Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħalli lil Ġeħova Jiggwidak Lejn il-Libertà Vera

Ħalli lil Ġeħova Jiggwidak Lejn il-Libertà Vera

“[Ħares] fiss lejn il-​liġi perfetta tal-​libertà.”​—ĠAK. 1:25.

TISTAʼ TISPJEGA?

Liema liġi twassal għal-​libertà vera, u min jibbenefika minn din il-​liġi?

X’inhu s-​sigriet biex niksbu l-​libertà vera?

Liema libertà se jgawdu dawk li jibqgħu fit-​triq tal-​ħajja?

1, 2. (a) X’qed jiġri mil-​libertà tan-​nies, u għala? (b) Liema libertà jittamaw li jkollhom il-​qaddejja taʼ Ġeħova?

 AĦNA qed ngħixu fi żmien meta n-​nies huma iktar u iktar rgħiba, vjolenti, u jiksru l-​liġijiet. (2 Tim. 3:1-​5) Minħabba f’hekk, il-​gvernijiet jagħmlu iżjed liġijiet, isaħħu l-​korpi tal-​pulizija, u jużaw kameras biex iżommu għajnejhom fuq dak li jkunu qed jagħmlu n-​nies. F’xi pajjiżi, in-​nies jinstallaw sistemi taʼ alarms fi djarhom, serraturi—għal waħda tnejn—u jieħdu miżuri oħrajn taʼ sigurtà biex jipproteġu lilhom infushom. Ħafna nies tant ma jħossuhomx fis-​sigurtà li ma joħorġux bil-​lejl u lanqas iħallu lil uliedhom jilagħbu barra waħedhom. Jidher ċar li n-​nies għandhom inqas u inqas libertà, u din is-​sitwazzjoni probabbilment mhix se titjieb.

2 Lura fil-​ġnien tal-​Għeden, Satana qal li l-​bnedmin jistgħu biss ikunu verament liberi jekk ikunu indipendenti minn Ġeħova. Dak li ġara minn dakinhar ’l hawn jagħti prova li dak li Satana qal kien gidba sfaċċata! Iktar ma l-​individwi jagħmlu li jridu u mhux dak li jgħidilhom Alla, iktar se tbati s-​soċjetà. Anki l-​qaddejja taʼ Ġeħova jbatu minħabba din is-​sitwazzjoni. Iżda aħna għandna t-​tama li l-​bnedmin xi darba se jkunu ħelsin mid-​dnub u l-​korruzzjoni, u se jkollhom dik li l-​Bibbja ssejħilha “l-​libertà glorjuża taʼ wlied Alla.” (Rum. 8:21) Fil-​fatt, Ġeħova issa qed iħejji lill-​qaddejja tiegħu għal din il-​libertà. Kif qed jagħmel dan?

3. Ġeħova liema liġi ta lis-​segwaċi taʼ Kristu, u liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

3 It-​tweġiba tinsab f’dik li l-​kittieb tal-​Bibbja Ġakbu sejħilha “l-​liġi perfetta tal-​libertà.” (Aqra Ġakbu 1:25.) F’verżjonijiet oħrajn tal-​Bibbja din il-​frażi tidher bħala “l-​liġi li tilliberana” (The New English Bible) u “l-​liġi perfetta tal-​ħelsien” (Għaqda Biblika Maltija). M’għandniex xi ngħidu, normalment in-​nies jassoċjaw il-​liġijiet mar-​restrizzjonijiet, u mhux mal-​libertà. Mela, allura, x’inhi “l-​liġi perfetta tal-​libertà”? U din il-​liġi kif tilliberana?

IL-​LIĠI LI TILLIBERANA

4. X’inhi “l-​liġi perfetta tal-​libertà,” u min jibbenefika minnha?

4 “Il-​liġi perfetta tal-​libertà” ma tistax tkun il-​Liġi Mosajka għax Ġeħova ta din il-​liġi lill-​Iżraelin biex jurihom li kienu midinbin, u din twettqet fi Kristu. (Mt. 5:17; Gal. 3:19) Allura Ġakbu għal liema liġi kien qed jirreferi? Hu kellu f’moħħu “l-​liġi tal-​Kristu,” li tissejjaħ ukoll “il-​liġi tal-​fidi” u “l-​liġi taʼ poplu ħieles.” (Gal. 6:2; Rum. 3:27; Ġak. 2:12) Għalhekk, “il-​liġi perfetta” tinkludi dak kollu li Ġeħova jirrikjedi minna. Kemm il-​Kristjani midlukin u kemm ‘in-​nagħaġ l-​oħrajn’ jibbenefikaw minnha.—Ġw. 10:16.

