Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova Għallimni Nagħmel ir-Rieda Tiegħu

Ġeħova Għallimni Nagħmel ir-Rieda Tiegħu

Bijografija

Kif rakkontata minn Max Lloyd

Kien tard bil-​lejl fl-​1955. Jien u missjunarju ieħor konna fl-​inkarigu tagħna fil-​Paragwaj, l-​Amerika t’Isfel, meta marmalja rrabjata dawret id-​dar li konna fiha u bdiet tgħajjat u tgħid: “L-​alla tagħna hu alla għatxan għad-​demm, u hu jrid id-​demm tal-​gringos.” Aħna l-​gringos (barranin) kif spiċċajna hemm?

GĦALIJA, kollox beda snin ilu fl-​Awstralja fejn trabbejt u fejn Ġeħova beda jgħallimni nagħmel ir-​rieda tiegħu. Missieri aċċetta l-​ktieb Enemies mingħand Xhud fl-​1938. Hu u ommi diġà ma kinux sodisfatti bil-​kleru lokali li kienu jirreferu għal siltiet mill-​Bibbja bħala ħrejjef. Madwar sena wara, il-​ġenituri tiegħi tgħammdu b’simbolu tad-​dedikazzjoni tagħhom lil Ġeħova. Minn dak iż-​żmien ’il quddiem, li nagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova saret l-​iktar parti importanti fil-​ħajja tal-​familja tagħna. Imbagħad tgħammdet oħti Lesley, li kienet ħames snin ikbar minni, u jien tgħammidt fl-​1940 meta kelli disaʼ snin.

Ftit wara li bdiet it-​Tieni Gwerra Dinjija, l-​istampar u t-​tqassim tal-​letteratura Biblika tax-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu ġew projbiti fl-​Awstralja. Għaldaqstant, bħala tifel żgħir, tgħallimt nagħti spjegazzjoni dwar il-​fidi tiegħi billi nuża l-​Bibbja biss. Kont ħadtha drawwa li nieħu l-​Bibbja miegħi l-​iskola biex nuri lil oħrajn għala ma kontx insellem lill-​bandiera jew nappoġġa l-​gwerra.​—Eżo. 20:4, 5; Mt. 4:10; Ġw. 17:16; 1 Ġw. 5:21.

Ħafna tfal fl-​iskola ma kinux jagħmluha miegħi għax kont ingħatajt it-​tikketta taʼ “spjun Ġermaniż.” Dak iż-​żmien, kienu jintwerew il-​films fl-​iskola. Qabel ma kien jibda l-​film, kulħadd kien ikun mistenni li jqum bilwieqfa u jkanta l-​innu nazzjonali tal-​pajjiż. Peress li jien kont nibqaʼ bilqiegħda, żewġ subien jew tlieta kienu jaqbduni minn xagħri biex jipprovaw iqajmuni minn fuq is-​siġġu. Spiċċajt tkeċċejt mill-​iskola minħabba li kont inħaddan twemmin ibbażat fuq il-​Bibbja. Madankollu, kelli l-​possibbiltà li nieħu korsijiet bil-​korrispondenza mid-​dar.

MIRA LI EVENTWALMENT ILĦAQT

Jien kont għamilt mira personali li nibda naqdi fil-​ministeru full-​time bħala pijunier meta nagħlaq 14-​il sena. Għalhekk, veru ħassejtni diżappuntat meta ommi u missieri qaluli li l-​ewwel kelli nsib xogħol u noħroġ naħdem. Huma insistew li nħallas tal-​kamra u tal-​ikel waqt li nkun għadni ngħix id-​dar, iżda wegħduni li malli nagħlaq it-​18-​il sena stajt nibda naqdi bħala pijunier. Minħabba f’hekk, spiss kien ikollna diskussjonijiet dwar il-​flus li kont naqlaʼ. Kont insostni li ridt inwarrabhom għal meta nkun pijunier, imma kienu qed jiħduhomli huma.

