Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont Miġbuda Lejn Uħud Għaqlin u Akbar fl-Età

Kont Miġbuda Lejn Uħud Għaqlin u Akbar fl-Età

Bijografija

Kif rakkontata minn Elva Gjerde

Madwar 70 sena ilu, ġie raġel iżurna d-​dar tagħna li ta suġġeriment lil missieri li biddilli ħajti kompletament. Minn dik il-​ġurnata ’l hawn—ġurnata li ma se ninsieha qatt—bosta wħud oħrajn ukoll kellhom impatt qawwi fuq ħajti. Matul dan iż-​żmien, ksibt ħbiberija prezzjuża li ngħożż iktar minn kwalunkwe ħbiberija oħra. Ħa ngħidilkom l-​istorja tiegħi.

JIEN twilidt f’Sydney, l-​Awstralja, fl-​1932. Il-​ġenituri tiegħi kienu jemmnu f’Alla iżda ma kinux imorru l-​knisja. Ommi għallmitni li Alla kien dejjem qiegħed b’sebaʼ għajnejn fuqi, lest biex jikkastigani jekk nagħmel xi ħaġa ħażina. Dan kien rabba ġewwa fija biżaʼ minn Alla. Madankollu, kont naffaxxina ruħi bil-​Bibbja. Meta ziti kienet iżżurna fi tmiem il-​ġimgħa, kienet toqgħod tirrakkontali ħafna stejjer interessanti mill-​Bibbja. Dejjem kont inkun qed nistenna bil-​ħerqa ż-​żjajjar tagħha.

Meta kont żagħżugħa, missieri kien qara sett taʼ kotba li ommi kienet iddobbat mingħand mara anzjana li kienet Xhud taʼ Ġeħova. Missieri tant baqaʼ impressjonat b’dak li kien qara li aċċetta li jibda jistudja l-​Bibbja max-​Xhieda. Lejla fost l-​oħrajn, waqt l-​istudju tiegħu tal-​Bibbja, missieri qabadni nissemmaʼ bil-​moħbi. Hu kien se jibgħatni lura f’kamarti, imma r-​raġel li ġie jżurna qal: “Għax ma tħallix lil Elva toqgħod magħna għall-​istudju?” Dak is-​suġġeriment kien il-​bidu taʼ ħajja ġdida u tal-​ħbiberija tiegħi mal-​Alla l-​veru—Ġeħova.

Wara ftit, jien u missieri bdejna nattendu l-​laqgħat Kristjani. Dak li kien tgħallem qanqlu biex jagħmel bidliet f’ħajtu. Saħansitra beda jikkontrolla t-​tempra. Dan l-​aġir qanqal lil ommi u lil ħija l-​kbir, Frank, biex jibdew jattendu l-​laqgħat. a L-​erbgħa li aħna għamilna progress, u maż-​żmien tgħammidna bħala Xhieda taʼ Ġeħova. Minn dakinhar ’l hawn, għamilt ħbieb maʼ ħafna wħud akbar fl-​età li għenuni f’diversi perijodi taʼ ħajti.

META ĠEJT BIEX NAGĦŻEL KARRIERA

Bħala żagħżugħa, kont inħossni miġbuda lejn uħud fil-​kongregazzjoni tagħna li kienu akbar fl-​età. Waħda minnhom kienet Alice Place, oħt anzjana. Kienet hi li għall-​ewwel darba tat xhieda lill-​familja tagħna. Għalija kienet saret qisha n-​nanna tiegħi. Alice għallmitni kif nipprietka lil oħrajn u inkuraġġietni biex nitgħammed. Fl-​età taʼ 15-​il sena, ilħaqt din il-​mira.