5. Il-​liġi tal-​libertà għala mhijiex taʼ piż?

5 B’differenza għal-​liġijiet taʼ ħafna pajjiżi, “il-​liġi perfetta” la hi komplikata u lanqas taʼ piż, imma tikkonsisti minn kmandamenti sempliċi u prinċipji bażiċi. (1 Ġw. 5:3) Ġesù qal: “Il-​madmad tiegħi ħelu u t-​tagħbija tiegħi ħafifa.” (Mt. 11:29, 30) Iktar minn hekk, “il-​liġi perfetta” m’għandhiex bżonn lista twila taʼ sanzjonijiet, jew kastigi, għax hi bbażata fuq l-​imħabba u hi mnaqqxa f’moħħna u f’qalbna, u mhux fuq twavel tal-​ġebel.—Aqra Ebrej 8:6, 10.

KIF “IL-​LIĠI PERFETTA” TILLIBERANA

6, 7. (a) X’jistaʼ jingħad dwar il-​livelli taʼ Ġeħova? (b) Il-​liġi tal-​libertà x’tippermettilna nagħmlu?

6 Il-​limiti li Ġeħova poġġa fuq il-​bnedmin huma taʼ benefiċċju u taʼ protezzjoni għalina. Pereżempju, aħseb dwar il-​liġijiet tan-​natura li jikkontrollaw l-​enerġija u l-​materja. In-​nies ma jilmentawx li jħossuhom mgħakksin b’dawn il-​liġijiet. Huma jħossuhom grati għax jafu li dawn il-​liġijiet huma għall-​ġid tagħhom stess. Bl-​istess mod, il-​livelli morali u spiritwali taʼ Ġeħova, li nitgħallmu mil-​“liġi perfetta” tal-​Kristu, huma għall-​benefiċċju tagħna.

7 Minbarra li hi taʼ protezzjoni, il-​liġi tal-​libertà tippermettilna nissodisfaw ix-​xewqat xierqa tagħna mingħajr ma nagħmlu ħsara lilna nfusna jew nuru nuqqas taʼ rispett lejn id-​drittijiet u l-​libertajiet taʼ ħaddieħor. Mela, is-​sigriet biex inkunu verament ħelsin—li nkunu nistgħu nagħmlu dak li nixtiequ—hu li nikkultivaw ix-​xewqat xierqa, xewqat li jkunu f’armonija mal-​personalità u mal-​livelli taʼ Ġeħova. Fi kliem ieħor, irridu nitgħallmu nħobbu dak li jħobb Ġeħova u nobogħdu dak li jobgħod hu. Il-​liġi tal-​libertà tgħinna nagħmlu proprju dan.—Għam. 5:15.

8, 9. Kif nibbenefikaw meta nobdu l-​liġi tal-​libertà? Agħti eżempju.

8 Minħabba l-​imperfezzjoni, aħna nissieltu biex inrażżnu x-​xewqat ħżiena. Madankollu, hekk kif nobdu b’lealtà l-​liġi tal-​libertà, aħna nesperjenzaw ftit libertà saħansitra issa. Sabiex nagħtu eżempju: Student ġdid tal-​Bibbja jismu Jay kellu l-​vizzju tat-​tipjip. Meta tgħallem li l-​vizzju tiegħu ma jogħġobx lil Alla, kellu jieħu deċiżjoni. Kien hu se jkompli jiġi kontrollat mix-​xewqa tiegħu li jpejjep jew kien se jobdi lil Ġeħova? Hu ħa d-​deċiżjoni għaqlija li jaqdi lil Alla, avolja ħassha verament bi tqila biex jieqaf ipejjep. Kif ħassu wara li qataʼ dan il-​vizzju? Iktar tard, hu qal: “Ħassejt libertà liema bħalha u kont ferħan se ntir.”

