Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Is-Sigriet” li Tgħallimna mis-Servizz Sagru Tagħna

“Is-Sigriet” li Tgħallimna mis-Servizz Sagru Tagħna

Bijografija

Kif rakkontata minn Olivier Randriamora

“Naf tassew kif ikolli ftit, u naf ukoll kif ikolli ħafna. F’kollox u f’kull ċirkustanza tgħallimt is-​sigriet taʼ kif inkun xebgħan u kif inkun bil-​ġuħ . . . Għal kollox għandi s-​saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-​qawwa.”​—Flp. 4:12, 13.

DAN il-​kliem tal-​appostlu Pawlu kien ilu jkun taʼ inkuraġġiment kbir għalija u għal marti, Oly. Bħal Pawlu, tgħallimna “s-​sigriet” billi nistrieħu kompletament fuq Ġeħova waqt li naqduh hawn fil-​Madagaskar.

Meta x-​Xhieda taʼ Ġeħova bdew jistudjaw il-​Bibbja m’omm Oly fl-​1982, jien u Oly konna diġà għarajjes. Jien ukoll aċċettajt studju tal-​Bibbja, u Oly ngħaqdet miegħi iktar tard. Iżżewwiġna fl-​1983, tgħammidna fl-​1985, u mill-​ewwel bdejna naqdu bħala pijunieri awżiljarji. F’Lulju tal-​1986 sirna pijunieri regulari.

F’Settembru tal-​1987 bdejna naqdu bħala pijunieri speċjali. L-​ewwel inkarigu tagħna kien f’belt żgħira fil-​Majjistral tal-​Madagaskar fejn ma kien hemm ebda kongregazzjoni. Fil-​Madagaskar hemm xi 18-​il grupp etniku prinċipali kif ukoll viżibilju taʼ gruppi iżgħar, u d-​drawwiet u t-​tradizzjonijiet soċjali jvarjaw ħafna. Il-​lingwa uffiċjali hija l-​Malagasy, imma hemm ukoll djaletti differenti. Għalhekk, iddeċidejna li nitgħallmu d-​djalett mitkellem fl-​inkarigu ġdid tagħna, u dan għenna nkunu aċċettati iktar malajr fil-​komunità.

Għall-​ewwel, kont nagħti taħdita pubblika kull nhar taʼ Ħadd, u wara Oly kienet saħansitra ċċapċap. Konna l-​uniċi nies preżenti. Konna wkoll nagħmlu l-​programm sħiħ tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, u Oly kienet timmaġina li għandha inkwilina quddiemha. Kemm konna grati meta l-​indokratur tas-​circuit li ġie jżurna ssuġġerielna b’qalb tajba biex naġġustaw il-​laqgħat!

Peress li l-​posta ma tantx kienet taʼ min jafdaha, ma konniex nirċievu l-​allowance taʼ kull xahar regolarment. B’hekk, tgħallimna ngħixu bil-​ftit. Darba minnhom ma kellniex biżżejjed flus biex inħallsu l-​karozza tal-​linja ħalli nattendu l-​assemblea tas-​circuit, li kienet xi 130 kilometru ’l bogħod. Ftakarna f’parir tajjeb li tana ħu: “Għidu lil Ġeħova dwar il-​problemi tagħkom. Wara kollox, ix-​xogħol tiegħu qed tagħmlu.” Għalhekk, tlabna u ddeċidejna li mmorru bil-​mixi. Madankollu, eżatt qabel ma tlaqna, bla mistenni żarna ħu u tana xi flus—biżżejjed għan-​nol tal-​karozza tal-​linja.

IX-​XOGĦOL TAS-​CIRCUIT

Fi Frar tal-​1991, inħtart bħala indokratur tas-​circuit. Sa dak iż-​żmien, il-​grupp żgħir tagħna kien kiber għal disaʼ pubblikaturi, tlieta minnhom kienu mgħammdin, u kellna medja taʼ 50 ruħ jattendu l-​laqgħat. Wara li tħarriġna, qdejna f’circuit f’Antananarivo, il-​belt kapitali. Fl-​1993 erġajna ġejna inkarigati f’circuit fil-​Lvant tal-​pajjiż. Il-​mod t’għajxien hemmhekk kien differenti ħafna minn dak fil-​belt.