Meta kien wasal il-​waqt biex nibda x-​xogħol taʼ pijunier, il-​ġenituri poġġew bilqiegħda miegħi u spjegawli li l-​flus li kont tajthom kienu ddepożitawhom f’kont il-​bank. Imbagħad tawhomli kollha lura biex nixtri l-​ħwejjeġ u affarijiet oħrajn li kien se jkolli bżonn bħala pijunier. Kienu qed jgħallmuni nieħu ħsieb tiegħi nnifsi u mhux nippretendi li jagħmel dan ħaddieħor. Meta nħares lura, dan it-​taħriġ kien taʼ valur kbir.

Matul it-​tfulija tiegħi u taʼ Lesley, spiss kienu joqogħdu xi pijunieri d-​dar tagħna, u kienet l-​għaxqa tagħna noħorġu magħhom fil-​ministeru. Tmiem il-​ġimgħa konna nqattgħuh fil-​ministeru minn dar għal dar, nagħtu xhieda fit-​toroq, u nikkonduċu studji tal-​Bibbja. Dak iż-​żmien, il-​mira li kellu jilħaq kull pubblikatur tal-​kongregazzjoni kienet taʼ 60 siegħa fix-​xahar. Ommi kważi dejjem kienet tilħaqha din il-​kwota, u dan kien taʼ eżempju mill-​aqwa għalija u għal Lesley.

NAQDI BĦALA PIJUNIER FIT-​TASMANJA

L-​ewwel inkarigu tiegħi bħala pijunier kien fil-​gżira Awstraljana tat-​Tasmanja, fejn ingħaqadt m’oħti u żewġha. Madankollu, huma ma damux ma telqu minn hemm biex jattendu l-​15-​il klassi tal-​Iskola taʼ Gilegħad. Kont mistħi ħafna u kienet l-​ewwel darba li kont ’il bogħod mid-​dar. Xi wħud bdew jgħidu li ma kontx se nsaddad hemm iktar minn tliet xhur. Iżda fi ftit inqas minn sena, fl-​1950, ġejt maħtur f’pożizzjoni simili għall-​irwol tal-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani. Iktar tard, ġejt maħtur bħala pijunier speċjali, u ħu żagħżugħ ieħor sar is-​sieħeb tiegħi fil-​ministeru.

L-​inkarigu tagħna kien f’belt iżolata fejn kien hemm il-​minjieri tar-​ram u fejn ma kienx hemm Xhieda. Wasalna b’xarabank darba minnhom tard waranofsinhar. L-​ewwel lejl qattajnieh f’lukanda antika. L-​għada, aħna u nagħtu xhieda minn dar għal dar, staqsejna lill-​inkwilini jekk kinux jafu b’xi kamra vojta. Lejn tmiem il-​ġurnata, xi ħadd qalilna li d-​dar tal-​qassis maġenb il-​knisja Presbiterjana kienet vojta u qalilna biex inkellmu lid-​djaknu. Dan kien dħuli u offra li noqogħdu f’din id-​dar. Kienet xi ħaġa stramba li kuljum noħorġu mid-​dar taʼ membru tal-​kleru biex immorru nippritkaw.

It-​territorju kien irendi ħafna frott. Kien ikollna diskussjonijiet sbieħ u bdejna bosta studji tal-​Bibbja. Meta l-​awtoritajiet tal-​knisja fil-​belt kapitali saru jafu b’dan, u semgħu li x-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu qed jgħixu fir-​residenza tal-​qassis, ordnaw li d-​djaknu jqabbiżna ’l barra mid-​dar minnufih. Għal darb’oħra, spiċċajna bla saqaf fuq rasna!

Wara li l-​għada bqajna nippritkaw sal-​ħabta tat-​tlieta taʼ waranofsinhar, fittxejna post fejn stajna ngħaddu l-​lejl. L-​aħjar post li sibna kien fejn joqogħdu bilqiegħda n-​nies fi stejdjum imsaqqaf. Ħbejna l-​bagalji tagħna hemmhekk u komplejna nippritkaw. Kien qed jidlam, iżda ddeċidejna li nħabbtu ftit djar oħra biex inkunu spiċċajna t-​triq. F’dar minnhom, raġel offrielna dar b’żewġ kmamar fuq wara tal-​proprjetà tiegħu biex noqogħdu fihom!