Ukoll, kelli ħbiberija mill-​qrib maʼ koppja anzjana li kien jisimhom Percy u Madge [Margaret] Dunham. L-​għajnuna li kienu tawni kellha impatt qawwi fuq il-​futur tiegħi. Kont inħobb ħafna l-​matematika, u x-​xewqa tiegħi kienet li nsir għalliema tal-​matematika. Percy u Madge kienu qdew bħala missjunarji fil-​Latvja matul is-​snin 30. Meta faqqgħet it-​Tieni Gwerra Dinjija fl-​Ewropa, huma ġew mistidnin jaqdu fil-​Betel taʼ Sydney fl-​Awstralja. Percy u Madge ħadu interess sinċier fija. Irrakkontaw ħafna esperjenzi eċċitanti li kienu gawdew fix-​xogħol missjunarju tagħhom. Stajt nifhem ċar u tond li jekk insir għalliema tal-​Bibbja kien se jkolli bil-​wisq iktar sodisfazzjon milli ngħallem il-​matematika. Għalhekk, iddeċidejt li nsir missjunarja.

Il-​koppja Dunham inkuraġġietni biex nibda naqdi bħala pijuniera biex b’hekk inkun imħejjija għax-​xogħol missjunarju. Għalhekk, fl-​1948, meta kelli 16-​il sena, sirt pijuniera u ngħaqadt maʼ għaxar żgħażagħ oħra li kienu diġà qed jaqdu ferħanin bħala pijunieri fil-​kongregazzjoni tiegħi f’Hurstville, Sydney.

Matul l-​erbaʼ snin taʼ wara, qdejt bħala pijuniera f’erbat ibliet oħra—kollha fi New South Wales u fi Queensland. Waħda mill-​ewwel studenti tal-​Bibbja li kelli kienet Betty Law (issa kunjomha Remnant). Betty kienet tfajla li tħobb tgħin u kienet sentejn ikbar minni. Iktar tard, saret pijuniera hi wkoll, u flimkien konna naqdu fil-​belt taʼ Cowra, li tinsab madwar 230 kilometru lejn il-​Punent taʼ Sydney. Għalkemm ma tantx domna nagħmlu x-​xogħol taʼ pijunier flimkien, jien u Betty għadna ħbieb sal-​ġurnata tal-​lum.

Minħabba li rċivejt l-​inkarigu biex naqdi bħala pijuniera speċjali, mort noqgħod Narrandera—belt li tinsab 220 kilometru fi Lbiċ taʼ Cowra. Il-​pijuniera li kont naqdi magħha kien jisimha Joy Lennox (issa kunjomha Hunter). Kienet pijuniera żeluża li wkoll kienet sentejn ikbar minni. Konna l-​uniċi Xhieda fil-​belt. Jien u Joy konna noqogħdu maʼ koppja ospitabbli, Ray u Esther Irons. Huma, flimkien maʼ binhom u t-​tlett ibniet tagħhom, urew interess fil-​verità. Ray u ibnu kienu jaħdmu f’razzett fejn irabbu n-​nagħaġ u fejn ikabbru l-​qamħ. Għalhekk, matul il-​ġimgħa kienu jkunu barra mill-​belt filwaqt li Esther u wliedha l-​bniet kienu jieħdu ħsieb alloġġ tal-​lokal. Kull nhar taʼ Ħadd, jien u Joy, konna nsajru ikla kbira għall-​familja Irons u għal xi tużżana minn dawk li kienu jalloġġaw għandhom—kollha kemm huma kienu ħaddiema rġiel tal-​ferrovija mejtin bil-​ġuħ! Dan is-​servizz kien ikopri parti mill-​kera. Wara li konna nnaddfu warajna, konna nservu lill-​familja Irons ikla spiritwali delizzjuża—l-​istudju taʼ kull ġimgħa tat-​Torri tal-​Għassa. Ray, Esther, u l-​erbat itfal tagħhom ġew fil-​verità u saru l-​ewwel membri tal-​Kongregazzjoni taʼ Narrandera.

