Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Oqogħdu Attenti mill-Ħmira tal-Fariżej”

“Oqogħdu Attenti mill-Ħmira tal-Fariżej”

Ġesù wissa lid-​dixxipli tiegħu: “Oqogħdu attenti mill-​ħmira tal-​Fariżej, li hi l-​ipokrisija.” (Lq. 12:1) Rakkont simili tal-​kliem taʼ Ġesù jagħmilha ċara li hu kien qed jikkundanna “t-​tagħlim” tal-​Fariżej.​—Mt. 16:12.

Il-​Bibbja kultant tuża l-​kelma “ħmira” bħala simbolu tal-​korruzzjoni. Bla dubju, kemm it-​tagħlim kif ukoll l-​attitudni tal-​Fariżej kellhom effett ħażin fuq dawk li kienu jisimgħuhom. It-​tagħlim tal-​Fariżej, għala kien perikoluż?

1 Il-​Fariżej kienu mkabbrin u kienu jemmnu li kienu aħjar u iktar ġusti minn nies oħrajn.

Ġesù tkellem dwar din l-​attitudni ħażina f’waħda mill-​parabboli tiegħu. Hu qal: “Il-​Fariżew qam u beda jitlob hekk f’qalbu, ‘O Alla, nirringrazzjak li m’iniex bħall-​bqija tal-​bnedmin, imbroljuni, ma jagħmlux is-​sewwa, adulteri, jew saħansitra bħal dan il-​kollettur tat-​taxxi. Insum darbtejn fil-​ġimgħa, nagħti l-​għexur taʼ dak kollu li nikseb.’ Imma l-​kollettur tat-​taxxi wieqaf ’il bogħod lanqas ried saħansitra jgħolli għajnejh lejn is-​sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid, ‘O Alla, kun ħanin miegħi għax jien midneb.’”—Lq. 18:11-​13.

Ġesù faħħar l-​attitudni taʼ umiltà li wera l-​kollettur tat-​taxxi, billi qal: “Ngħidilkom, Dan niżel lejn daru magħdud bħala raġel sewwa iktar mill-​[Fariżew]; għax kulmin jitgħolla jiġi umiljat, imma min jumilja ruħu jitgħolla.” (Lq. 18:14) Għalkemm il-​kolletturi tat-​taxxi kienu magħrufin bħala wħud diżonesti, Ġesù fittex li jgħin minn fosthom lil dawk li kienu jagħtuh widen. Minn tal-​inqas żewġ kolletturi tat-​taxxi—Mattew u Żakkew—saru segwaċi tiegħu.

Xi ngħidu jekk jgħaddilna minn moħħna li aħna aħjar minn oħrajn minħabba l-​abbiltajiet jew il-​privileġġi li tana Alla jew minħabba n-​nuqqasijiet u d-​dgħufijiet tal-​oħrajn? Għandna nwarrbuhom mill-​ewwel ħsibijiet bħal dawn, għax l-​Iskrittura tgħid: “L-​imħabba tistabar fit-​tul u qalbha tajba. L-​imħabba ma tgħirx, ma tiftaħarx, ma tintefaħx, ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti, ma tfittixx l-​interessi tagħha, ma tiġix provokata. Ma żżommx kont tal-​ħsara. Ma tithenniex bl-​inġustizzja, imma tithenna bil-​verità.”—1 Kor. 13:4-​6.

Għandu jkollna attitudni simili għal dik tal-​appostlu Pawlu. Wara li semma li “Kristu Ġesù ġie fid-​dinja biex isalva lill-​midinbin,” Pawlu żied jgħid: “Fosthom jien l-​iktar li nispikka.”—1 Tim. 1:15.

Mistoqsijiet għall-​meditazzjoni:

Nirrikonoxxi li jien midneb u li s-​salvazzjoni tiegħi tiddependi mill-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova? Jew inħares lejn is-​snin twal taʼ servizz leali, il-​privileġġi fl-​organizzazzjoni t’Alla, jew l-​abbiltajiet li għandi bħala bażi biex inħossni superjuri għal oħrajn?

2 Il-​Fariżej kienu jagħmlu affarijiet għal għajn in-​nies biex jidhru li huma ġusti. Xtaqu l-​prominenza u titli biex jiftaħru bihom.