9 Il-​libertajiet li toffri d-​dinja jippermettu lin-​nies jissodisfaw ix-​xewqat tagħhom. Iżda bħalma tgħallem Jay, dan iwassal biex in-​nies isiru lsiera tad-​dnub. Dawk li jobdu l-​liġi t’Alla tal-​libertà jagħżlu li jiġu kontrollati mill-​ispirtu t’Alla, u huma jiġu meħlusin u jkun jistaʼ jkollhom “ħajja u paċi.” (Rum. 8:5, 6) Jay kif kiseb il-​qawwa biex jaqtaʼ l-​vizzju li kellu? Mhux bis-​saħħa tiegħu stess; bis-​saħħa t’Alla. Hu kien jistudja l-​Bibbja regolarment, jitlob għall-​ispirtu qaddis, u jaċċetta l-​għajnuna kollha mħabba mill-​aħwa tal-​kongregazzjoni. Dawn l-​istess affarijiet jistgħu jgħinu lilna lkoll biex ikollna l-​libertà vera. Ejja naraw kif.

ĦARES FISS LEJN IL-​KELMA T’ALLA

10. Xi jfisser li “tħares fiss” lejn il-​liġi t’Alla?

10 F’​Ġakbu 1:25 naqraw li “min iħares fiss lejn il-​liġi perfetta tal-​libertà u jibqaʼ jagħmel hekk . . . ikun hieni li qed jagħmilha.” Il-​kelma Griega tradotta “ħares fiss” tfisser li titbaxxa biex tħares iktar mill-​qrib lejn xi ħaġa. Dan jirrikjedi sforz. Iva, jekk irridu li l-​liġi tal-​libertà teffettwalna moħħna u qalbna, irridu nagħmlu l-​parti tagħna billi nistudjaw il-​Bibbja b’mod diliġenti u nimmeditaw bit-​talb fuq dak li naqraw.—1 Tim. 4:15.

11, 12. (a) Ġesù kif enfasizza l-​bżonn li nagħmlu l-​verità l-​mod kif ngħixu ħajjitna? (b) Bħalma diġà ssemma, b’mod partikulari ż-​żgħażagħ liema periklu għandhom jevitaw?

11 Fl-​istess ħin, irridu ‘nibqgħu’ napplikaw il-​Kelma t’Alla. Għandna nagħmlu l-​verità l-​mod kif ngħixu ħajjitna. Ġesù qal xi ħaġa simili lil xi wħud li kienu jemmnu fih: “Jekk tibqgħu fil-​kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tkunu tafu l-​verità, u l-​verità teħliskom.” (Ġw. 8:31, 32) Dizzjunarju wieħed tal-​Bibbja jispjega li hawnhekk li nkunu “nafu” jinkludi li nifhmu kemm hu importanti f’ħajjitna dak li nafu. Għalhekk, nistgħu ngħidu li nafu l-​verità bis-​sħiħ meta npoġġuha fil-​prattika f’ħajjitna. Imbagħad “il-​kelma t’Alla” tkun qed “taħdem” fina. Se tgħinna nkomplu nagħmlu bidliet fil-​personalità tagħna sabiex inkunu nistgħu nimitaw lil Missierna tas-​sema b’mod aħjar.—1 Tess. 2:13.

12 Staqsi lilek innifsek, ‘Tassew nafha l-​verità? Għamiltha l-​mod kif ngħix ħajti? Jew għadni nixxennaq għal xi “libertajiet” tad-​dinja?’ Meta tħares lura lejn żgħożitha, oħt li trabbiet minn ġenituri Kristjani kienet temmen f’Ġeħova iżda qatt ma saret tafu verament. Hi kitbet: “Qatt ma tgħallimt nobgħod dak li jobgħod hu. Qatt ma emmint li kien jimpurtah minn dak li kont nagħmel jien. U qatt ma tgħallimt indur lejh meta kont insib ruħi f’diffikultà. Kont nistrieħ fuq il-​fehma tiegħi stess, u issa naf li dan kien ridikolu għax ma kont naf xejn.” Fortunatament, iktar tard l-​oħt irrealizzat li l-​mod kif taħsibha kien tassew żbaljat u għamlet xi bidliet drastiċi. Hi saħansitra bdiet taqdi bħala pijuniera regulari.

