Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Qed Tirrifletti Int il-Glorja taʼ Ġeħova?

Qed Tirrifletti Int il-Glorja taʼ Ġeħova?

“Aħna . . . nirriflettu bħall-​mirja l-​glorja taʼ Ġeħova.”​—2 KOR. 3:18.

INT KIF TWIEĠEB?

Minkejja l-​istat midneb tagħna, kif nistgħu nigglorifikaw lil Ġeħova?

It-​talb u l-​laqgħat tagħna, kif jgħinuna nirriflettu l-​glorja t’Alla?

X’jistaʼ jgħinna nkomplu nigglorifikaw lil Ġeħova?

1, 2. Għala hu raġunevoli li nistennew li nistgħu nimitaw il-​kwalitajiet taʼ Ġeħova?

 B’XI MOD jew ieħor, aħna lkoll nixbhu lill-​ġenituri tagħna. Għalhekk, mhijiex sorpriża li tismaʼ lil xi ħadd jgħid lil tifel, ‘Int fula maqsuma maʼ missierek.’ Lil tifla għandhom mnejn jgħidulha, ‘Wiċċ ommok għandek.’ U t-​tfal spiss jimitaw dak li jaraw fil-​ġenituri tagħhom. Imma xi ngħidu għalina? Nistgħu aħna nimitaw lil Missierna tas-​sema, Ġeħova? Għalkemm qatt ma rajnieh, nistgħu nitgħallmu dwar il-​kwalitajiet prezzjużi tiegħu billi nistudjaw il-​Kelma tiegħu, nosservaw il-​ħolqien tiegħu, u nimmeditaw fuq l-​Iskrittura u speċjalment fuq il-​kliem u l-​għemejjel tal-​Iben t’Alla, Ġesù Kristu. (Ġw. 1:18; Rum. 1:20) Huwa possibbli għalina li nirriflettu l-​glorja taʼ Ġeħova.

2 Qabel ma nħalqu Adam u Eva, Alla kien fiduċjuż li l-​bnedmin setgħu jwettqu r-​rieda tiegħu, jirriflettu l-​kwalitajiet tiegħu, u jigglorifikawh. (Aqra Ġenesi 1:26, 27.) Bħala Kristjani, aħna rridu nimitaw il-​kwalitajiet t’Alla tagħna. Jekk nagħmlu hekk, ikollna l-​unur kbir li nirriflettu l-​glorja t’Alla hi x’inhi l-​kultura, l-​edukazzjoni, jew l-​isfond etniku tagħna. Għala? Għaliex “Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-​sewwa hu aċċettat minnu.”—Atti 10:34, 35.

3. Il-​Kristjani liema sentiment jistgħu jesperjenzaw hekk kif jaqdu lil Ġeħova?

3 Il-​Kristjani midlukin jirriflettu l-​glorja taʼ Ġeħova. Għalhekk, l-​appostlu Pawlu, imnissel mill-​ispirtu, kiteb: “Ilkoll kemm aħna, waqt li b’wiċċna mingħajr velu nirriflettu bħall-​mirja l-​glorja taʼ Ġeħova, nitbiddlu fl-​istess xbieha minn glorja għal glorja akbar.” (2 Kor. 3:18) Meta l-​profeta Mosè niżel minn fuq il-​Muntanja Sinaj bit-​twavel li kien fihom l-​Għaxar Kmandamenti, minn wiċċu kienu ħerġin ir-​raġġi għaliex Ġeħova kien tkellem miegħu. (Eżo. 34:29, 30) Għalkemm il-​Kristjani m’għaddewx minn esperjenza bħal din u minn wiċċhom ma joħorġux raġġi, wiċċhom jixgħel bil-​ferħ hekk kif jgħidu lil ħaddieħor dwar Ġeħova, il-​kwalitajiet tiegħu, u l-​iskop meraviljuż li għandu għall-​bnedmin. Bħal mirja tal-​metall li jleqqu tal-​qedem, uħud midlukin u sħabhom tal-​art b’hekk jirriflettu l-​glorja taʼ Ġeħova f’ħajjithom u fil-​ministeru tagħhom. (2 Kor. 4:1) Qed tirrifletti int il-​glorja taʼ Ġeħova billi tgħix b’tali mod li jogħġbu u billi tkun attiv bħala proklamatur regulari tas-​Saltna?