Fl-​1951, attendejt konvenzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Sydney. Hemmhekk, attendejt laqgħa speċjali li saret għal dawk il-​pijunieri li kienu interessati fix-​xogħol missjunarju. Din il-​laqgħa saret f’tinda kbira u kien hemm iktar minn 300 ruħ li attendew għaliha. Nathan Knorr, mill-​Betel taʼ Brooklyn, kellem lill-​grupp u stqarr ċar u tond il-​bżonn urġenti li l-​aħbar tajba tiġi pritkata f’kull rokna tal-​art. Kull kelma li qal baqgħet tidwi f’moħħna. Ħafna mill-​pijunieri li kienu preżenti, iktar tard saru wħud li taw bidu għax-​xogħol tal-​ippritkar fil-​Paċifiku tan-​Nofsinhar u fi nħawi oħrajn. Kont ferħana se ntir li nkun waħda mis-​17-​il Awstraljan mistidnin jattendu d-​19-​il klassi tal-​Iskola taʼ Gilegħad fl-​1952. Il-​ħolma tiegħi li naqdi fis-​servizz missjunarju saret realtà meta kelli biss 20 sena!

KELLI BŻONN NAGĦMEL IKTAR BIDLIET

L-​Iskola taʼ Gilegħad kabbret l-​għarfien li kelli tal-​Bibbja u saħħitli l-​fidi. Kellha wkoll effett kbir fuq il-​personalità tiegħi. Kont għadni żgħira u idealistika u kelli t-​tendenza li nistenna l-​perfezzjoni kemm minni nnifsi u kemm minn oħrajn. Xi kultant kont stretta żżejjed. Kien hemm xi affarijiet li kont naħseb li huma ħżiena meta, fil-​fatt, ma kinux. Pereżempju, bqajt ixxokkjata meta rajt lil Ħuna Knorr jilgħab logħba bejżbol maʼ xi Beteliti żgħażagħ.

L-​għalliema taʼ Gilegħad—kollha kemm huma rġiel għaqlin u bi snin kbar taʼ esperjenza—setgħu jaraw li kont qed insibha diffiċli naġġusta l-​mentalità tiegħi. Huma ħadu interess fija u għenuni nbiddel fehmti. Bil-​mod il-​mod, irrealizzajt li Ġeħova hu Alla taʼ mħabba li japprezza dak li nagħmlu u mhux Alla strett li jistenna żżejjed minna. Xi wħud li kienu fil-​klassi miegħi wkoll kienu t’għajnuna. Niftakar li waħda minnhom kienet qaltli: “Elva, Ġeħova mhuwiex hemm fuq b’xi frosta biex jikkontrollana. Tkunx daqshekk stretta miegħek innifsek!” Il-​kliem onest u bla kantunieri tagħha messli qalbi.

Wara li spiċċajna l-​Iskola taʼ Gilegħad, jien u erbgħa oħrajn ġejna assenjati biex naqdu fin-​Namibja, l-​Afrika. Ma domniex ma konna qed nikkonduċu 80 studju tal-​Bibbja bejnietna. Kemm il-​ħajja missjunarja u kemm in-​Namibja kienu għal qalbi ħafna, iżda kont ħadt grazzja maʼ ġuvni li kien attenda Gilegħad miegħi u li kien ġie assenjat l-​Isvizzera. Wara li qattajt sena fin-​Namibja, ingħaqadt mal-​għarus tiegħi fl-​Isvizzera. Wara li żżewwiġna, mort flimkien maʼ żewġi naqdi fix-​xogħol tiegħu bħala indokratur tas-​circuit.

META FFAĊĊJAJT DIŻAPPUNT KBIR

Wara li gawdejna ħames snin fix-​xogħol tas-​circuit, ġejna mistidnin naqdu fil-​Betel tal-​Isvizzera. Hemmhekk, fil-​familja Betel, kont inħossni ferħana se ntir għall-​fatt li kont imdawra b’ħafna aħwa rġiel u nisa ikbar fl-​età li kienu maturi spiritwalment.

Madankollu, ma domtx ma kelli aħbar xokkanti. Sirt naf li żewġi kien qalibhieli u ttradixxa lil Ġeħova. Imbagħad qabad u telaqni. Ħassejtni mkissra! Ma nafx kif kont se nkampa mas-​sitwazzjoni li kieku ma kellix l-​imħabba u l-​appoġġ tal-​għeżież ħbieb li kienu akbar fl-​età u li kienu jagħmlu parti mill-​familja Betel. Huma tawni widen meta kelli bżonn niftaħ qalbi u ħallewni nistrieħ meta kelli bżonn nistrieħ. Il-​kliem taʼ faraġ tagħhom u l-​qalb tajba li wrewni għenuni matul l-​uġigħ terribbli li kont għaddejja minnu. Dan għenni nersaq saħansitra eqreb lejn Ġeħova.