L-​ISPIRTU QADDIS JISTAʼ JILLIBERAK

13. L-​ispirtu qaddis t’Alla kif jilliberana?

13 Fit-​2 Korintin 3:17 naqraw: “Fejn hemm l-​ispirtu taʼ Ġeħova, hemm il-​libertà.” L-​ispirtu qaddis kif jilliberana? Fost affarijiet oħrajn, dan jipproduċi fina kwalitajiet essenzjali għal-​libertà—“l-​imħabba, il-​ferħ, il-​paċi, is-​sabar fit-​tul, il-​qalb tajba, it-​tjubija, il-​fidi, il-​ħlewwa, ir-​rażna.” (Gal. 5:22, 23) Mingħajr dawn il-​kwalitajiet, speċjalment l-​imħabba, l-​ebda soċjetà ma tistaʼ tkun tassew libera—fatt li hu ovvju fid-​dinja tal-lum. Huwa taʼ interess li wara li l-​appostlu Pawlu semma l-​frott tal-​ispirtu, hu żied jgħid: “Kontra dawn m’hemmx liġi.” X’ried ifisser? Il-​frott tal-​ispirtu t’Alla mhu limitat minn ebda liġi. Qatt mhu se jkun hemm liġi li twaqqaf dawn il-​kwalitajiet milli joktru. (Gal. 5:18) Ġeħova jridna nibqgħu dejjem nuru dawn il-​kwalitajiet u nkomplu nuruhom għall-​eternità.

14. L-​ispirtu tad-​dinja b’liema modi jassar lin-​nies?

14 Dawk li huma mjassrin mill-​ispirtu tad-​dinja u li jissodisfaw ix-​xewqat tagħhom tal-​laħam jistgħu jaħsbu li huma liberi. (Aqra t-2 Pietru 2:18, 19.) Madankollu, ir-​realtà hija pjuttost il-​kuntrarju. Jeħtieġ lista twila taʼ regoli u regolamenti biex jitrażżnu x-​xewqat u l-​kondotta tan-​nies. Pawlu qal: “Il-​liġi ma ssirx għal min hu sewwa, imma għal nies bla liġi u ribellużi.” (1 Tim. 1:9, 10) Huma wkoll ilsiera tad-​dnub għax ‘jagħmlu dak li jrid il-​laħam,’ li hu sid aħrax. (Efes. 2:1-​3) Individwi bħal dawn huma bħal insetti li jibqgħu deħlin ġo vażett bl-​għasel. Sabiex jissodisfaw l-​aptit tagħhom, malajr isibu ruħhom maqbudin.—Ġak. 1:14, 15.

ILLIBERATI ĠEWWA L-​KONGREGAZZJONI KRISTJANA

15, 16. (a) Kemm hi importanti s-​sħubija tagħna mal-​kongregazzjoni? (b) Liema libertà ngawdu fil-​kongregazzjoni?

15 Meta bdejt tissieħeb mal-​kongregazzjoni Kristjana, ma sirtx membru taʼ xi klabb soċjali. Minflok, int ġejt fil-​kongregazzjoni għax Ġeħova ġibdek lejh. (Ġw. 6:44) X’qanqlu jagħmel hekk? Ra fik persuna retta li għandha l-​biżaʼ t’Alla? “Lanqas xejn!” għandek mnejn tgħid. Mela, x’ra Alla? Hu ra li int kont se tkun lest li tobdi l-​liġi tiegħu u taċċetta d-​direzzjoni li jagħtina b’qalb tajba. Mindu sirt parti mill-​kongregazzjoni, Ġeħova ħa ħsiebek billi għallmek mill-​Kelma tiegħu u ħelsek mit-​tagħlim reliġjuż falz u mis-​superstizzjonijiet. Għallmek ukoll kif tiżviluppa l-​personalità bħal taʼ Kristu. (Aqra Efesin 4:22-​24.) B’hekk, int għandek il-​privileġġ li tkun fost l-​uniċi nies fid-​dinja li bix-​xieraq jistgħu jissejħu “poplu ħieles.”—Ġak. 2:12.

