Ġeħova Hu “Dak li Jirrivela s-Sigrieti”
“Tassew li l-Alla tagħkom hu Alla taʼ l-allat, Sid is-slaten, u Dak li jirrivela s-sigrieti.”—DAN. 2:47.
INT KIF TWIEĠEB?
Ġeħova rrivelalna liema dettalji dwar il-futur?
L-ewwel sitt irjus tal-bhima salvaġġa x’jirrappreżentaw?
Liema partijiet tal-bhima salvaġġa u tax-xbieha fil-ħolma taʼ Nebukadnessar ifissru l-istess affarijiet?
1, 2. Ġeħova xi rrivelalna, u għala għamel dan?
EŻATT qabel ma s-saltna t’Alla teqred lill-gvernijiet umani kollha, liema minnhom se jkun l-iktar setgħan? It-tweġiba nafuha għax Alla Ġeħova hu “Dak li jirrivela s-sigrieti,” u rrivelahielna f’dak li kiteb il-profeta Danjel u l-appostlu Ġwanni.
2 Ġeħova ta lil Danjel u lil Ġwanni diversi viżjonijiet taʼ bhejjem salvaġġi. Ukoll, lil Danjel spjegalu x’kienet tfisser ħolma profetika dwar xbieha enormi tal-metall. Ġeħova għamel ċert li dawn ir-rakkonti jinkitbu u jiġu preservati fil-Bibbja għall-ġid tagħna. (Rum. 15:4) Dan għamlu biex isaħħaħ it-tama tagħna li dalwaqt Saltnatu se tfarrak lill-gvernijiet umani kollha.—Dan. 2:44.
3. Biex nifhmu l-profeziji fil-Bibbja, xi rridu nifhmu l-ewwel, u għala?
3 Il-profeziji taʼ Danjel u Ġwanni jirrivelaw informazzjoni dwar tmien slaten, jew ħakmiet umani, u juru f’liema ordni kellhom jidhru. Imma dawn il-profeziji nistgħu nifhmuhom biss jekk nifhmu l-ewwel profezija fil-Bibbja. Għala? Għax il-Bibbja kollha u l-profeziji kollha li hemm fiha huma konnessi mal-ewwel profezija.
IN-NISEL TAS-SERP U L-BHIMA SALVAĠĠA
4. (a) Min huma ż-żewġ partijiet tan-nisel tal-mara? (b) Dan in-nisel x’se jagħmel?
4 Ftit wara r-ribelljoni fl-Għeden, Ġeħova wiegħed li “mara” kienet se tipproduċi ‘nisel.’ a (Aqra Ġenesi 3:15.) Dan in-nisel kien eventwalment se jisħaq lil Satana f’rasu. Ġeħova iktar tard irrivela li n-nisel kellu jkun dixxendent t’Abraham, mill-ġens t’Iżrael, mit-tribù taʼ Ġuda, u mill-familja tas-Sultan David. (Ġen. 22:15-18; 49:10; Salm 89:3, 4; Lq. 1:30-33) Kristu Ġesù hu l-parti prinċipali tan-nisel. (Gal. 3:16) Il-parti sekondarja tan-nisel hi magħmula mill-membri tal-kongregazzjoni Kristjana li huma midlukin bl-ispirtu. (Gal. 3:26-29) Flimkien, Ġesù u dawn l-uħud midlukin jifformaw is-Saltna t’Alla. Alla se juża lil din is-Saltna biex jeqred lil Satana.—Lq. 12:32; Rum. 16:20.
5, 6. (a) Danjel u Ġwanni kemm-il gvern setgħan jidentifikaw? (b) Xi jfissru l-irjus tal-bhima salvaġġa tar-Rivelazzjoni?
5 Din l-ewwel profezija li ngħatat fl-Għeden stqarret ukoll li Satana kien se jipproduċi ‘nisel.’ In-nisel tiegħu kien se jkollu għadwa, jew mibegħda, għan-nisel tal-mara. Min jifforma n-nisel tas-serp? Dawk kollha li jimitaw il-mibegħda taʼ Satana għal Alla u li jopponu lill-poplu t’Alla. Minbarra organizzazzjonijiet reliġjużi u militari, Satana organizza wkoll lil nislu f’bosta gvernijiet, jew saltniet. (Lq. 4:5, 6) Uħud biss minn dawn il-gvernijiet iġġieldu direttament kontra l-poplu t’Alla, jiġifieri, kontra l-ġens t’Iżrael jew il-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin. Dan jgħinna nifhmu għala l-viżjonijiet taʼ Danjel u Ġwanni jsemmu biss tmien qawwiet setgħanin avolja kien hemm oħrajn.
