Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova Jiġbor lill-Familja Tiegħu

Ġeħova Jiġbor lill-Familja Tiegħu

‘Nitlobkom bil-​ħrara biex tħarsu l-​unità taʼ l-​ispirtu.’​—EFES. 4:1, 3.

INT KIF TISPJEGA?

X’inhu l-​iskop tal-​amministrazzjoni t’Alla?

Kif ‘inħarsu l-​unità taʼ l-​ispirtu’?

X’se jgħinna ‘nkunu qalbna tajba maʼ xulxin’?

1, 2. X’inhu l-​iskop taʼ Ġeħova għall-​art u għall-​umanità?

 IL-​FAMILJA. X’jiġik f’moħħok meta tismaʼ din il-​kelma? L-​imħabba u l-​kuntentizza? Jiġik f’moħħok il-​ħsieb li taħdem flimkien mal-​familja tiegħek biex tilħaq għan partikulari? Forsi taħseb f’ambjent taʼ sigurtà fejn titrabba, titgħallem, u tesprimi l-​ħsibijiet tiegħek? Probabbilment taħseb f’dawn l-​affarijiet jekk għandek familja li tieħu ħsiebek. Ġeħova nnifsu hu l-​Oriġinatur tal-​familja. (Efes. 3:14, 15) U l-​iskop t’Alla kien li dawk kollha li jgħixu fis-​sema u fuq l-​art ikunu familja waħda u li jħossuhom fis-​sigurtà, jafdaw lil xulxin, u jkunu magħqudin.

2 Wara li dinbu, il-​bnedmin ma baqgħux jagħmlu parti mill-​familja universali t’Alla, imma l-​iskop taʼ Ġeħova ma ġiex fix-​xejn. Hu se jagħmel ċert li l-​art magħmula ġenna tkun mimlija bin-​nisel t’Adam u Eva. (Ġen. 1:28; Is. 45:18) Hu ħejja dak kollu li kien meħtieġ biex iwettaq dan l-​iskop. Il-​ktieb Bibliku taʼ Efesin jitkellem primarjament dwar l-​unità. F’dan il-​ktieb nistgħu naqraw ukoll dwar dak li ħejja Ġeħova. Ejja nikkunsidraw xi versi minn dan il-​ktieb u naraw kif nistgħu nikkooperaw mal-​iskop taʼ Ġeħova biex jgħaqqad lil dawk li jgħixu fis-​sema u fuq l-​art flimkien bħala familja waħda.

L-​AMMINISTRAZZJONI U DAK LI SE TWETTAQ

3. (a) X’inhi l-​amministrazzjoni t’Alla msemmija f’​Efesin 1:10? (b) Meta bdiet l-​ewwel fażi taʼ din il-​preparazzjoni?

3 Kwalunkwe ħaġa li Ġeħova jagħmel tappoġġa l-​iskop tiegħu. Fiż-​żmien imwaqqat tiegħu, Alla beda jipprepara lil dawk kollha fis-​sema u fuq l-​art biex ikunu magħqudin bħala familja waħda. Dawn il-​preparazzjonijiet sejħilhom “amministrazzjoni.” (Aqra Efesin 1:8-​10.) Din l-​amministrazzjoni se tilħaq l-​objettiv tagħha f’żewġ fażijiet. L-​ewwel fażi tipprepara lill-​kongregazzjoni taʼ wħud midlukin għall-​ħajja fis-​sema b’Ġesù Kristu bħala l-​Kap spiritwali tagħhom. Din il-​fażi bdiet f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., meta Ġeħova beda jiġbor lil dawk li kienu se jaħkmu maʼ Kristu fis-​sema. (Atti 2:1-​4) Ladarba l-​midlukin ġew dikjarati ġusti għall-​ħajja fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa, huma jirrikonoxxu li ġew adottati bħala “wlied Alla.”​—Rum. 3:23, 24; 5:1; 8:15-​17.

4, 5. X’inhi t-​tieni fażi tal-​preparazzjonijiet tal-​amministrazzjoni?