IX-​XOGĦOL TAS-​CIRCUIT U GILEGĦAD

Wara li kont ilni madwar tmien xhur naqdi f’dan l-​inkarigu tal-​ippritkar, irċivejt stedina mill-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​Awstralja biex insir indokratur tas-​circuit. Din l-​aħbar ħasditni għax kien għad kelli 20 sena biss. Wara li ngħatajt it-​taħriġ għal ftit ġimgħat, bdejt inżur il-​kongregazzjonijiet regolarment biex ninkuraġġihom. Dawk l-​uħud li kienu ikbar minni—tistaʼ tgħid kulħadd—ma ddisprezzawnix minħabba li kont għadni żgħir, iżda rrispettaw ix-​xogħol li kont qed nagħmel.

L-​ivvjaġġar minn kongregazzjoni għall-​oħra kien varjat ħafna! Ġimgħa kont immur b’tal-​linja, ġimgħa oħra bit-​tramm, imbagħad bil-​karozza jew fuq wara taʼ xi mutur—f’id waħda l-​bagalja u fl-​id l-​oħra l-​basket tal-​ministeru. Meta kont noqgħod mal-​aħwa tassew kont inħossni ferħan. Anzjan f’kongregazzjoni kien ħerqan biex noqgħod għandu avolja d-​dar tiegħu kienet għadha qed tinbena. Matul dik il-​ġimgħa soddti kienet ġol-​banju, iżda kienet ġimgħa li ġabitilna ħafna ferħ spiritwalment!

Fl-​1953, ħadt sorpriża oħra meta rċivejt applikazzjoni biex nattendi t-​22 klassi tal-​Iskola taʼ Gilegħad. Imma ma kontx ferħan għalkollox. Ir-​raġuni kienet li wara li oħti u żewġha ggradwaw minn Gilegħad fit-​30 taʼ Lulju, 1950, intbagħtu l-​Pakistan u, inqas minn sena wara, Lesley mardet u mietet hemmhekk. Bdejt ngħid: Min jaf kif se jħossuhom ommi u missieri dwar li mmur naqdi xi mkien ieħor fid-​dinja ftit wara dan? Madankollu, huma qaluli: “Mur u aqdi lil Ġeħova kull fejn jidderiġik hu.” Qatt ma rġajt rajtu lil missieri. Hu miet fl-​1957.

Ma domtx ma sibt ruħi tielaʼ fuq vapur maʼ ħames aħwa Awstraljani oħra għal vjaġġ li ħa sitt ġimgħat lejn il-​belt taʼ New York. Matul il-​vjaġġ konna naqraw il-​Bibbja, nistudjaw, u nagħtu xhieda lill-​passiġġieri l-​oħrajn. Qabel ma morna fejn kienet tinżamm l-​iskola f’South Lansing, New York, attendejna l-​konvenzjoni internazzjonali taʼ Lulju, 1953, f’Yankee Stadium. L-​attendenza laħqet quċċata taʼ 165,829 ruħ!

Il-​120 student taʼ Gilegħad tal-​klassi tagħna kienu ġejjin minn kull rokna tad-​dinja. Kien proprju fil-​jum tal-​gradwazzjoni li ntqalilna fejn konna se nintbagħtu naqdu. Mal-​ewwel ċans li kellna, morna niġru lejn il-​librerija taʼ Gilegħad biex nagħmlu ftit riċerka dwar il-​pajjiżi fejn ġejna assenjati. Sirt naf li l-​Paragwaj, fejn intbgħatt jien, kien pajjiż bi storja taʼ rivoluzzjonijiet politiċi. Ftit wara li wasalt hemmhekk, għodwa minnhom staqsejt lill-​missjunarji l-​oħrajn x’kienet “iċ-​ċelebrazzjoni” matul il-​lejl. Huma tbissmu u qaluli: “Għadek kemm esperjenzajt l-​ewwel rivoluzzjoni tiegħek. Ittawwal mill-​bieb taʼ barra.” Kull fejn iddawwar wiċċek kont tara suldati!