6 Kważi elfejn sena ilu, Ġesù rxoxtat ta lill-appostlu Ġwanni serje taʼ viżjonijiet impressjonanti ħafna. (Riv. 1:1) F’waħda minnhom, Ġwanni ra lix-Xitan, rappreżentat bħala dragun, bilwieqfa f’xatt taʼ baħar kbir. (Aqra Rivelazzjoni 13:1, 2.) Ġwanni ra wkoll bhima salvaġġa stramba ħierġa mill-baħar. Din kellha sebat irjus u ngħatat awtorità kbira mix-Xitan. Iktar tard, Ġwanni ra bhima lewn l-iskarlat li wkoll kellha sebat irjus. Din kienet xbieha tal-bhima salvaġġa taʼ Rivelazzjoni 13:1. Anġlu qal lil Ġwanni li s-sebat irjus tal-bhima lewn l-iskarlat ifissru “sebaʼ slaten,” jew gvernijiet. (Riv. 13:14, 15; 17:3, 9, 10) Meta Ġwanni kiteb il-ktieb tar-Rivelazzjoni, ħamsa minn dawn kienu waqgħu, wieħed kien qed jaħkem, u l-ieħor kien “għadu ma wasalx.” X’inhi l-identità taʼ dawn is-saltniet, jew qawwiet dinjin? Ejja nikkunsidraw kull waħda mill-irjus tal-bhima deskritta fir-Rivelazzjoni. Ukoll, se nitgħallmu iktar dwar ħafna minn dawn il-gvernijiet mill-ktieb taʼ Danjel. Il-profeziji taʼ Danjel taw dettalji dwar ftit minn dawn il-gvernijiet mijiet taʼ snin saħansitra qabel ma kienu jeżistu.
L-EWWEL ŻEWĠT IRJUS IFISSRU L-EĠITTU U L-ASSIRJA
7. L-ewwel ras x’tirrappreżenta, u għala?
7 L-ewwel ras tal-bhima tirrappreżenta lill-Eġittu. Għala? Għax l-Eġittu kien l-ewwel qawwa dinjija li wera għadwa lejn il-poplu t’Alla. Id-dixxendenti t’Abraham—li minnhom kellu jiġi n-nisel imwiegħed tal-mara—kotru fl-Eġittu. Imbagħad, l-Eġittu ħaqar lil Iżrael. Satana pprova jġib lill-poplu t’Alla fix-xejn qabel ma setaʼ jasal in-nisel. Kif? Billi qanqal lill-Fargħun biex joqtol lit-tfal subien Iżraelin kollha. Imma Ġeħova ma ħalliex dan jiġri lil niesu u ħelishom mill-Eġittu. (Eżo. 1:15-20; 14:13) Iktar tard, lill-Iżraelin tahom l-Art Imwiegħda.
8. (a) X’inhi l-identità tat-tieni ras? (b) Din xi pprovat tagħmel?
8 It-tieni ras tal-bhima tirrappreżenta lill-Assirja. Din is-saltna setgħana wkoll ipprovat telimina lill-poplu t’Alla. Huwa minnu li Ġeħova uża l-Assirja biex jikkastiga lis-saltna b’għaxar tribujiet minħabba l-idolatrija u r-ribelljoni tagħhom. Madankollu, l-Assirja mbagħad attakkat lil Ġerusalemm. Forsi Satana ried jeqred lill-familja taʼ slaten f’Ġerusalemm għax Ġesù kellu jiġi minn din il-familja. Dan l-attakk ma kienx parti mill-iskop taʼ Ġeħova, u b’mod mirakoluż ħeles lill-poplu leali tiegħu billi qered lill-armata Assirjana.—2 Slat. 19:32-35; Is. 10:5, 6, 12-15.