NIXTIEQU NIRRIFLETTU L-​GLORJA TAʼ ĠEĦOVA

4, 5. (a) Bħal Pawlu, aħna liema taqbida għandna? (b) Id-​dnub kif effettwana?

4 Bħala qaddejja taʼ Ġeħova, aħna ċertament li nixtiequ nonoraw u nigglorifikaw lill-​Ħallieq tagħna f’kulma nagħmlu. Madankollu, spiss ma nagħmlux dak li nixtiequ nagħmlu. Pawlu kellu jissielet personalment maʼ din il-​problema. (Aqra Rumani 7:21-​25.) Billi spjega għala għandna taqbida bħal din, Pawlu kiteb: “Kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-​glorja t’Alla.” (Rum. 3:23) Minħabba li dineb Adam, il-​bnedmin kollha jitwieldu bħala lsiera tad-​dnub, li hu bħal sultan krudil li jaħkem fuqhom.—Rum. 5:12; 6:12.

5 X’inhu d-​dnub? Hu kwalunkwe ħaġa li hi kuntrarja għall-​personalità, il-​modi, il-​livelli, u r-​rieda taʼ Ġeħova. Id-​dnub iħassar ir-​relazzjoni li individwu jkollu m’Alla. Id-​dnub ma jħalliniex nirriflettu l-​glorja t’Alla, saħansitra bħalma arċier jistaʼ jispara vleġġa imma xi ħaġa ma tħallihx jolqot il-​mira. Aħna nistgħu nidinbu intenzjonalment jew bi żball. (Num. 15:27-​31) Id-​dnub hu minqux profondament fil-​bnedmin u joħloq tfixkil bejnhom u bejn il-​Ħallieq tagħhom. (Salm 51:5; Is. 59:2; Kol. 1:21) B’hekk, il-​bnedmin inġenerali mhuma f’armonija xejn maʼ Ġeħova u jitilfu l-​opportunità imprezzabbli li jirriflettu l-​glorja t’Alla. Bla dubju, id-​dnub huwa l-​agħar diżabilità li qed tifni lill-​umanità.

6. Minkejja l-​istat midneb tagħna, kif nistgħu nigglorifikaw lil Alla?

6 Minkejja l-​kundizzjoni midinba tagħna, Ġeħova wera li hu “l-​Alla li jagħti t-​tama.” (Rum. 15:13) Hu pprovda l-​mezz biex ineħħi d-​dnub għalkollox—is-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Ġesù Kristu. Billi neżerċitaw il-​fidi f’dan is-​sagrifiċċju, aħna ma nibqgħux “ilsiera tad-​dnub,” imma nkunu f’pożizzjoni li nirriflettu l-​glorja taʼ Ġeħova. (Rum. 5:19; 6:6; Ġw. 3:16) Il-​fatt li nżommu din ir-​relazzjoni approvata m’Alla jiggarantilna l-​barka taʼ Ġeħova issa kif ukoll il-​benefiċċji tal-​perfezzjoni u tal-​ħajja taʼ dejjem fil-​futur. Għalkemm xorta għadna bnedmin midinbin, x’barka hi li Alla jħares lejna bħala individwi li nistgħu nirriflettu l-​glorja tiegħu!

NIRRIFLETTU L-​GLORJA T’ALLA

7. Xi rridu nammettu dwarna nfusna sabiex nirriflettu l-​glorja t’Alla?

7 Biex inkunu f’pożizzjoni xierqa ħalli nirriflettu l-​glorja t’Alla, aħna rridu nirrikonoxxu onestament li aħna midinbin. (2 Kron. 6:36) Għandna bżonn nammettu li għandna inklinazzjonijiet midinbin u rridu naħdmu biex nikkontrollawhom sabiex inkunu nistgħu nagħmlu progress sal-​punt li verament nigglorifikaw lil Alla. Pereżempju, jekk waqajna fid-​dnub li jiddiżonorana taʼ li naraw il-​pornografija, irridu niffaċċjaw il-​fatt li neħtieġu l-​għajnuna spiritwali—u naġixxu biex niksbuha. (Ġak. 5:14, 15) Dan ikun l-​ewwel pass li rridu nieħdu biex naħdmu għal ħajja li tonora bis-​sħiħ lil Alla. Bħala wħud li nqimu lil Ġeħova, aħna rridu kontinwament neżaminaw lilna nfusna biex naraw jekk aħniex ngħixu skont il-​livelli ġusti tiegħu. (Prov. 28:18; 1 Kor. 10:12) Hi x’inhi n-​natura tat-​tendenzi midinbin tagħna, irridu nibqgħu niġġieldu kontrihom sabiex inkunu nistgħu nirriflettu l-​glorja t’Alla.