Sabiex nilħqu kongregazzjonijiet u gruppi iżolati, ivvjaġġajna bil-​mixi minn ġo muntanji miksijin bis-​siġar, kultant anke sa 145 kilometru ’l bogħod. Ġarrejna mill-​inqas affarijiet possibbli magħna. M’għandniex xi ngħidu, kull darba li t-​taħdita pubblika tal-​indokratur tas-​circuit inkludiet xi preżentazzjoni bis-​slajds, kif ġieli kienet tkun dak iż-​żmien, it-​tagħbija tagħna kienet tkun itqal. Oly kienet iġġorr il-​proġekter u jien kont inqandel batterija taʼ karozza taʼ 12-​il volt.

Spiss konna nimxu madwar 40 kilometru kuljum sabiex immorru l-​kongregazzjoni li jmiss. Fil-​vjaġġi tagħna tlajna u nżilna mogħdijiet fil-​muntanji, qsamna xmajjar, u ċaflasna minn ġot-​tajn. Xi drabi rqadna mal-​ġenb tat-​triq, imma fil-​biċċa l-​kbira pprovajna nsibu raħal fejn stajna nqattgħu l-​lejl. Kultant tlabna lil nies stranġieri għalkollox biex iħalluna ngħaddu l-​lejl għandhom. Wara li konna nsibu fejn noqogħdu, konna nibdew inħejju xi ikla. Oly kienet tissellef borma u tmur lejn l-​eqreb xmara jew lag biex iġġib l-​ilma. Sadanittant, kont nissellef mannara biex inqattaʼ l-​injam ħalli nsajru fuqu. Kollox kien jieħu l-​ħin tiegħu. Kultant konna nixtru tiġieġa ħajja, u mbagħad kellna noqtluha u nnaddfuha.

Wara l-​ikel, konna mmorru nġibu iktar ilma biex ninħaslu. Kultant konna norqdu fil-​kċina. Jekk is-​saqaf kien iqattar meta tagħmel ix-​xita, kien ikollna norqdu mserrħin maʼ ħajt biex ma nixxarrbux.

Dejjem konna nagħmlu ċert li nagħtu xhieda lil min kien jilqagħna ġo daru. Meta mbagħad konna naslu fejn ridna mmorru, il-​qalb tajba u l-​ospitalità taʼ ħutna l-​Kristjani kienu jmissulna qalbna. L-​apprezzament profond għaż-​żjara tagħna kien ipatti għal kull inkonvenjenza li esperjenzajna matul it-​triq.

Meta qgħadna fid-​djar taʼ ħutna l-​Kristjani, konna nieħdu pjaċir ngħinuhom fil-​faċendi tad-​dar. Dan, imbagħad, kien jagħtihom iċ-​ċans li joħorġu magħna fil-​ministeru tal-​għalqa. Ma stennejniex lussu jew xi ikel speċjali li l-​aħwa ma setgħux jaffordjaw.

INŻURU GRUPPI IŻOLATI

Ħadna gost inżuru gruppi iżolati. L-​aħwa f’dawn il-​gruppi laqgħuna bi skeda ppakkjata t’attività. Spiss ma kienx ikollna ħin biex ‘nistrieħu ftit.’ (Mk. 6:31) F’post minnhom, koppja li kienu Xhieda stiednu f’darhom lill-​istudenti kollha tagħhom tal-​Bibbja—40 ruħ—biex aħna nieħdu sehem fl-​istudji tagħhom. Oly ngħaqdet mal-​oħt f’li tikkonduċi xi 20 studju, u jien kont mal-​ħu għall-​20 studju l-​ieħor. Hekk kif student kien jitlaq, fil-​pront kien jibda l-​istudju l-​ieħor. Iktar tard fil-​ġurnata waqafna ftit biex nagħmlu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u wara komplejna bis-​sessjonijiet tal-​istudji tal-​Bibbja. Il-​ġurnata, li kienet bħal maratona, kienet tispiċċa wara t-​tmienja taʼ filgħaxija.