ESPERJENZA LI MA NINSIEHA QATT

Darba fost l-​oħrajn, akkumpanjajt lill-​indokratur tas-​circuit biex inżuru kongregazzjoni iżolata u biex nuru l-​film The New World Society in Action. Ivvjaġġajna għal madwar tmien sigħat jew disgħa, l-​ewwel bit-​trejn, imbagħad biż-​żiemel u l-​karettun, u fl-​aħħar b’karru miġbud minn gendus. Magħna ħadna ġeneratur u proġekter tal-​films. L-​għada li wasalna fid-​destinazzjoni tagħna, qattajna l-​ġurnata nżuru lin-​nies fl-​irziezet u nistidnuhom jiġu jaraw il-​film dakinhar filgħaxija. Attendew mal-​15-​il ruħ.

Wara li kienu għaddew madwar 20 minuta mill-​film, intqalilna biex nidħlu ġod-​dar malajr kemm jistaʼ jkun. Qbadna l-​proġekter u obdejna. Kien proprju dak il-​ħin li xi rġiel bdew jgħajtu, jisparaw bis-​snieter, u jgħidu għal darba wara l-​oħra: “L-​alla tagħna hu alla għatxan għad-​demm, u hu jrid id-​demm tal-​gringos.” Kien hemm biss żewġ gringos hemm, u jien kont wieħed minnhom! Dawk li ġew jaraw il-​film żammew il-​marmalja milli tidħol ġod-​dar. Imma l-​opponenti reġgħu ġew f’xi t-​tlieta taʼ filgħodu, jisparaw bis-​snieter tagħhom u jheddu li jduru għalina aħna u sejrin lura l-​belt iktar tard dakinhar.

L-​aħwa kkuntattjaw lix-​xeriff, u dan ġie waranofsinhar b’żewġ żwiemel biex jiħodna fil-​belt. Fi triqitna lura, kull meta konna nersqu viċin xi roqgħa siġar, kien joħroġ ir-​rivolver tiegħu u jmur qabilna biex jispezzjona l-​inħawi. Indunajt li ż-​żwiemel huma mezz taʼ trasport importanti ħafna, u għalhekk iktar tard ġibt wieħed.

JASLU IKTAR MISSJUNARJI

Ix-​xogħol tal-​ippritkar kompla jkollu suċċess ġmielu minkejja l-​oppożizzjoni li spiss kien ikollna mill-​kleru. Fl-​1955, waslu ħames missjunarji ġodda, inkluż oħt żagħżugħa mill-​Kanada li jisimha Elsie Swanson. Hi ggradwat mill-​25 klassi taʼ Gilegħad. Konna flimkien għal ftit żmien fl-​uffiċċju tal-​fergħa imma mbagħad hi ġiet assenjata f’belt oħra. Kienet iddedikat ħajjitha biex taqdi lil Ġeħova bi ftit li xejn għajnuna mill-​ġenituri tagħha, li qatt ma aċċettaw il-​verità. Jien u Elsie żżewwiġna fil-​31 taʼ Diċembru, 1957, u għexna waħedna f’dar tal-​missjunarji fin-​Nofsinhar tal-​Paragwaj.

Fid-​dar tagħna ma kellniex ilma tal-​vit; minflok, kellna bir fil-​bitħa. Ġewwa ma kellniex xawer jew tojlit. La kellna magna tal-​ħasil, u lanqas friġġ. Konna nixtru l-​ikel kuljum għax ma kienx iżomm. Imma s-​sempliċità tal-​ħajja u r-​relazzjonijiet mill-​qrib maʼ ħutna fil-​kongregazzjoni għamlu dak iż-​żmien tal-​ħajja miżżewġa tagħna hieni ħafna.