4 It-​tieni fażi tipprepara lil dawk li se jgħixu f’Ġenna fuq l-​art taħt is-​Saltna Messjanika taʼ Kristu. Il-​membri tal-​‘folla l-​kbira’ se jkunu l-​ewwel uħud li jgħixu fil-​Ġenna tal-​art. (Riv. 7:9, 13-​17; 21:1-​5) Matul ir-​Renju taʼ Elf Sena se jingħaqdu magħhom biljuni taʼ wħud irxoxtati. (Riv. 20:12, 13) Immaġina kemm se jkollna opportunitajiet biex nuru l-​unità tagħna! Flimkien, il-​folla l-​kbira u n-​nies irxoxtati, jiġu deskritti bħala “kulma hemm fuq l-​art.” Fit-​tmiem tal-​elf sena, dawn ilkoll se jgħaddu minn prova. L-​uħud leali kollha se jiġu adottati bħala “wlied Alla” fuq l-​art.​—Rum. 8:21; Riv. 20:7, 8.

5 Illum, Ġeħova qed jipprepara ż-​żewġ fażijiet tal-​amministrazzjoni—kemm tas-​sema u kemm tal-​art. Imma bħala individwi, aħna issa kif nikkooperaw mal-​amministrazzjoni t’Alla?

‘ĦARSU L-​UNITÀ TAʼ L-​ISPIRTU’

6. L-​Iskrittura kif tindika li l-​Kristjani għandhom jassoċjaw flimkien?

6 L-​Iskrittura tindika li l-​Kristjani għandhom letteralment jinġabru flimkien. (1 Kor. 14:23; Ebr. 10:24, 25) Dan jinvolvi bil-​wisq iktar milli sempliċement inqattgħu ħin flimkien fl-​istess post, bħalma jagħmlu n-​nies li jmorru f’xi suq jew f’xi grawnd tal-​isports. L-​unità ġenwina tinvolvi iktar minn hekk. Aħna niksbu unità bħal din meta napplikaw l-​istruzzjonijiet taʼ Ġeħova u nħallu l-​ispirtu qaddis t’Alla jgħinna nsiru persuni aħjar.

7. Xi jfisser li ‘nħarsu l-​unità taʼ l-​ispirtu’?

7 Għalkemm Ġeħova ddikjara ġusti lill-​uħud midlukin bħala wlied u lin-​nagħaġ oħrajn bħala ħbieb fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa, sakemm nibqgħu ngħixu fuq l-​art f’din is-​sistema, dejjem se jqumu differenzi persunali. (Rum. 5:9; Ġak. 2:23) Kieku ma kienx ikun hemm il-​bżonn li jinkiteb il-​parir ispirat biex ‘nissaportu lil xulxin.’ L-​unità maʼ sħabna fit-​twemmin kif tinkiseb? Jeħtieġ li niżviluppaw “umiltà sħiħa u ħlewwa.” Iktar minn hekk, Pawlu jħeġġiġna ‘nagħmlu ħilitna biex inħarsu l-​unità taʼ l-​ispirtu fir-​rabta li tgħaqqad tal-​paċi.’ (Aqra Efesin 4:1-​3.) Li napplikaw dan il-​parir jinvolvi li nħallu l-​ispirtu t’Alla jiggwidana u jipproduċi l-​frott tiegħu fina. Il-​frott tal-​ispirtu jgħinna nirranġaw il-​problemi m’oħrajn, u dan jgħaqqadna. Imma l-​għemejjel tal-​laħam jifirduna.

8. L-​għemejjel tal-​laħam kif jifirdu lin-​nies?

8 “L-​għemejjel tal-​laħam” kif jifirdu lin-​nies? (Aqra Galatin 5:19-​21.) Iż-​żina tifred lil dak li jipprattikaha minn Ġeħova u mill-​kongregazzjoni. L-​adulterju jġib ħafna wġigħ taʼ qalb fil-​familji u jistaʼ jifred lill-​ulied minn mal-​ġenituri tagħhom u lill-​imseħbin innoċenti minn żewġhom jew marthom. In-​nuqqas taʼ ndafa jagħmilha diffiċli biex wieħed ikun f’unità m’Alla u maʼ dawk li jħobbuh. B’mod simili, biex tinkolla żewġ affarijiet flimkien, it-​tnejn li huma jridu jkunu nodfa sabiex jeħlu flimkien. Il-​kondotta bla mistħija turi li persuna ma tobdix il-​liġijiet t’Alla u li m’għandha assolutament l-​ebda rispett lejhom. L-​għemejjel l-​oħrajn tal-​laħam ukoll jifirdu lin-​nies minn xulxin u minn Alla. Dan hu aġir li Ġeħova jobgħod.

