“Ma’ Kull Ġurnata li Tgħaddi Qed Insir Inħobb Iktar ix-Xogħol taʼ Colporteur”
Mill-Arkivji Tagħna
Fl-1886, mitt kopja tal-ktieb Millennial Dawn, Volume I, intbagħtu mid-Dar tal-Bibbja, kif kienet magħrufa l-Betel, f’Allegheny, Pennsylvania, fl-Istati Uniti, lejn Chicago, Illinois. Charles Taze Russell xtaq li jqassam il-volum ġdid fil-ħwienet tal-kotba. Waħda mill-akbar kumpaniji fl-Istati Uniti li kienet tqassam kotba fuq ir-reliġjon kienet qablet li tieħu konsenja tal-ktieb Millennial Dawn. Imma ħmistax wara, il-konsenja sħiħa ġiet lura d-Dar tal-Bibbja.
Milli jidher, evanġelista magħruf sew kien irrabja meta ra l-Millennial Dawn jinbiegħ fl-istess post fejn kien hemm il-kotba tiegħu. F’dagħdigħa, qal li jekk jibqgħu jbigħu dan il-ktieb, hu u l-ħbieb evanġelisti tiegħu, li kienu famużi, kienu se jieħdu l-kotba tagħhom u xogħolhom għand ħaddieħor. Is-sid kontra qalbu rritorna l-kotba Millennial Dawn. Minbarra dan, kienu tpoġġew reklami fil-gazzetti. Imma l-opponenti għamlu ċert li l-kuntratti għar-reklami jiġu kanċellati. Allura, din il-pubblikazzjoni ġdida, kif kienet se tilħaq lil dawk li kienu qed ifittxu l-verità?
Il-colporteurs, kif kienu jissejħu dak iż-żmien, kienu t-tweġiba. a Fl-1881, Zion’s Watch Tower talab għal 1,000 predikatur full-time biex iqassmu l-letteratura Biblika. Għalkemm kien hemm biss ftit mijiet li qdew bħala colporteurs, huma xerrdu maʼ kullimkien iż-żrieragħ tal-verità li nstabu fil-kotba. Sal-1897, kienu tqassmu kważi miljun kopja tal-Millennial Dawn, l-iktar permezz tal-colporteurs. Il-biċċa l-kbira minnhom kienu jgħaddu bil-ftit flus li rċivew għal kull abbonament tat-Torri tal-Għassa jew għal kull ktieb li ħallew.
Min kienu dawn il-colporteurs qalbenin? Xi wħud minnhom bdew meta kienu għadhom żgħażagħ, oħrajn kienu akbar fl-età. Ħafna minnhom ma kinux miżżewġin jew inkella kienu miżżewġin imma bla tfal. Imma kien hemm numru mhux ħażin taʼ familji li ngħaqdu mal-colporteurs. Colporteurs regulari ħadmu ġranet twal u colporteurs awżiljarji ħadmu għal siegħa jew sagħtejn kuljum. Mhux kulħadd setaʼ jieħu sehem fix-xogħol bħala colporteur minħabba s-saħħa jew iċ-ċirkustanzi tiegħu. Imma f’konvenzjoni fl-1906, dawk li setgħu ntqalilhom li ma kellhomx għalfejn ikunu “taʼ ħafna skola, jew ikollhom bosta abbiltajiet, jew jitkellmu bħal anġlu.”