Kien ukoll jiġini f’moħħi kliem li kien intqalli snin qabel mingħand uħud għaqlin u ikbar fl-​età li ffaċċjaw provi u tgħallmu minnhom. Fosthom kien hemm Madge Dunham. Darba fost l-​oħrajn qaltli: “Elva, fil-​ħajja tiegħek taʼ servizz lil Ġeħova se tiffaċċja diversi provi, imma l-​iktar provi diffiċli għandhom mnejn jiġu minn dawk li huma qrib tiegħek. Matul dawn il-​provi ersaq qrib taʼ Ġeħova. Ftakar li int lilu taqdi u mhux lil bnedmin imperfetti!” Il-​parir taʼ Madge iggwidani matul il-​ħafna mumenti diffiċli f’ħajti. Kont determinata li qatt ma nħalli l-​iżbalji taʼ żewġi jifirduni minn Ġeħova.

Maż-​żmien, iddeċidejt li mmur lura l-​Awstralja biex naqdi bħala pijuniera u nkun viċin il-​familja tiegħi. Matul il-​vjaġġ twil lura d-​dar, kelli diskussjonijiet interessanti minn fuq il-​Bibbja maʼ grupp taʼ passiġġieri fuq il-​vapur. F’dan il-​grupp kien hemm raġel kwiet, min-​Norveġja, li kien jismu Arne Gjerde u li dak li semaʼ kien niżillu għasel. Ftit taż-​żmien wara, Arne żar lili u lill-​familja tiegħi f’Sydney. Hu għamel progress spiritwali mgħaġġel u tgħammed. Fl-​1963, jien u Arne żżewwiġna, u sentejn wara kellna tifel u semmejnieh Gary.

META FFAĊĊJAJT TELFA OĦRA

Jien, Arne, u Gary konna ngawdu ħajja tal-​familja hienja. Iżda Arne ma damx ma kellu jkabbar id-​dar tagħna biex ikunu jistgħu jiġu joqogħdu magħna l-​ġenituri anzjani tiegħi. Imbagħad, wara sitt snin miżżewġin, kellna ngħaddu minn burraxka. Arne ntqallu li kellu kanċer f’moħħu. Kont immur inżuru kuljum l-​isptar waqt li kien qed jagħmel kors twil taʼ raġġi. Għal xi żmien għamel progress; iżda mbagħad qaleb għall-​agħar u tatu puplesija. Qaluli li kien fadallu biss ftit ġimgħat ħajja. Madankollu, Arne baqaʼ ħaj. Eventwalment, reġaʼ ġie lura d-​dar fejn ħadt ħsiebu u, bil-​mod il-​mod, reġaʼ ħa saħħtu lura. Maż-​żmien, reġaʼ beda jimxi u kompla bix-​xogħol tiegħu bħala anzjan fil-​kongregazzjoni. Il-​karattru ferrieħi u s-​sens t’umoriżmu li kellu għenuh biex ifiq malajr u għamluhieli iktar faċli biex inkompli nagħtih il-​kura.

Snin wara, fl-​1986, is-​saħħa taʼ Arne marret il-​baħar. Sa dak iż-​żmien, il-​ġenituri tiegħi kienu mietu, u għalhekk morna noqogħdu f’post mill-​isbaħ jismu l-​Blue Mountains, li jinsab barra minn Sydney, biex inkunu iktar viċin il-​ħbieb tagħna. Maż-​żmien, Gary żżewweġ oħt spiritwali mill-​aħjar jisimha Karin. Huma ssuġġerew li l-​erbgħa li aħna mmorru ngħixu flimkien fl-​istess dar. Fi ftit xhur, morna noqogħdu f’dar ftit toroq ’il bogħod minn fejn jien u Arne konna ngħixu qabel.