16 Ikkunsidra dan: Meta tkun fil-​kumpanija taʼ dawk li jħobbu lil Ġeħova b’qalbhom kollha, tħossok beżgħan? Meta tkun qed titħaddet maʼ ħutek fis-​Sala tas-​Saltna, toqgħod tinkwieta li xi ħadd jistaʼ jisraqlek l-​affarijiet? ’Il bogħod minn hekk! Tħossok komdu u liberu. Tħossok bl-​istess mod meta tkun fil-​kumpanija taʼ nies oħrajn u f’postijiet oħrajn? X’aktarx li le! Iktar minn hekk, il-​libertà li tgawdi issa fost il-​poplu t’Alla hi biss lemħa tal-​libertà li se tgawdi fil-​futur.

“IL-​LIBERTÀ GLORJUŻA TAʼ WLIED ALLA”

17. Il-​fatt “li jiġu rivelati wlied Alla,” kif se jgħin biex jiġu liberati l-​bnedmin?

17 Meta kien qed jiddiskuti l-​libertà li Ġeħova se jagħti lill-​qaddejja tiegħu fuq l-​art, Pawlu kiteb: “Il-​ħolqien qed jistenna bil-​ħerqa li jiġu rivelati wlied Alla.” Imbagħad kompla jgħid: “L-​istess ħolqien ukoll jinħeles mill-​jasar tat-​taħsir u jkollu l-​libertà glorjuża taʼ wlied Alla.” (Rum. 8:19-​21) “Il-​ħolqien” jirreferi għall-​umanità bit-​tama għall-​art, jiġifieri, dawk li se jibbenefikaw mill-​fatt li jiġu “rivelati” wlied Alla midlukin bl-​ispirtu. Dan l-​irrivelar se jibda meta l-​midlukin fis-​sema jgħinu lil Kristu jeqred lin-​nies mill-​agħar kollha u jdaħħal “folla kbira” fis-​sistema l-​ġdida.

18. Il-​libertà kif se tiżdied għall-​bnedmin ubbidjenti, u fl-​aħħar liema libertà se jgawdu?

18 Il-​bnedmin mifdijin imbagħad se jesperjenzaw libertà ġdida għalkollox—libertà mill-​influwenza taʼ Satana u d-​demonji. (Riv. 20:1-​3) X’serħan se jkun dan! Minn dak iż-​żmien ’il quddiem, is-​slaten u qassisin imseħbin taʼ Kristu, il-​144,000, se jużaw is-​sagrifiċċju tal-​fidwa għall-​benefiċċju tal-​bnedmin sakemm dawn jinħelsu għalkollox mid-​dnub u mill-​imperfezzjoni. (Riv. 5:9, 10) Wara li l-​fidi tagħhom tkun għaddiet minn prova, il-​bnedmin ubbidjenti fl-​aħħar se jkunu kisbu l-​libertà perfetta li Ġeħova oriġinarjament ried li jkollhom, jiġifieri “l-​libertà glorjuża taʼ wlied Alla.” Aħseb ftit! Qatt iktar m’int se tissielet biex tagħmel dak li hu tajjeb f’għajnejn Alla. Ġismek, qalbek, u moħħok se jkunu perfetti, u se tkun tistaʼ timita l-​kwalitajiet t’Alla b’mod perfett.

19. X’għandna nkomplu nagħmlu llum sabiex nibqgħu fit-​triq tal-​libertà vera?

19 Tixxennaq int għal-​“libertà glorjuża taʼ wlied Alla”? Jekk inhu hekk, ħalli lil moħħok u lil qalbek ikomplu jiġu influwenzati mil-​“liġi perfetta tal-​libertà.” Studja l-​Iskrittura b’mod diliġenti. Għix il-​verità, u agħmilha tiegħek. Itlob għall-​ispirtu qaddis. Ħu vantaġġ sħiħ mill-​kongregazzjoni Kristjana u mill-​ikel spiritwali li jipprovdi Ġeħova. Tħallix lil Satana jqarraq bik bħalma qarraq b’Eva billi jġiegħlek taħseb li l-​mogħdijiet t’Alla huma restrittivi żżejjed. Ibqaʼ ċert li x-​Xitan jistaʼ jkun makakk ħafna. Imma kif se naraw fl-​artiklu li jmiss, m’għandniex għalfejn inkunu ‘megħlubin għax il-​pjanijiet tiegħu nafuhom.’—2 Kor. 2:11.

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Stampi f’paġna 9]

Għadni jien nixxennaq għal xi “libertajiet” tad-​dinja?

[Stampi f’paġna 9]

Għamiltha jien il-​verità l-​mod kif ngħix ħajti?