Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Qalb Tajba Tħoll l-Imrar

Il-Qalb Tajba Tħoll l-Imrar

GEORGE u Manon, żewġ Xhieda fl-​Olanda, marru jkellmu lil mara xwejħa dwar l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Hi ma laqgħethomx bit-​tajjeb. Huma saru jafu li żżewġet darbtejn, iżda mitulha kemm iż-​żewġt irġiel tagħha kif ukoll binha. Kienet ukoll qed issofri minn artrite kiefra. Għalkemm ikkalmat xi ftit matul il-​konversazzjoni, hi qatt ma saret dħulija.

Madankollu, George issuġġerixxa lil Manon biex jerġgħu jmorru u jieħdu bukkett fjuri lil din il-​mara għax kienet tidher li tħossha waħedha u kollha mrar. Meta għamlu hekk, l-​inkwilina, Rie, ħadet pjaċir b’din is-​sorpriża. Imma, ma kienx ħin tajjeb għaliha, allura għamlu appuntament għal ġurnata oħra. Meta George u Manon reġgħu marru għandha fil-​ħin li ftiehmu, ma kien hemm ħadd. Għalkemm ipprovaw f’ħinijiet differenti, ma reġgħux sabuha. Saħansitra għaddielhom minn rashom li kienet qed tevitahom.

Darba minnhom, fl-​aħħar, George sab lil Rie d-​dar. Hi skużat ruħha għax ma żammitx l-​appuntament u spjegat li kienet l-​isptar. “Iżda qatt mhu se taqtaʼ x’għamilt wara li tlaqtu,” qalet hi. “Bdejt naqra l-​Bibbja!” Wara dan, kellhom diskussjoni pjaċevoli, u nbeda studju tal-​Bibbja.

Hekk kif Rie studjat il-​Bibbja, hi tbiddlet minn persuna mimlija mrar għal mara ferħana u qalbha tajba. Għalkemm ma tantx setgħet toħroġ mid-​dar, minnufih bdiet taqsam il-​fidi ġdida tagħha maʼ kull min kien iżurha. Saħħitha ma kinitx tippermettilha tattendi l-​laqgħat regolarment, iżda kienet tieħu pjaċir meta l-​aħwa kienu jżuruha. Dakinhar li għalqet 82 sena, hi attendiet assemblea tas-​circuit u tgħammdet b’simbolu tad-​dedikazzjoni tagħha lil Alla.

Wara mewtha, ftit tax-​xhur wara li tgħammdet, instabet poeżija miktuba minnha. Fiha ddeskriviet il-​miżerja taʼ li wieħed iħossu waħdu fix-​xjuħija u enfasizzat l-​importanza tal-​qalb tajba. Manon tgħid: “Din il-​poeżija verament messitli qalbi, u ninsab kuntenta li Ġeħova għenna nuru qalb tajba magħha.”

Iva, l-​eżempju personali taʼ Ġeħova jħeġġiġna nuru mħabba u qalb tajba bħal dawn. (Efes. 5:1, 2) Il-​ministeru tagħna se jkollu riżultati tajbin hekk kif “nirrikkmandaw lilna nfusna bħala ministri t’Alla . . . bil-​qalb tajba.”​—2 Kor. 6:4, 6.