Meta żorna grupp ieħor, ilkoll kemm aħna rħejnielha lejn villaġġ fil-​qrib madwar it-​tmienja taʼ filgħodu. Kollha konna lebsin ħwejjeġ qodma. Wara vjaġġ twil fil-​foresta, wasalna fit-​territorju madwar nofsinhar. Ilbisna ħwejjeġ nodfa u mill-​ewwel bdejna nippritkaw minn bieb għal bieb. Id-​djar kienu ftit u pubblikaturi konna ħafna. Għalhekk, koprejna t-​territorju kollu f’madwar nofsiegħa. Imbagħad morna l-​villaġġ li kien imiss. Wara li ppritkajna hemm, quddiemna kellna l-​vjaġġ twil lura lejn id-​dar. Għall-​ewwel konna skuraġġiti għax ħadna ħafna ħin biex wasalna fit-​territorju iżda ppritkajna għal xi siegħa biss. Madankollu, ix-​Xhieda tal-​lokal ma gergrux. Huma baqgħu mimlijin entużjażmu.

Grupp iżolat f’Taviranambo kien qrib quċċata taʼ muntanja. Hemm sibna familja taʼ Xhieda li kienu joqogħdu f’dar b’kamra waħda. F’binja oħra żgħira fil-​qrib kienu jagħmlu l-​laqgħat. F’daqqa waħda, il-​ħu li laqagħna beda jgħajjat b’vuċi għolja, “Aħwa!” Vuċi mill-​quċċata tal-​muntanja fil-​viċin wieġbet, “Oj!” Il-​ħu reġaʼ għajjat, “L-​indokratur tas-​circuit wasal!” It-​tweġiba kienet, “Tajjeb!” Il-​messaġġ milli jidher ngħata lil oħrajn li kienu joqogħdu iżjed ’il bogħod. Ma damux ma bdew jinġabru n-​nies, u meta bdiet il-​laqgħa, kien hemm iżjed minn 100 ruħ.

SFIDI TAʼ TRASPORT

Fl-​1996 erġajna ntbgħatna f’circuit ieħor eqreb t’Antananarivo, fil-​parti muntanjuża ċentrali. Dan is-​circuit kellu wkoll l-​isfidi uniċi tiegħu. Ma kienx hemm trasport pubbliku regulari lejn il-​postijiet iktar fil-​bogħod. Konna biħsiebna nżuru grupp f’Beankàna (Besakay), madwar 240 kilometru minn Antananarivo. Wara li ftehemna mas-​sewwieq, tlajna fuq trakk żgħir li kien sejjer f’dik id-​direzzjoni. Kien hemm xi 30 passiġġier ieħor fit-​trakk u fuqu, ftit mimdudin fuq is-​saqaf u oħrajn imqabbdin mat-​trakk fuq wara.

Bħalma jiġri spiss, it-​trakk ma damx ma waqfilna, u komplejna bil-​mixi. Wara li mxejna bit-​tbatija għal xi sigħat, ġie trakk kbir. Kien diġà ppakkjat bin-​nies u tagħbija oħra, imma s-​sewwieq xorta waqaf. Tlajna u aċċettajna li nivvjaġġaw bilwieqfa. Iktar tard wasalna ħdejn xmara, imma l-​pont kien qed jissewwa. Għal darb’oħra, tlaqna bil-​mixi u fl-​aħħar wasalna f’raħal żgħir fejn kienu joqogħdu xi pijunieri speċjali. Għalkemm ma kellniex ħsieb li nagħmlu din iż-​żjara, morna nippritkaw magħhom sakemm stennejna l-​pont jissewwa u sakemm għadda xi mezz ieħor taʼ trasport.