IT-TIELET RAS TFISSER BABILONJA
9, 10. (a) Ġeħova x’ħalliehom jagħmlu lill-Babiloniżi? (b) Sabiex titwettaq il-profezija, x’kellu jiġri?
9 It-tielet ras tal-bhima li ra Ġwanni tirrappreżenta lis-saltna li Babilonja kienet il-belt kapitali tagħha. Ġeħova ħalla lill-Babiloniżi jeqirdu lil Ġerusalemm u jieħdu lill-poplu tiegħu fil-jasar. Iżda qabel ma ppermetta din l-umiljazzjoni, Ġeħova wissa lill-Iżraelin ribellużi li kienu se jintlaqtu minn traġedja bħal din. (2 Slat. 20:16-18) Ġeħova qal ukoll lill-Iżraelin li ma kienx se jibqaʼ jħalli lis-slaten tagħhom joqogħdu fuq “it-tron” tiegħu f’Ġerusalemm. (1 Kron. 29:23) Madankollu, Ġeħova wiegħed li dixxendent tas-Sultan David, wieħed li kellu “d-dritt legali,” kien se jmur u jieħu lura din l-awtorità.—Eżek. 21:25-27.
10 Profezija oħra indikat li l-Lhud kienu se jkunu għadhom qed iqimu fit-tempju f’Ġerusalemm meta jasal il-Messija mwiegħed, jew il-Midluk. (Dan. 9:24-27) U qabel ma l-Iżraelin kienu priġunieri f’Babilonja, profezija oħra qalet li l-Messija kien se jitwieled f’Betlehem. (Mik. 5:2) Biex dawn il-profeziji jitwettqu, il-Lhud kellhom jinħelsu mill-jasar, imorru lura art twelidhom, u jerġgħu jibnu t-tempju. Imma ma kinitx id-drawwa tal-Babiloniżi li jeħilsu lill-priġunieri tagħhom. Kif kienet se tingħeleb din l-isfida? Ġeħova rrivela t-tweġiba lill-profeti tiegħu.—Għam. 3:7.
11. L-Imperu Babiloniż hu rappreżentat b’liema modi differenti? (Ara n-nota taʼ taħt.)
11 Il-profeta Danjel kien fost il-priġunieri li ttieħdu Babilonja. (Dan. 1:1-6) Ġeħova rrivela lil Danjel li wara Babilonja kien se jkun hemm qawwiet dinjin oħrajn li kellhom jiġu waħda wara l-oħra. Ġeħova għarraf dawn is-sigrieti billi uża għadd taʼ simboli differenti. Pereżempju, lis-Sultan Nebukadnessar taʼ Babilonja tah ħolma dwar xbieha enormi li kienet magħmula minn metalli differenti. (Aqra Danjel 2:1, 19, 31-38.) Permezz taʼ Danjel, Ġeħova rrivela li r-ras tad-deheb tax-xbieha ssimbolizzat l-Imperu Babiloniż. b Il-qawwa dinjija wara Babilonja hi rappreżentata mis-sider u d-dirgħajn tal-fidda. X’kienet se tkun din il-qawwa, u kif kienet se tittratta lill-poplu t’Alla?
IR-RABAʼ RAS TFISSER IL-MEDO-PERSJA
12, 13. (a) Ġeħova xi rrivela dwar il-qawwa dinjija li kienet se tegħleb lil Babilonja? (b) Il-Medo-Persja għala b’mod xieraq hi rappreżentata mir-rabaʼ ras tal-bhima salvaġġa?
12 Iktar minn seklu qabel żmien Danjel, permezz tal-profeta Isaija, Ġeħova rrivela dettalji dwar il-qawwa dinjija li kienet se tegħleb lil Babilonja. Ġeħova ma għarrafx biss b’liema mod kienet se tintrebaħ il-belt taʼ Babilonja imma wkoll ta l-isem taʼ min kien se jegħlibha. Dan il-mexxej kien Ċiru l-Persjan. (Is. 44:28–45:2) Danjel ingħata żewġ viżjonijiet oħrajn dwar il-Qawwa Dinjija Medo-Persjana. F’waħda minnhom, is-saltna kienet deskritta bħal ors li fuq ġenb wieħed kien merfugħ ’il fuq. Intqallu biex ‘jiekol ħafna laħam.’ (Dan. 7:5) F’viżjoni oħra, Danjel ra lil din il-qawwa dinjija simbolizzata minn muntun b’żewġt iqrun.—Dan. 8:3, 20.