9. Liema mistoqsijiet nistgħu nagħmlu lilna nfusna sabiex inkunu nafu jekk hux qed nistinkaw biex inżommu l-​paċi u l-​unità?

9 Għalhekk, kull wieħed minna għandu jistaqsi lilu nnifsu: ‘Kemm qed nistinka biex inżomm il-​paċi u l-​unità maʼ ħuti? X’nagħmel meta jkolli problema maʼ persuna oħra? Immur ngħid lil sħabi dwar il-​problema biex nipprova nġegħelhom jaqblu miegħi? Nippretendi li l-​anzjani jsolvuli l-​problema sabiex ma jkollix għalfejn inkellem lill-​individwu jien stess bl-​iskop li nagħmel paċi miegħu? U jekk inkun naf li individwu ieħor ikollu xi ħaġa kontrija, nevitah biex ma jkollix għalfejn niddiskuti l-​problema?’ Kieku kellna nagħmlu xi ħaġa minn dawn, inkunu aħna qed nuru li nikkooperaw mal-​iskop taʼ Ġeħova biex jgħaqqad lil kulħadd bħala familja waħda taħt it-​tmexxija taʼ Kristu?

10, 11. (a) Kemm hu importanti li jkollna l-​paċi maʼ ħutna? (b) X’nistgħu nagħmlu biex inżommu l-​paċi u jkollna l-​barka taʼ Ġeħova?

10 Ġesù qal: “Allura, jekk waqt li tkun qed iġġib l-​għotja tiegħek lejn l-​artal tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik, itlaq l-​għotja tiegħek hemmhekk quddiem l-​artal, u mur l-​ewwel agħmel paċi maʼ ħuk, u mbagħad, meta tkun ġejt lura, offri l-​għotja tiegħek. Irranġa malajr.” (Mt. 5:23-​25) Ġakbu kiteb li “l-​frott tal-​ġustizzja jinżeraʼ f’kundizzjonijiet paċifiċi għal dawk li qegħdin iġibu l-​paċi.” (Ġak. 3:17, 18) Dan ifisser li ma nistgħux inkomplu nagħmlu dak li hu sewwa jekk ma nkunux f’paċi m’oħrajn.

11 Pereżempju, f’xi pajjiżi fejn kien hemm il-​gwerer, kieku ma kienx hemm mini splużivi moħbijin fl-​art, il-​bdiewa setgħu jużaw terz iktar mir-​rabaʼ. Meta tisplodi xi mina, il-​bdiewa ma jaħdmux ir-​rabaʼ u jsir diffiċli biex in-​nies isibu impjieg fl-​irħula u biex jixtru l-​ikel fil-​bliet. B’mod simili, il-​maturità tagħna fi kwistjonijiet spiritwali tiġi mfixkla jekk ikollna karatteristiki persunali li jfixklu l-​paċi maʼ ħutna. Imma jekk bla dewmien naħfru lil oħrajn u nagħmlu l-​ġid magħhom, ilkoll kemm aħna jistaʼ jkollna l-​paċi u l-​barka taʼ Ġeħova.

12. L-​anzjani kif jistgħu jgħinuna nibqgħu magħqudin?

12 L-​“irġiel bħala għotjiet” jgħinuna wkoll biex “naslu għall-​unità fil-​fidi.” (Efes. 4:8, 13) Dan ifisser li l-​anzjani jgħinu lill-​kongregazzjoni tibqaʼ magħquda. Huma jgħinuna ntejbu l-​personalità Kristjana tagħna meta jaħdmu spalla maʼ spalla magħna fis-​servizz li nagħtu lil Ġeħova u meta javviċinawna u jagħtuna pariri mill-​Bibbja. (Efes. 4:22-​24) Meta l-​anzjani jagħtuk parir, ftakar li Ġeħova qed juża lilhom biex iħejjik għall-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida. Anzjani, kunu ċerti li tikkoreġu lil oħrajn b’tali mod li turuhom li tridu tkunu t’għajnuna għalihom.—Gal. 6:1.