8. Għalkemm m’aħniex perfetti, x’għandna nagħmlu?

8 Ġesù kien l-​uniku bniedem li dejjem għamel dak li jogħġob lil Alla u rrifletta perfettament il-​glorja Tiegħu. Għalkemm m’aħniex perfetti bħal Ġesù, nistgħu u għandna nistinkaw biex insegwu l-​eżempju tiegħu. (1 Pt. 2:21) Ġeħova jiżen l-​isforz li nagħmlu flimkien mal-​progress li nagħmlu, u hu jbierek l-​isforz ħerqan tagħna biex nigglorifikawh.

9. Il-​Bibbja liema rwol għandha fil-​ħajjiet tal-​Kristjani li jixtiequ jgħixu skont il-​ħtiġijiet t’Alla?

9 Il-​Bibbja tistaʼ tgħinna nifhmu kif nistgħu nirriflettu aħjar il-​glorja t’Alla. Studju profond tal-​Iskrittura u qari tal-​Bibbja bil-​meditazzjoni huma essenzjali. (Salm 1:1-​3) Il-​qari kuljum tal-​Iskrittura se jgħinna nitjiebu. (Aqra Ġakbu 1:22-​25.) L-​għarfien Bibliku huwa l-​bażi għall-​fidi tagħna u huwa l-​mezz li bih insaħħu d-​determinazzjoni tagħna biex nevitaw id-​dnub gravi u biex nogħġbu lil Ġeħova.—Salm 119:11, 47, 48.

10. It-​talb kif jistaʼ jgħinna naqdu lil Ġeħova iktar bis-​sħiħ?

10 Biex nirriflettu l-​glorja t’Alla għandna bżonn ukoll li ‘nipperseveraw fit-​talb.’ (Rum. 12:12) Nistgħu u għandna nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna naqduh b’mod aċċettabbli. Għal dan l-​għan, nistgħu nitolbuh b’mod xieraq għall-​ispirtu qaddis, għal iktar fidi, għas-​saħħa biex nirreżistu t-​tentazzjoni, u għall-​abbiltà biex ‘nimmaniġġaw sew il-​kelma tal-​verità.’ (2 Tim. 2:15; Mt. 6:13; Lq. 11:13; 17:5) Bħalma tifel jew tifla tiddependi minn missierha, hekk ukoll aħna għandna bżonn niddependu minn Ġeħova, Missierna tas-​sema. Jekk nitolbuh biex jgħinna naqduh iktar bis-​sħiħ, jistaʼ jkollna l-​fiduċja li hekk se jagħmel. Jalla qatt ma nħossuna li qed indejquh! Minflok, fit-​talb ejja nfaħħruh, nirringrazzjawh, infittxu d-​direzzjoni tiegħu speċjalment meta nkunu għaddejjin minn xi prova, u nitolbuh biex jgħinna naqduh b’modi li jigglorifikaw l-​isem qaddis tiegħu.—Salm 86:12; Ġak. 1:5-​7.

11. Il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni kif jgħinuna nirriflettu l-​glorja t’Alla?

11 Alla ta lill-​“ilsir leali u għaqli” r-​responsabbiltà li jieħu ħsieb in-​nagħaġ prezzjużi Tiegħu. (Mt. 24:45-​47; Salm 100:3) Il-​klassi tal-​ilsir tinteressa ruħha ferm f’kif sħabha fit-​twemmin qed jirriflettu l-​glorja taʼ Ġeħova. Bħalma nistgħu nqabbdu lil xi ħajjat jirranġalna l-​ilbies sabiex nidhru aħjar, hekk ukoll id-​dehra tagħna bħala ministri Kristjani tiġi aġġustata fil-​laqgħat tagħna. (Ebr. 10:24, 25) Hu għalhekk li għandna naslu għal-​laqgħat fil-​ħin. Jekk għandna d-​drawwa li naslu tard għal-​laqgħat, m’aħniex se nibbenefikaw mill-​għajnuna kollha li nistgħu niksbu minnhom.