Fi kważi kull kontinent kien hemm nies ordinarji jwettqu xogħol straordinarju. Ħu minnhom ikkalkula li f’sebaʼ snin ħalla 15,000 ktieb. Iżda, qal: “Ma
dħaltx fix-xogħol bħala colporteur biex inkun bejjiegħ tal-kotba, imma minflok, biex inkun xhud għal Ġeħova u għall-verità tiegħu.” Kull fejn marru l-colporteurs, iż-żrieragħ tal-verità qabbdu l-għeruq u gruppi taʼ Studenti tal-Bibbja bdew jiżdiedu.Membri tal-kleru kienu jistmerru lill-colporteurs, u sejħulhom sempliċi bejjiegħa tal-kotba. It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1892 qal: “Ftit huma n-nies li jafuhom bħala r-rappreżentanti veri tal-Mulej, jew li jagħrfu dik id-dinjità li jara l-Mulej fl-umiltà u fis-sagrifiċċji persunali tagħhom.” Tabilħaqq, il-ħajja tal-colporteurs ma kinitx “ward u żahar,” kif poġġietha waħda minnhom. Kienu jivvjaġġaw l-iktar bil-mixi u bir-rota. Meta ma tantx kien ikollhom flus, kienu jpartu l-kotba mal-ikel. Wara ġurnata fil-ministeru, predikaturi għajjenin imma ferħanin irritornaw lejn tined u kmamar mikrijin. Imbagħad bdew jużaw il-Karavan tal-Colporteur, karavan li permezz tiegħu kienu jiffrankaw ħafna ħin u flus. b
B’seħħ mill-Konvenzjoni f’Chicago fl-1893, il-programm inkluda sessjonijiet speċjali għall-colporteurs. Dawn kien fihom diskussjonijiet ħajjin li fihom kienu jaqsmu esperjenzi, suġġerimenti taʼ metodi li jistgħu jintużaw fl-ippritkar, u pariri prattiċi. Ħuna Russell darba ħeġġeġ lill-predikaturi ħabrieka biex jieklu sew filgħodu, f’xi l-għaxra jieħdu tazza ħalib, u meta tkun is-sħana jieħdu xi ħaġa rifreskanti x’jixorbu.
Il-colporteurs li kienu qed ifittxu lil xi ħadd biex jaqdi bħala colporteur magħhom libsu żigarella safra. Uħud ġodda kienu jitpoġġew maʼ dawk taʼ iktar esperjenza. Milli jidher, taħriġ bħal dan kien meħtieġ, għax colporteur ġdid tant kien ansjuż li introduċa l-kotba billi qal, “Ma tridhomx dawn, hux?” Fortunatament, l-inkwilina ridithom, u iktar tard saret oħt.
Ħu minnhom staqsa, ‘X’inhu l-aħjar li nagħmel? Inżomm ix-xogħol preżenti li jrendi flus mhux ħażin u nikkontribwixxi $1,000 (xi €770) kull sena għax-xogħol tal-ippritkar, jew insir colporteur?’ Intqallu li l-Mulej kien japprezza kwalunkwe għażla, imma kien se jikseb l-aktar barkiet jekk jagħti l-ħin tiegħu direttament lill-Mulej. Mary Hinds kienet tqis ix-xogħol taʼ colporteur bħala “l-aqwa mod kif tagħmel l-aktar ġid lill-aktar ammont taʼ nies.” U Alberta Crosby, li kienet mistħija, qalet, “Ma’ kull ġurnata li tgħaddi qed insir inħobb iktar ix-xogħol taʼ Colporteur.”
Illum il-ġurnata, ħafna minn dawk li jiġu mill-colporteurs żelużi, kemm b’mod fiżiku kif ukoll b’mod spiritwali, għadhom qed jgħożżu l-wirt spiritwali tagħhom billi huma wkoll qed jaqdu f’dan ix-xogħol. Jekk fil-familja tiegħek għadu ħadd qatt ma qeda bħala colporteur, jew pijunier, għala ma tibdiex tradizzjoni ġdida fil-familja tiegħek? Int ukoll se tara kif maʼ kull ġurnata li tgħaddi se ssir tħobb iktar ix-xogħol taʼ ppritkar full-time.
[Noti ta’ taħt]
a Wara l-1931, bdiet tintuża l-kelma “pijunier” minflok “colporteur.”
b Dettalji dwar dawn il-karavani se jiġu diskussi f’ħarġa fil-futur.
[Kumment f’paġna 32]
Ma kellhomx għalfejn ikunu “taʼ ħafna skola, jew ikollhom bosta abbiltajiet, jew jitkellmu bħal anġlu”
[Stampa f’paġna 31]
Colporteur A. W. Osei fil-Gana, madwar l-1930
[Stampi f’paġna 32]
Fuq: Il-colporteurs Edith Keen u Gertrude Morris fl-Ingilterra, madwar l-1918; taħt: Stanley Cossaboom u Henry Nonkes fl-Istati Uniti, bil-kaxex vojta li qabel kien fihom il-kotba li ħallew