“KUNU QALBKOM TAJBA MAʼ XULXIN”

13. Xi nkunu qed nagħmlu jekk ma nobdux il-​pariri f’​Efesin 4:25-​32?

13 Efesin 4:25-​29 jidentifika kondotta li għandna nevitaw. M’għandniex nigdbu, ninkorlaw, nitgħażżnu, u ngħidu kliem ħażin. Minflok, għandna nitkellmu dwar affarijiet tajbin u li jibnu. Jekk individwu jonqos li jobdi dawn il-​pariri, ikun qed inikket l-​ispirtu t’Alla, għax l-​ispirtu qaddis huwa forza li tippromwovi l-​unità. (Efes. 4:30) Sabiex ikollna l-​paċi u l-​unità jeħtieġ ukoll li napplikaw dak li kompla jikteb Pawlu: “Ħa jitwarrab minnkom kull imrar malizzjuż u rabja u korla u twerżiq u tgħajjir flimkien maʼ kull ħażen. Imma kunu qalbkom tajba maʼ xulxin, agħdru b’tenerezza, u aħfru lil xulxin mill-​qalb bħalma Alla wkoll ħafrilkom mill-​qalb bi Kristu.”​—Efes. 4:31, 32.

14. (a) Il-​kliem “kunu qalbkom tajba” xi jfisser? (b) X’se jgħinna nkunu qalbna tajba?

14 Il-​kliem “kunu qalbkom tajba” jagħti x’jifhem li mhux dejjem inkunu qalbna tajba u li forsi jkun hemm bżonn nitjiebu f’dan ir-​rigward. Kemm ikun xieraq li nqisu s-​sentimenti taʼ oħrajn qabel is-​sentimenti tagħna stess! (Flp. 2:4) Kultant forsi nkunu se ngħidu xi ħaġa li ġġiegħel lil oħrajn jidħqu jew li tagħmilna nidhru intelliġenti, imma nkunu qed nuru qalb tajba jekk ngħiduha? Jekk naħsbu qabel ma nitkellmu, se niġu megħjunin ‘inkunu qalbna tajba.’

TGĦALLEM URI MĦABBA U RISPETT FIL-​FAMILJA

15. Efesin 5:28 b’liema mod jgħin lill-​irġiel miżżewġin jifhmu kif għandhom jimitaw lil Kristu?

15 Il-​Bibbja tqabbel ir-​relazzjoni bejn Kristu u l-​kongregazzjoni maʼ dik taʼ raġel u martu. L-​eżempju taʼ Kristu jgħin lil raġel jifhem li għandu jiggwida u jħobb lil martu, u jieħu ħsiebha. Ukoll, l-​eżempju taʼ Kristu jgħin lil mara miżżewġa tifhem li għandha tkun sottomessa lejn żewġha. (Efes. 5:22-​33) Meta Pawlu kiteb: “L-​irġiel b’dan il-​mod għandhom iħobbu lin-​nisa tagħhom, bħal ġisimhom stess,” dwar liema “mod” kien qed jitkellem? (Efes. 5:28) Dak li qal dwar Kristu u l-​kongregazzjoni jgħinna nwieġbu din il-​mistoqsija. Hu qal li Kristu ħabb lill-​kongregazzjoni u ta ħajtu għaliha u naddafha “bil-​banju taʼ l-​ilma permezz tal-​kelma.” Għalhekk, raġel miżżewweġ għandu r-​responsabbiltà li jgħin lil kull membru tal-​familja tiegħu jkollu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova. Jekk jagħmel hekk, ikun qed jikkoopera mal-​iskop taʼ Ġeħova li jgħaqqad lil kulħadd bħala familja waħda mmexxija minn Kristu.