EJJA NIMITAW LIL ALLA

12. Kif nistgħu nimitaw lil Alla?

12 Jekk se nirriflettu l-​glorja taʼ Ġeħova, irridu ‘nimitaw lil Alla.’ (Efes. 5:1) Mod wieħed kif nimitaw lil Ġeħova hu billi nitgħallmu naħsbu kif jaħseb hu. Meta nipprovaw nagħmlu l-​affarijiet kif jidhrilna u mhux skont il-​ħsib t’Alla, niddiżonoraw lilu u nagħmlu ħsara lilna nfusna. Ladarba d-​dinja li għandna madwarna hi influwenzata mill-​wieħed mill-​agħar, Satana x-​Xitan, irridu naħdmu iebes biex nobogħdu dak li jobgħod Ġeħova u jkollna mħabba profonda lejn dak li jħobb hu. (Salm 97:10; 1 Ġw. 5:19) Għandna bżonn inkunu konvinti b’qalbna kollha li l-​uniku mod xieraq kif naqdu lil Alla hu billi nagħmlu kollox għall-​glorja tiegħu.—Aqra l-1 Korintin 10:31.

13. Għala għandna nobogħduh id-​dnub, u dan x’se jqanqalna biex nagħmlu?

13 Ġeħova jobogħdu d-​dnub, u hekk għandna nagħmlu aħna. Tabilħaqq, irridu nitbiegħdu kemm jistaʼ jkun mill-​għemil ħażin u mhux naraw kemm nistgħu nersqu qribu mingħajr ma nidinbu. Pereżempju, għandna bżonn ngħassu kontra li nċedu għall-​apostasija, dnub li jagħmilna mhux denji li nigglorifikaw lil Alla. (Dt. 13:6-​9) Għalhekk, ejja ma jkollna x’naqsmu xejn mal-​apostati jew maʼ xi ħadd li jsostni li hu ħu imma li qed jiddiżonora lil Alla. Dan għandu jkun il-​każ anki jekk ikun membru tal-​familja. (1 Kor. 5:11) Ma nibbenefikawx jekk nipprovaw inwaqqgħu l-​argumenti tal-​apostati jew taʼ dawk li jikkritikaw lill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Fil-​fatt, huwa spiritwalment perikoluż u mhux xieraq li naqraw l-​informazzjoni tagħhom, kemm jekk tidher fil-​kitba u kemm jekk tinsab fuq l-​Internet.—Aqra Isaija 5:20; Mattew 7:6.

14. Meta nkunu qed naħdmu biex nirriflettu l-​glorja t’Alla, liema kwalità għandha tispikka fina, u għala?

14 Li nuru l-​imħabba hu mod li jispikka taʼ kif nimitaw lil Missierna tas-​sema. Iva, bħalu aħna għandna nħobbu lil ħaddieħor. (1 Ġw. 4:16-​19) Fil-​fatt, l-​imħabba li għandna bejnietna tidentifikana bħala dixxipli taʼ Ġesù u qaddejja taʼ Ġeħova. (Ġw. 13:34, 35) Għalkemm l-​istat midneb li writna jistaʼ kultant ifixkilna, irridu nwarrbu dan fil-​ġenb u nuru l-​imħabba l-​ħin kollu. L-​isforzi li nagħmlu biex nuru mħabba u kwalitajiet divini oħrajn mhux se jħalluna nidinbu u nagħmlu affarijiet li jweġġgħu.—2 Pt. 1:5-​7.

15. L-​imħabba kif teffettwa r-​relazzjoni tagħna maʼ ħaddieħor?

15 L-​imħabba ġġegħelna nkunu rridu nagħmlu affarijiet tajbin għal ħaddieħor. (Rum. 13:8-​10) Pereżempju, l-​imħabba lejn is-​sieħeb jew is-​sieħba tagħna fiż-​żwieġ se tgħinna nżommu s-​sodda taż-​żwieġ bla tinġis. L-​imħabba lejn l-​anzjani, flimkien maʼ rispett lejn ix-​xogħol tagħhom, se tgħinna nkunu ubbidjenti u sottomessi lejn id-​direzzjoni tagħhom. Tfal li jħobbu lill-​ġenituri tagħhom jobduhom u jirrispettawhom u ma jgħidu xejn negattiv dwarhom. Jekk inħobbu lil ħaddieħor, ma nqisuhx bħala li hu inferjuri jew inkellmuh bla rispett. (Ġak. 3:9) U anzjani li jħobbu lin-​nagħaġ t’Alla se jittrattawhom b’tenerezza.—Atti 20:28, 29.