13 Ġeħova uża l-Medo-Persja biex tegħleb lil Babilonja u tħalli lill-Iżraelin imorru lura f’arthom, eżatt bħalma kien bassar. (2 Kron. 36:22, 23) Imma iktar tard, il-Medo-Persja pprovat teqred lill-poplu t’Alla. Fil-ktieb Bibliku t’Ester naqraw li Ħaman, uffiċjal importanti ferm tal-Persja, ried joqtol lil-Lhud kollha li kienu jgħixu f’din is-saltna kbira. Ħaman qal lin-nies madwar l-imperu kollu biex joqtlu lil-Lhud kollha f’ġurnata magħżula minnu. Madankollu, Ġeħova għal darb’oħra pproteġa lill-poplu tiegħu mill-mibegħda tan-nisel taʼ Satana. (Est. 1:1-3; 3:8, 9; 8:3, 9-14) Għalhekk, il-Medo-Persja b’mod xieraq hi rappreżentata mir-rabaʼ ras tal-bhima tar-Rivelazzjoni.
IL-ĦAMES RAS TFISSER IL-GREĊJA
14, 15. Ġeħova liema dettalji jirrivela dwar l-Imperu Grieg tal-qedem?
14 Il-ħames ras tal-bhima salvaġġa tar-Rivelazzjoni tirrappreżenta lill-Greċja. Bħalma kien irrivela Danjel iktar qabel meta interpreta l-ħolma taʼ Nebukadnessar, din l-istess qawwa hi simbolizzata miż-żaqq u l-koxxtejn tar-ram aħmar tax-xbieha. Danjel ingħata wkoll żewġ viżjonijiet li jipprovdu dettalji tal-għaġeb kemm dwar is-saltna tal-Greċja kif ukoll dwar l-akbar ħakkiem tagħha.
15 F’viżjoni minnhom, Danjel ra lill-Greċja rappreżentata minn leopard b’erbaʼ ġwienaħ, u dan indika li dan l-imperu kien se jegħleb nazzjonijiet oħrajn malajr ħafna. (Dan. 7:6) F’viżjoni oħra, Danjel iddeskriva kif bodbod b’qarn wieħed prominenti malajr joqtol muntun b’żewġt iqrun, il-Medo-Persja. Ġeħova qal lil Danjel li l-bodbod irrappreżenta lill-Greċja u l-qarn il-kbir irrappreżenta wieħed mis-slaten tagħha. Danjel kiteb ukoll li l-qarn il-kbir kien se jinkiser u erbat iqrun iżgħar kienu se jikbru floku. Avolja din il-profezija nkitbet mijiet taʼ snin qabel ma l-Greċja saret dominanti, kull dettall seħħ. Alessandru l-Kbir, l-iktar sultan prominenti tal-Greċja tal-qedem, mexxa lill-armata Griega kontra l-Medo-Persja. Però, dan il-qarn ma damx ma nkiser għax fl-età taʼ 32 sena biss is-sultan kbir miet fl-aqwa tal-poter tiegħu. Imbagħad, is-saltna tiegħu eventwalment inqasmet bejn erbgħa mill-ġenerali tiegħu.—Aqra Danjel 8:20-22.
16. X’għamel Antijoku IV?
16 Wara li għelbet lill-Persja, il-Greċja ħakmet fuq Iżrael. Sadanittant, il-Lhud kienu reġgħu ssetiljaw fl-Art Imwiegħda u kienu reġgħu bnew it-tempju f’Ġerusalemm. Kienu għadhom il-poplu magħżul t’Alla, u t-tempju mibni mill-ġdid kien għadu ċ-ċentru għall-qima vera. Madankollu, fit-tieni seklu Q.E.K., il-Greċja, il-ħames ras tal-bhima salvaġġa, attakkat lill-poplu t’Alla. Antijoku IV, wieħed mill-werrieta tal-imperu maqsum t’Alessandru, poġġa artal pagan fit-tempju f’Ġerusalemm u qal li dawk li pprattikaw ir-reliġjon tal-Lhud kellhom jiġu kastigati bil-mewt. X’att taʼ mibegħda minn parti min-nisel taʼ Satana! Iżda qawwa dinjija oħra ma damitx ma ħadet post il-Greċja. X’kien se jkun is-sitt ras tal-bhima salvaġġa?