16. X’se jkun ir-​riżultat jekk il-​ġenituri jieħdu ħsieb ir-​responsabbiltà li tahom Ġeħova?

16 Il-​ġenituri għandhom jiftakru li Ġeħova tahom ir-​responsabbiltà biex jieħdu ħsieb uliedhom. B’sogħba, fid-​dinja llum, ħafna m’għandhomx “imħabba naturali.” (2 Tim. 3:1, 3) Ħafna missirijiet ifarfru r-​responsabbiltà tagħhom, u dan iħalli effett ikrah fuq uliedhom u jnikkithom. Imma Pawlu qal lill-​missirijiet Kristjani: “Iddejqux lil uliedkom, imma ibqgħu rabbuhom fid-​dixxiplina u l-​gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efes. 6:4) Huwa fil-​familja li l-​ulied l-​ewwel jitgħallmu kif juru l-​imħabba u kif jirrispettaw l-​awtorità. Ġenituri li jgħallmu lil uliedhom dawn l-​affarijiet ikunu qed jikkooperaw mal-​iskop taʼ Ġeħova biex jgħaqqad lil kulħadd. Il-​ġenituri għandhom jaraw li wliedhom iħossuhom maħbubin fil-​familja. Għalhekk, għandhom irażżnu r-​rabja u ma jwerżqux maʼ wliedhom jew jgħidulhom kliem li jweġġaʼ. B’hekk, ikunu qed jgħallmu lil uliedhom lezzjonijiet importanti dwar kif juru mħabba u jirrispettaw l-​awtorità. Dan se jħejji lit-​tfal biex jgħixu fid-​dinja l-​ġdida t’Alla.

17. X’għandna nagħmlu biex niġġieldu kontra x-​Xitan?

17 Għandna nirrealizzaw li x-​Xitan dejjem ried iwaqqaf lil oħrajn milli jaqdu lil Alla u se jiħodha qatta bla ħabel kontrina. Meta ħafna nies fid-​dinja jiddivorzjaw, jgħixu flimkien mingħajr ma jiżżewġu, u jaċċettaw żwiġijiet bejn l-​omosesswali jkunu qed jagħmlu proprju dak li jridhom jagħmlu x-​Xitan. Imma aħna ma nimitawx il-​kondotta li qed issir aċċettabbli fid-​dinja llum. Aħna nimitaw lil Kristu. (Efes. 4:17-​21) Għalhekk, biex niġġieldu kontra x-​Xitan u d-​demonji tiegħu, jeħtieġ li ‘nilbsu l-​armatura sħiħa mingħand Alla.’​—Aqra Efesin 6:10-​13.

“IBQGĦU MEXJIN BL-​IMĦABBA”

18. Xi jrid ikollna biex inkunu magħqudin?

18 Jeħtieġ li jkollna l-​imħabba sabiex inkunu magħqudin. Aħna determinati li ‘nħarsu l-​unità taʼ l-​ispirtu fir-​rabta li tgħaqqad tal-​paċi’ billi nuru mħabba mill-​qalb lejn il-​“Mulej wieħed” tagħna, lejn l-​“Alla wieħed” tagħna, u lejn xulxin. (Efes. 4:3-​6) Ġesù talab dwar imħabba bħal din: “Ma nitlobx għal dawn biss, imma wkoll għal dawk li jpoġġu l-​fidi fija permezz taʼ kelmithom; ħalli jkunu lkoll ħaġa waħda, sabiex bħalma int, Missier, f’unjoni miegħi u jien f’unjoni miegħek, huma wkoll ikunu f’unjoni magħna.” Qal ukoll: “Għarrafthom ismek u nibqaʼ ngħarrfu, sabiex l-​imħabba li biha ħabbejtni tkun fihom u jien inkun f’unjoni magħhom.”​—Ġw. 17:20, 21, 26.

19. X’int determinat li tagħmel?

19 Għandu mnejn ikollna xi ħaġa fil-​personalità tagħna li nsibuha bi tqila biex inbiddluha, imma l-​imħabba għandha tqanqalna nitolbu bħalma talab is-​salmista: “Agħtini qalb sħiħa biex nibżaʼ minn ismek.” (Salm 86:11) Għandna nkunu determinati li nissieltu kontra x-​Xitan meta jipprova jifridna minn maʼ Missierna kollu mħabba u minn maʼ ħutna. U għandna naħdmu iebes biex ‘nimitaw lil Alla, bħala wlied maħbubin, u nibqgħu mexjin bl-​imħabba” fil-​familja, fil-​ministeru, u fil-​kongregazzjoni.​—Efes. 5:1, 2.

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Stampa f’paġna 29]

Jitlaq l-​għotja tiegħu fuq l-​artal u jmur jagħmel paċi maʼ ħuh

[Stampa f’paġna 31]

Ġenituri, għallmu lil uliedkom juru rispett