Fl-​1963, ftit wara li wasalna lura l-​Awstralja, morna nżuru lil ommi u taha attakk tal-​qalb—milli jidher bl-​eċċitament għax rat lil binha wara għaxar snin. Hekk kif beda jgerbeb iż-​żmien biex immorru lura għall-​inkarigu tagħna fil-​Paragwaj, kellna nieħdu waħda mill-​iktar deċiżjonijiet diffiċli taʼ ħajjitna. X’konna se nagħmlu? Inħallu lil ommi l-​isptar bit-​tama li xi ħadd jieħu ħsiebha u mmorru lura għall-​inkarigu tagħna fil-​Paragwaj, li tant konna nħobbu? Wara ħafna talb, jien u Elsie ddeċidejna li nibqgħu hemmhekk u nieħdu ħsieb ommi. Stajna nagħmlu hekk u fl-​istess ħin nibqgħu fil-​ministeru full-​time sakemm mietet fl-​1966.

Kien privileġġ li niġi użat fix-​xogħol tas-​circuit u tad-​distrett fl-​Awstralja għal għadd taʼ snin u li ngħallem fl-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna għall-​anzjani. Imbagħad kellna nagħmlu bidla oħra f’ħajjitna. Ġejt inkarigat biex naqdi bħala membru tal-​ewwel Kumitat tal-​Fergħa fl-​Awstralja. Wara dan, meta kellna nibnu uffiċċju tal-​fergħa ġdid, ġejt maħtur bħala ċ-​chairman tal-​kumitat tal-​bini. Bl-​għajnuna taʼ ħafna ħaddiema t’esperjenza u li jikkooperaw, inbniet fergħa mill-​isbaħ.

Imbagħad ġejt inkarigat fid-​Dipartiment tas-​Servizz li jieħu ħsieb it-​tmexxija tax-​xogħol tal-​ippritkar fil-​pajjiż. Barra minn hekk, ingħatajt il-​privileġġ li nżur fergħat oħrajn madwar id-​dinja bħala indokratur taż-​żona biex ngħin u ninkuraġġixxi lill-​aħwa. Il-​fidi tiegħi ssodat bil-​kbir meta f’xi pajjiżi żort lil dawk li kienu qattgħu snin sħaħ—saħansitra għexur taʼ snin—f’ħabsijiet u f’kampijiet tal-​konċentrament minħabba li obdew lealment lil Ġeħova.

L-​INKARIGU TAGĦNA BĦALISSA

Wara li ġejna lura minn vjaġġ strapazzuż taʼ żjara taż-​żona fl-​2001, sibt ittra li fiha ġejt mistieden immur Brooklyn, New York, biex naqdi fil-​Kumitat tal-​Fergħa tal-​Istati Uniti li kien għadu kif ġie fformat. Jien u Elsie kkunsidrajna l-​istedina bit-​talb, u aċċettajnieha bil-​ferħ. Issa li għaddew iktar minn 11-​il sena, għadna naqdu fi Brooklyn.

Jien grat ħafna li għandi mara li hi kuntenta tagħmel dak kollu li jitlob Ġeħova. Jien u Elsie issa għalaqna 81 sena u għad għandna saħħa pjuttost tajba. Inħarsu ’l quddiem li ngawdu t-​tagħlim taʼ Ġeħova għall-​eternità kollha kif ukoll il-​barkiet għonja li se jirċievu dawk kollha li jkomplu jagħmlu r-​rieda tiegħu.

[Kumment f’paġna 19]

Ġimgħa kont immur b’tal-​linja, ġimgħa oħra bit-​tramm, imbagħad bil-​karozza jew fuq wara taʼ xi mutur—f’id waħda l-​bagalja u fl-​id l-​oħra l-​basket tal-​ministeru

[Kumment f’paġna 21]

Inħarsu ’l quddiem li ngawdu t-​tagħlim taʼ Ġeħova għall-​eternità kollha

[Stampi f’paġna 18]

Xellug: Waqt ix-​xogħol tas-​circuit fl-​Awstralja

Lemin: Mal-​ġenituri tiegħi

[Stampa f’paġna 20]

Fil-​jum tat-​tieġ tagħna, fil-​31 taʼ Diċembru, 1957