li jagħtina Alla Ġeħova, inkunu qed nuru li għandna l-​fidi fih! Iktar minn hekk, ma ninsewx nitolbu għal sħabna fit-​twemmin.

17, 18. (a) Ġeħova x’se jagħmlilhom dalwaqt lill-​għedewwa tiegħu? (b) Liema nassa għandna nevitaw?

17 Issa mhuwiex iż-​żmien li ‘niddubitaw b’nuqqas taʼ fidi,’ iżda huwa ż-​żmien li nitqawwew bil-​fidi. (Rum. 4:20) L-​għedewwa t’Alla—Satana u dawk influwenzati minnu—qed jipprovaw iwaqqfu x-​xogħol li Ġesù kkmandana nagħmlu. (Mt. 28:19, 20) Minkejja l-​attakki tax-​Xitan, aħna nafu li Ġeħova hu “Alla ħaj, li hu s-​Salvatur taʼ kull xorta taʼ bnedmin, speċjalment taʼ wħud leali.” Hu “jaf kif jeħles mill-​provi lil dawk li huma devoti lejh.”—1 Tim. 4:10; 2 Pt. 2:9.

18 Dalwaqt, Ġeħova se jeqred din is-​sistema mill-​agħar. Għalkemm m’għandniex id-​dettalji kollha u l-​ħin eżatt meta dan se jseħħ, nafu fiċ-​ċert li se jseħħ eżatt fil-​ħin u fil-​waqt. Imbagħad Kristu se jeqred lill-​għedewwa t’Alla u s-​sovranità taʼ Ġeħova se tiġi vvindikata. Għalhekk, x’ħasra tkun jekk nonqsu li nagħrfu ż-​“żminijiet u l-​istaġuni” li qed ngħixu fihom! Jalla qatt ma naqgħu fin-​nassa taʼ li nibdew naħsbu li “kollox għadu għaddej eżatt bħalma kien sa mill-​bidu tal-​ħolqien.”—1 Tess. 5:1; 2 Pt. 3:3, 4.

‘STENNEW B’ATTITUDNI XIERQA’

19, 20. Għala għandna nistennew b’attitudni xierqa lil Ġeħova?

19 Meta Ġeħova ħalaq lill-​bnedmin, hu riedhom jgħixu għal dejjem biex ikunu jistgħu jibqgħu jitgħallmu dwaru u dwar l-​affarijiet sbieħ kollha li ħalaq hu. Ekkleżjasti 3:11 jgħid: “Kulma għamel [Ġeħova] għamlu sabiħ u f’waqtu. Saħansitra poġġielhom f’qalbhom l-​eternità, sabiex il-​bnedmin qatt ma jsiru jafu mill-​bidu sat-​tmiem l-​għemil li għamel l-​Alla l-​veru.”

20 Kemm aħna ferħanin li Ġeħova ma biddilx l-​iskop tiegħu għall-​umanità! (Mal. 3:6) Alla ma “jinbidilx u m’huwiex bħal dell li jiċċaqlaq.” (Ġak. 1:17) Id-​dellijiet jibqgħu jiċċaqalqu minħabba li d-​dinja ddur, imma Ġeħova ma teffettwahx il-​mogħdija taż-​żmien. Ġeħova hu “s-​Sultan taʼ l-​eternità.” (1 Tim. 1:17) Mela ejja “nistennew b’attitudni xierqa lill-​Alla tas-​salvazzjoni [tagħna].” (Mik. 7:7) Għalhekk, “kunu kuraġġużi, u qawwu qalbkom, intom ilkoll li qed tistennew lil Ġeħova.”—Salm 31:24.

[Noti ta’ taħt]

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Stampa f’paġna 19]

Danjel kellu fiduċja fit-​twettiq tal-​profeziji t’Alla

[Stampa f’paġna 21]

Tuża int il-​ħin bl-​aħjar mod biex tagħmel ir-​rieda taʼ Ġeħova?