16. L-​imħabba kif tgħinna fil-​ministeru tagħna?

16 L-​imħabba għandha tkun evidenti wkoll fil-​ministeru tagħna. Peress li għandna mħabba kbira lejn Ġeħova, mhux se nħossuna skuraġġiti meta n-​nies ma jagħtuniex widen jew ma jurux interess. Minflok, se nkomplu nippritkaw l-​aħbar tajba. L-​imħabba se tqanqalna nippreparaw sew u nistinkaw biex inkunu effettivi fil-​ministeru. Jekk verament inħobbu lil Alla u lill-​proxxmu tagħna, m’aħniex se nqisu x-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna bħala dmir jew taʼ bilfors. Minflok, se nikkunsidrawh bħala privileġġ kbir u se nagħmluh bil-​ferħ.—Mt. 10:7.

IBQGĦU GGLORIFIKAW LIL ĠEĦOVA

17. Peress li nifhmu li d-​dnub ma jħalliniex nirriflettu l-​glorja t’Alla, x’għandna bżonn nagħmlu?

17 Il-​biċċa l-​kbira min-​nies fid-​dinja ma jirrealizzawx kemm hu serju d-​dnub. Imma aħna iva. Għal din ir-​raġuni, nafu li għandna bżonn niġġieldu kontra t-​tendenza tagħna li nidinbu. Nafu wkoll li għandna bżonn inħarrġu l-​kuxjenza tagħna sabiex tgħinna nagħmlu dak li hu sewwa malli nibdew nixtiequ xi ħaġa li hi ħażina. (Rum. 7:22, 23) Veru, forsi aħna dgħajfin, imma Alla jistaʼ jsaħħaħna biex nagħmlu dak li hu sewwa fi kwalunkwe sitwazzjoni.—2 Kor. 12:10.

18, 19. (a) X’jgħinna biex nirbħu l-​ġlieda kontra l-​forzi tal-​ispirti mill-​agħar? (b) X’għandha tkun id-​determinazzjoni tagħna?

18 Jekk se nigglorifikaw lil Ġeħova, irridu niġġieldu wkoll kontra l-​forzi tal-​ispirti mill-​agħar. Nistgħu nirbħu l-​ġlieda tagħna kontrihom bl-​għajnuna ‘tal-​armatura mingħand Alla.’ (Efes. 6:11-​13) Satana jagħmel minn kollox biex lil Ġeħova jiħodlu l-​glorja li tistħoqq Lilu biss. Ix-​Xitan ikompli wkoll jagħmel kull sforz biex jeqred ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Imma x’daqqa taʼ ħarta jieħu Satana meta aħna u miljuni taʼ rġiel, nisa, u tfal imperfetti oħrajn inżommu l-​integrità u nigglorifikaw lil Alla! Għalhekk, ejja nkomplu nfaħħru lil Ġeħova, bħall-​ħlejjaq tas-​sema li jesklamaw: “Int jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-​glorja u l-​unur u l-​qawwa, għax int ħlaqt l-​affarijiet kollha, u bir-​rieda tiegħek eżistew u nħolqu.”—Riv. 4:11.

19 Jalla tkun id-​determinazzjoni tagħna li nibqgħu nigglorifikaw lil Ġeħova, jiġri x’jiġri. Hu żgur li jithenna li tant individwi leali qed jagħmlu l-​almu tagħhom biex jimitawh u jirriflettu l-​glorja tiegħu. (Prov. 27:11) Jalla s-​sentimenti tagħna jkunu bħal dawk taʼ David, li kanta: “Infaħħrek, O Ġeħova Alla tiegħi, b’qalbi kollha, u nigglorifika lil ismek għal dejjem.” (Salm 86:12) Għandna sebaʼ mitt sena biex jasal dak il-​jum meta se nirriflettu l-​glorja taʼ Ġeħova b’mod perfett u nkunu nistgħu nfaħħruh għal dejjem! Kemm se tkun ħaġa meraviljuża li ngħixu dakinhar! Qed tirrifletti int il-​glorja t’Alla Ġeħova issa, bil-​prospett li tagħmel hekk matul l-​eternità kollha?

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Stampi f’paġna 27]

Qed tirrifletti int il-​glorja taʼ Ġeħova b’dawn il-​modi?