Matul l-​aħħar 18-​il xahar taʼ ħajtu, Arne spiċċa f’qiegħ taʼ sodda u kellu bżonn min jieħu ħsiebu 24 siegħa kuljum. Peress li matul dan iż-​żmien ma stajtx noħroġ mid-​dar, kont inqattaʼ sagħtejn kuljum nistudja l-​Bibbja u kotba bbażati fuqha. Tgħallimt ħafna affarijiet li għenuni nkampa mas-​sitwazzjoni li kont għaddejja minnha. Ukoll, bi mħabba kbira, kienu jiġu jżuruni wħud anzjani fl-​età mill-​kongregazzjoni tagħna—uħud minnhom kienu għaddew minn provi simili. Iż-​żjajjar tagħhom kienu jinkuraġġuni ferm! Arne miet f’April tal-​2003, ċert mit-​tama tal-​irxoxt.

L-​IKBAR APPOĠĠ LI KELLI

Fi tfuliti, ma kontx realistika u ridt kollox perfett. Però, irrealizzajt li l-​ħajja rari tkun eżattament kif nixtiquha. Gawdejt barkiet bla għadd u wkoll ħabbatt wiċċi maʼ żewġ provi kbar—tlift sieħeb fiż-​żwieġ minħabba l-​infedeltà u sieħeb ieħor minħabba l-​mard. Matul dawn il-​provi kollha, sibt gwida u faraġ b’diversi modi. Imma l-​ikbar appoġġ li sibt kien u għadu jiġi mingħand “ix-​Xiħ fil-​Jiem”—Alla Ġeħova. (Dan. 7:9) Il-​parir tiegħu biddilli l-​personalità tiegħi, u wassalni biex gawdejt esperjenzi mill-​isbaħ fix-​xogħol missjunarju. Meta kienu jqumu l-​problemi, ‘il-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Ġeħova kienet twiżinni u l-​faraġ tiegħu kien imellisli ruħi.’ (Salm 94:18, 19) Gawdejt ukoll l-​imħabba u l-​appoġġ tal-​familja tiegħi u tal-​‘ħbieb veri mweldin għal meta jkun hemm in-​niket.’ (Prov. 17:17) Ħafna minn dawn kienu wħud għaqlin u akbar fl-​età.

Il-​patrijarka Ġob staqsa: “Mhux għerf hemm fost l-​imdaħħlin fiż-​żmien u abbiltà li jifhmu fl-​għomor twil?” (Ġob 12:12) Meta nħares lura, b’wiċċi minn quddiem nistaʼ ngħid li dan il-​kliem hu minnu. Il-​parir taʼ wħud għaqlin u akbar fl-​età kien t’għajnuna għalija, il-​faraġ tagħhom kien taʼ appoġġ, u l-​ħbiberiji tagħhom sebbħuli ħajti. Ninsab grata li kont miġbuda lejhom.

Issa jien għandi 80 sena. L-​esperjenzi li għaddejt minnhom għenuni nsir sensittiva għall-​bżonnijiet taʼ wħud oħrajn akbar fl-​età. Għadni sal-​ġurnata tal-​lum inħobb inżurhom u ngħinhom. Iżda nieħu pjaċir ukoll inkun fil-​kumpanija taʼ wħud żgħażagħ. L-​enerġija li għandhom hi stimulanti u l-​entużjażmu tagħhom jittieħed. Meta wħud żgħażagħ jistaqsuni għall-​gwida jew għall-​appoġġ, jien ngħinhom b’qalbi kollha.

[Nota ta’ taħt]

a Ħu Elva, Frank Lambert, sar pijunier żeluż fl-​inħawi iżolati tal-​Awstralja. In-​1983 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 110-​112, jirrakkonta wieħed mill-​ħafna vjaġġi eċċitanti taʼ ppritkar li kellu.

[Stampa f’paġna 14]

Naqdi bħala pijuniera maʼ Joy Lennox f’Narrandera

[Stampa f’paġna 15]

Elva flimkien maʼ membri tal-​familja Betel fl-​Isvizzera fl-​1960

[Stampa f’paġna 16]

Nieħu ħsieb Arne meta kien marid