Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Il-​mewt taʼ dawk leali lejn Alla, kif inhi “prezzjuża f’għajnejn Ġeħova”?

▪ Salmista mnebbaħ kanta: “Prezzjuża f’għajnejn Ġeħova hi l-​mewt taʼ dawk leali lejh.” (Salm 116:15) Il-​ħajja taʼ kull aduratur veru taʼ Ġeħova hi taʼ valur kbir għalih. Madanakollu, il-​kliem kwotat hawn fuq minn Salm 116 ifisser iktar minn sempliċement il-​mewt taʼ individwu wieħed.

Meta tkun qed tingħata taħdita taʼ funeral għal Kristjan, ma jkunx xieraq li jiġi applikat il-​kliem taʼ Salm 116:15 għall-​wieħed mejjet, avolja jkun miet bħala qaddej leali taʼ Ġeħova. Għala? Għax l-​istqarrija tas-​salmista kellha sinifikat akbar minn hekk. Tfisser li Alla mhux se jħalli lil-​leali tiegħu kollha bħala grupp imutu għax hu jqishom bħala prezzjużi wisq.—Ara Salm 72:14; 116:8.

Salm 116:15 jaċċertana li Ġeħova mhux se jħalli li l-​qaddejja leali tiegħu bħala grupp jitneħħew għalkollox minn fuq l-​art. Fil-​fatt, l-​istorja moderna tagħna turi li diġà ssaportejna provi u persekuzzjonijiet ħorox, u b’hekk tagħtina prova ċara li Alla qatt mhu se jħallina niġu meqrudin kompletament.

Minħabba li Ġeħova għandu qawwa bla limitu u peress li l-​iskop tiegħu żgur li se jseħħ, mhuwiex se jħallina ninqerdu bħala grupp. Li kieku Alla kellu jippermetti dan, kien ikun bħallikieku l-​għedewwa tiegħu huma iktar qawwijin minnu—xi ħaġa impossibbli! Kieku ma kienx jitwettaq l-​iskop taʼ Ġeħova biex il-​globu jkun mimli b’nies li huma leali lejh—u aħna nafu li l-​iskop t’Alla dejjem jitwettaq. (Is. 45:18; 55:10, 11) Ukoll, kieku Ġeħova ma kienx jibqaʼ jingħata servizz sagru fuq l-​art jekk ma kienx ikun hawn iktar bnedmin biex iqimuh fil-​btieħi fuq l-​art tat-​tempju spiritwali grandjuż tiegħu! Ma kienx ikun hawn nies biex jifformaw l-​“art ġdida”—is-​soċjetà taʼ bnedmin ġusti li jgħixu fuq l-​art taħt is-​“sema ġdid.” (Riv. 21:1) U jerġaʼ, il-​Ħakma taʼ Kristu t’Elf Sena kieku ma ssirx realtà mingħajr sudditi fuq l-​art.—Riv. 20:4, 5.

Il-​pożizzjoni u r-​reputazzjoni t’Alla kieku jiġu dubitati li kieku kellu jħalli l-​għedewwa tiegħu jeqirdu l-​grupp kollu tan-​nies tiegħu fuq l-​art. Ħaġa bħal din kieku kienet titfaʼ dubju fuq il-​pożizzjoni taʼ Ġeħova bħala s-​Sovran Universali. Ukoll, minħabba li Ġeħova għandu rispett lejh innifsu u lejn l-​isem qaddis tiegħu, hu mhux se jippermetti l-​mewt tal-​uħud leali tiegħu bħala grupp. U kkunsidra dan: Ladarba “m’hemm ebda inġustizzja” m’Alla, qatt mhu se jonqos milli jsalva l-​grupp taʼ nies li qed jaqduh lealment. (Dt. 32:4; Ġen. 18:25) Iktar minn hekk, kieku kellu jħalli l-​qaddejja tiegħu jiġu meqrudin bħala grupp kien ikun qed imur kontra Kelmtu li tgħid: “Ġeħova ma jabbandunax lill-​poplu tiegħu minħabba ismu l-​kbir.” (1 Sam. 12:22) Tabilħaqq, “Ġeħova mhux se jabbanduna lill-​poplu tiegħu, lanqas ma se jitlaq lil wirtu stess.”—Salm 94:14.

Kemm iqawwilna qalbna li nkunu nafu li l-​poplu taʼ Ġeħova qatt ma se jinqered minn fuq l-​art! Għaldaqstant, ejja dejjem nuru li aħna leali lejn Alla u nafdaw fil-​wegħda tiegħu: “Kwalunkwe arma li tissawwar kontrik ma tirnexxix, u kwalunkwe lsien li jqum kontrik fil-​ġudizzju, int tikkundannah. Dan hu l-​wirt tal-​qaddejja taʼ Ġeħova, u s-​sewwa tagħhom ġej mingħandi.”—Is. 54:17.

[Kumment f’paġna 22]

Alla qatt mhu se jħalli l-​poplu tiegħu jiġi meqrud kompletament