Imma Ġesù wissa: “Kulma jagħmlu jagħmluh għal għajn in-​nies; għax ikabbru l-​filatteri tagħhom u jtawlu l-​freneż taʼ lbieshom. Iħobbu l-​iktar post prominenti fl-​ikliet taʼ fil-​għaxija u s-​siġġijiet taʼ quddiem fis-​sinagogi, u t-​tislim fis-​swieq u li jissejħu Rabbi min-​nies.” (Mt. 23:5-​7) Agħmel kuntrast bejn l-​attitudni tagħhom u bejn dik taʼ Ġesù. Għalkemm kien l-​Iben perfett t’Alla, kien umli. Meta ċertu raġel sejjaħlu “tajjeb,” Ġesù qallu: “Għala ssejjaħli tajjeb? Ħadd m’hu tajjeb, ħlief Alla biss.” (Mk. 10:18) Darb’oħra, Ġesù ħasel saqajn id-​dixxipli tiegħu biex jgħallimhom li dejjem għandhom ikunu umli.—Ġw. 13:1-​15.

Kristjan veru għandu jaqdi lil sħabu fit-​twemmin. (Gal. 5:13) Dan hu speċjalment minnu fil-​każ taʼ dawk li jixtiequ jikkwalifikaw bħala indokraturi fil-​kongregazzjoni. Huwa xieraq li wieħed “jirsisti għal kariga taʼ indokratur,” imma din il-​mira għandha tinbet minn xewqa biex jgħin lil oħrajn. Din il-​“kariga” mhijiex xi pożizzjoni taʼ prominenza jew poter. Dawk li jaqdu bħala indokraturi għandhom bżonn ikunu ‘umli fil-​qalb,’ bħalma kien Ġesù.​—1 Tim. 3:1, 6; Mt. 11:29.

Mistoqsijiet għall-​meditazzjoni:

Għandi jien it-​tendenza li niffavorixxi lil dawk li għandhom pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà fil-​kongregazzjoni, forsi bit-​tama li nikseb il-​prominenza jew xi privileġġi oħrajn? Fil-​qima tiegħi, nippreferi li nagħmel affarijiet biex ħaddieħor jinnotani u jfaħħarni? Tabilħaqq, dejjem qed nipprova nkun aħjar minn ħaddieħor?

3 Ir-​regoli u t-​tradizzjonijiet tal-​Fariżej għamlu l-​ħajja diffiċli għan-​nies komuni.

Ġeħova ta l-​Liġi tiegħu lill-​Iżraelin biex jurihom kif għandhom iqimuh. Imma ma qalilhomx sal-​iċken dettall dak li kellhom bżonn jagħmlu sabiex jobdu din il-​Liġi. Pereżempju, il-​Liġi pprojbiet ix-​xogħol f’jum is-​Sabat, imma ma tatx lista tal-​affarijiet li kellhom jew ma kellhomx jagħmlu f’dan il-​jum. (Eżo. 20:10) Il-​Fariżej żiedu r-​regoli u t-​tradizzjonijiet tagħhom stess għax ħasbu li l-​Liġi taʼ Ġeħova ma tatx informazzjoni biżżejjed. Ġesù obda l-​Liġi t’Alla, imma m’obdiex ir-​regoli stretti miżjudin mill-​Fariżej. (Mt. 5:17, 18; 23:23) Hu fehem ir-​raġuni għala nkitbu l-​liġijiet t’Alla, u kien jaf li Alla ried li n-​nies juru ħniena u mogħdrija. Kien raġunevoli, saħansitra meta s-​segwaċi tiegħu ddiżappuntawh. Pereżempju, għalkemm ħeġġeġ lil tlieta mill-​appostli tiegħu biex jibqgħu mqajmin u jibqgħu għassa fil-​lejl tal-​arrest tiegħu, huma raqdu ripetutament. Minkejja dan, hu b’simpatija rrimarka: “Naturalment, l-​ispirtu hu ħerqan imma l-​laħam dgħajjef.”​—Mk. 14:34-​42.

Mistoqsijiet għall-​meditazzjoni:

Nagħmel jien regoli stretti u nipprova nġiegħel lil ħaddieħor jobdihom? Dejjem irrid li oħrajn jagħmlu dak li naħseb jien li hu sewwa? Jien raġunevoli f’dak li nistenna minn oħrajn?

Irrifletti fuq il-​kuntrast li hemm bejn it-​tagħlim taʼ Ġesù u bejn dak tal-​Fariżej. Tara modi li fihom tistaʼ titjieb? Jekk iva, agħmel l-​almu tiegħek biex tagħmel hekk!

[Stampa f’paġna 28]

Il-​Fariżej kienu jilbsu l-​filatteri.​—Mt. 23:2, 5

[Stampi f’paġna 29]

Kuntrarju għall-​Fariżej imkabbrin, anzjani Kristjani umli jaqdu lil oħrajn

[Stampa f’paġna 30]

Bħal Ġesù, raġunevoli int f’dak li tistenna minn oħrajn?