Għaddiet ġimgħa oħra qabel m’għadda trakk ieħor, u komplejna bil-​vjaġġ tagħna. It-​triq kienet mimlija ħofor kbar u fondi. Spiss kien ikollna nimbottaw it-​trakk minn ġo ilma fond sal-​irkopptejn. Mhux darba jew tnejn tfixkilna u waqajna. Meta kien qed ibexbex, wasalna f’raħal żgħir u nżilna hemm. Wara li ħriġna mit-​triq prinċipali, komplejna bil-​mixi minn ġol-​għelieqi tar-​ross, sa qaddna f’ilma bit-​tajn, lejn id-​destinazzjoni tagħna.

Din kienet l-​ewwel żjara fl-​inħawi, u għalhekk iddeċidejna li nagħtu xhieda lil xi wħud li kienu qed jaħdmu fl-​għelieqi tar-​ross. Staqsejniehom fejn kienu joqogħdu x-​Xhieda tal-​lokal. Kemm fraħna li sirna nafu li dawn il-​ħaddiema fil-​fatt kienu ħutna spiritwali!

NINKURAĠĠIXXU LIL OĦRAJN JIDĦLU FIL-​MINISTERU FULL-​TIME

Maż-​żmien, ir-​riżultati taʼ li ninkuraġġixxu lil oħrajn jidħlu fil-​ministeru full-​time ġabulna ferħ kbir. Waqt li żorna kongregazzjoni b’disaʼ pijunieri regulari, inkuraġġejna kull pijunier biex jagħmel mira li jgħin pubblikatur ieħor isir pijunier. Meta żorniehom sitt xhur wara, in-​numru taʼ pijunieri regulari kien telaʼ għal 22. Żewġ aħwa nisa pijunieri inkuraġġew lil missierhom rispettivament biex isiru pijunieri regulari. Imbagħad, dawn il-​missirijiet, li t-​tnejn li huma kienu anzjani, ħeġġew lil anzjan ieħor biex jingħaqad magħhom. Ftit wara, it-​tielet anzjan inħatar bħala pijunier speċjali. Iktar tard, hu u martu bdew fix-​xogħol tas-​circuit. X’ġara mill-​ewwel żewġ anzjani? Wieħed jaqdi bħala indokratur tas-​circuit u l-​ieħor hu volontier fil-​bini tas-​Swali tas-​Saltna.

Kuljum nirringrazzjaw lil Ġeħova għall-​għajnuna tiegħu, għax nifhmu li ma nistgħu nagħmlu xejn waħedna. Veru, kultant inħossuna għajjenin u nimirdu; madankollu nħossuna ferħanin hekk kif nirriflettu fuq ir-​riżultati tal-​ministeru tagħna. Ġeħova jgħinna biex ikollna suċċess fix-​xogħol tiegħu. Huwa l-​pjaċir tagħna li għandna sehem żgħir fih, billi issa naqdu bħala pijunieri speċjali. Iva, tgħallimna “s-​sigriet” billi striħajna fuq Ġeħova, li ‘jagħtina l-​qawwa.’

[Kumment f’paġna 6]

Tgħallimna “s-​sigriet” billi striħajna fuq Ġeħova

[Mappa/Stampi f’paġna 4]

Il-​Madagaskar, li jissejjaħ ukoll il-​Gżira Kbira Ħamra, hu r-​rabaʼ l-​ikbar gżira fid-​dinja. Il-​ħamrija tiegħu hija ħamra, u ħafna annimali u ħxejjex uniċi jikbru hemmhekk

[Stampa f’paġna 5]

L-​ivvjaġġar kien waħda mill-​ikbar sfidi li ffaċċjajna

[Stampi f’paġna 5]

Nieħdu gost ngħinu fl-​istudji tal-​Bibbja