Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana meta saret is-​sebaʼ qawwa dinjija deskritta fil-​Bibbja?

▪ Ix-​xbieha enormi tal-​metall li ra s-​Sultan Nebukadnessar ma tirrappreżentax il-​qawwiet dinjin kollha li qatt eżistew. (Dan. 2:31-​45) Ix-​xbieha inkludiet biss il-​ħames qawwiet dinjin li ġġieldu kontra l-​poplu t’Alla matul iż-​żmien taʼ Danjel u wara.

Mill-​mod kif Danjel iddeskriva x-​xbieha tal-​metall nistgħu nitgħallmu li l-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana kienet se toħroġ minn Ruma, u mhux tegħleb lil Ruma. Danjel qal li l-​ħadid jibda fir-​riġlejn u jkompli sas-​saqajn u s-​swabaʼ tas-​saqajn. (Fis-​saqajn u fis-​swabaʼ tas-​saqajn, il-​ħadid hu mħallat bit-​tafal.) a Dan kien ifisser li l-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana kellha toħroġ minn Ruma, jiġifieri, ir-​riġlejn tal-​ħadid. Dan hu eżattament dak li ġara. Il-​Britannja kienet parti żgħira mill-​Imperu Ruman, imma bdiet issir saltna b’saħħitha lejn l-​aħħar tas-​seklu 18. Iktar tard, l-​Istati Uniti tal-​Amerika saret nazzjon b’saħħtu. Imma l-​Britannja u l-​Istati Uniti ma kinux għadhom saru s-​sebaʼ qawwa dinjija deskritta fil-​Bibbja. Għala le? Għax ma kinux għadhom bdew jaħdmu flimkien b’mod speċjali. Dan seħħ matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija.

Sa dak iż-​żmien, “ulied is-​saltna” kienu attivi l-​aktar fl-​Istati Uniti. Idderiġew ix-​xogħol tal-​ippritkar minn Brooklyn, New York. (Mt. 13:36-​43) Uħud midlukin kienu wkoll qed jippritkaw b’ħeġġa f’pajjiżi taħt il-​ħakma tal-​Britannja. Matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, il-​Britannja u l-​Istati Uniti saru mseħbin speċjali. Flimkien, iġġieldu kontra l-​għedewwa politiċi tagħhom. Peress li l-​gwerra ġiegħlet lill-​Britannja u lill-​Istati Uniti jsiru iktar nazzjonalistiċi, huma ġġieldu wkoll kontra dawk li kienu parti min-​nisel tal-​“mara” t’Alla. Dawn il-​gvernijiet ipprojbew ftit mill-​pubblikazzjonijiet tan-​nisel tal-​mara u tefgħu l-​ħabs lil dawk li kienu qed imexxu x-​xogħol tal-​ippritkar.​—Riv. 12:17.

Mela minn dak li naqraw fil-​profezija Biblika, nitgħallmu li s-​sebaʼ qawwa dinjija ma dehritx fl-​aħħar tas-​seklu 18 meta l-​Britannja għall-​ewwel bdiet issir saltna b’saħħitha. Minflok, is-​sebaʼ qawwa dinjija dehret fil-​bidu taʼ jum il-​Mulej. b

[Noti ta’ taħt]

a It-​tafal li hu mħallat mal-​ħadid ifisser nies li jinsabu fil-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana. Matul is-​snin, dan it-​tafal għamilha diffiċli għal din il-​qawwa dinjija biex tkun b’saħħitha daqskemm tixtieq tkun.

b Din hi spjegazzjoni li ġiet mibdula. Taġġorna l-​informazzjoni f’paġna 57, paragrafu 24, tal-​ktieb Il-​Profezija taʼ Danjel u t-​tabelli f’paġni 56 u 139.

[Stampa f’paġna 19]

Tmien aħwa mill-​kwartieri ġenerali tat-​Torri tal-​Għassa ntbagħtu l-​ħabs f’Ġunju tal-​1918