IS-SITT RAS TFISSER RUMA, LI KIENET “TAL-BIŻAʼ U TERRIBBLI”
17. Is-sitt ras kellha liema rwol importanti fit-twettiq taʼ Ġenesi 3:15?
17 Ruma kienet il-qawwa dinjija meta Ġwanni ngħata l-viżjoni tal-bhima salvaġġa. (Riv. 17:10) Din is-sitt ras kellha rwol importanti fit-twettiq tal-profezija mniżżla f’Ġenesi 3:15. Satana uża uffiċjali Rumani biex jisħqu lin-nisel fl-‘għarqub.’ Ir-Rumani ttrattaw lil Ġesù bħala ribell li ġġieled kontra l-gvern tagħhom, iġġudikawh, u qatluh. (Mt. 27:26) Imma din il-ferita ma damitx ma fieqet għax Ġeħova qajjem lil Ġesù mill-mewt.
18. (a) Ġeħova għażel liema ġens ġdid, u għala? (b) In-nisel tas-serp kif baqaʼ juri mibegħda lejn in-nisel tal-mara?
18 Il-mexxejja reliġjużi t’Iżrael ikkonfoffaw maʼ Ruma kontra Ġesù, u l-biċċa l-kbira mill-ġens ukoll ċaħduh. B’hekk, Ġeħova ċaħad lil Iżrael naturali milli jkun il-poplu tiegħu. (Mt. 23:38; Atti 2:22, 23) Issa hu għażel ġens ġdid, “l-Israel t’Alla.” (Gal. 3:26-29; 6:16) Dan il-ġens kien il-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin magħmula kemm minn Lhud kif ukoll minn Ġentili. (Efes. 2:11-18) Wara l-mewt u l-irxoxt taʼ Ġesù, in-nisel tas-serp baqaʼ juri mibegħda lejn in-nisel tal-mara. Iktar minn darba, Ruma pprovat iġġibha fix-xejn lill-kongregazzjoni Kristjana, il-parti sekondarja tan-nisel. c
19. (a) Danjel kif jiddeskrivi s-sitt qawwa dinjija? (b) L-artiklu f’paġna 14 se jwieġeb liema mistoqsijiet?
19 Fil-ħolma li Danjel interpreta għal Nebukadnessar, Ruma hi rappreżentata mir-riġlejn tal-ħadid. (Dan. 2:33) Danjel ra wkoll viżjoni li tiddeskrivi tajjeb mhux biss l-Imperu Ruman imma wkoll il-qawwa dinjija li jmiss li kienet se toħroġ minn Ruma. (Aqra Danjel 7:7, 8.) Għal mijiet taʼ snin, Ruma kienet bħal bhima “tal-biżaʼ u terribbli u b’saħħitha iktar mis-soltu.” Madankollu, il-profezija bassret li “għaxart iqrun” kienu se jikbru minn dan l-imperu u wieħed b’mod partikulari kien se jikseb prominenza. X’inhuma dawn l-għaxart iqrun, u x’inhi l-identità tal-qarn żgħir? Il-qarn żgħir b’liema mod jaqbel mad-deskrizzjoni tax-xbieha enormi li ra Nebukadnessar? L-artiklu f’paġna 14 se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet.
[Noti ta’ taħt]
a Din il-mara tfisser il-qaddejja kollha taʼ Ġeħova fis-sema li huma bħal mara għalih.—Is. 54:1; Gal. 4:26; Riv. 12:1, 2.
b Ir-ras tax-xbieha fil-ktieb taʼ Danjel u t-tielet ras tal-bhima salvaġġa fir-Rivelazzjoni t-tnejn ifissru Babilonja. Ara t-tabella f’paġni 12-13.
c Sakemm Ruma qerdet lil Ġerusalemm fis-sena 70 E.K., Iżrael ma kienx għadu l-ġens magħżul t’Alla. Għaldaqstant, il-qerda taʼ Ġerusalemm ma kinitx attakk fuq in-nisel tal-mara u ma kinitx qed twettaq Ġenesi 3:15.
[Mistoqsijiet ta’ Studju]