Aqdi lill-Alla tal-Libertà
“L-imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-kmandamenti tiegħu; u madankollu l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.”—1 ĠW. 5:3.
TAF TWIEĠEB?
Satana kif jipprova jagħmel il-liġijiet t’Alla jidhru li huma taʼ piż?
Għala għandna noqogħdu attenti ferm rigward l-għażla tagħna tal-ħbieb?
X’se jgħinna nibqgħu leali lejn l-Alla tal-libertà?
1. Ġeħova kif juża l-libertà tiegħu, u lil Adam u Eva liema libertà tahom?
ĠEĦOVA biss għandu libertà bla limitu. Iżda dejjem juża l-libertà tiegħu b’mod korrett. Hu ma jikkontrollax sal-iċken ħaġa li jagħmlu l-qaddejja tiegħu. Minflok, hu ħalliehom fil-libertà biex jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom huma stess u biex jissodisfaw ix-xewqat xierqa kollha tagħhom. Pereżempju, kien hemm ħaġa waħda biss li Alla ma ħalliex lil Adam u Eva jagħmlu. Qalilhom biex ma jiklux “mis-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin.” (Ġen. 2:17) Mela kien possibbli għalihom li jagħmlu r-rieda t’Alla u xorta jkollhom libertà liema bħalha!
2. Adam u Eva għala tilfu l-libertà li tahom Alla?
2 Alla għala ta lil Adam u Eva daqshekk libertà? Hu ħalaqhom fix-xbieha tiegħu u tahom kuxjenza. Bir-raġun, hu stenna li mħabbithom lejh bħala l-Ħallieq tagħhom tiggwidahom fit-triq it-tajba. (Ġen. 1:27; Rum. 2:15) B’sogħba, Adam u Eva m’apprezzawx lid-Donatur tal-Ħajja meraviljuż tagħhom u l-libertà li kien tahom. Minflok, huma għażlu li jiddeċiedu għalihom infushom x’kien tajjeb u x’kien ħażin. Ħasbu li dan se jagħtihom iktar libertà, iżda fir-realtà, l-għażla tagħhom għamlet lilhom u lil nisilhom ilsiera tad-dnub u dan ġab tbatija u mewt.—Rum. 5:12.
3, 4. Satana kif jipprova jqarraq bina fejn jidħlu l-livelli taʼ Ġeħova?
3 Ladarba Satana kien kapaċi jinfluwenza żewġ bnedmin perfetti u għadd kbir taʼ anġli biex jiċħdu s-sovranità t’Alla, hu kapaċi jqarraq bina wkoll. L-istrateġija tiegħu għadha xi ftit jew wisq l-istess. Hu jipprova jiżvijana billi jġegħelna naħsbu li l-livelli t’Alla huma taʼ piż u jisirqulna l-ferħ u l-eċċitament. (1 Ġw. 5:3) In-nies fid-dinja hekk jaħsbuha, u jekk spiss inqattgħu l-ħin magħhom għandna mnejn nibdew naħsbuha bħalhom. “Il-kumpanija ħażina kellha effett kbir fuqi, speċjalment minħabba li kont nibżaʼ jkolli opinjoni differenti minn sħabi,” qalet oħt li għandha 24 sena u li kienet ikkommettiet l-immoralità. Forsi anki int esperjenzajt pressjoni simili minn sħabek.
4 B’sogħba, xi drabi l-influwenza negattiva tistaʼ tiġi wkoll minn uħud fil-kongregazzjoni Kristjana. “Jien kont ħbieb maʼ xi żgħażagħ li kienu jinnamraw maʼ wħud li ma kinux fil-verità,” qal Xhud żagħżugħ. “Iżda, maż-żmien intbaħt li iktar ma kont nagħmilha magħhom, iktar bdejt insir bħalhom. L-ispiritwalità tiegħi marret minn taħt. Ma kontx qed nieħu pjaċir bl-ikel spiritwali fil-laqgħat, u bilkemm kont noħroġ fil-ministeru. Kien proprju b’dan is-sinjal li indunajt li kelli naqtaʼ dawn il-ħbieb, u hekk għamilt!” Konxju int taʼ kemm sħabek jinfluwenzawk? Ikkunsidra eżempju Bibliku li jistaʼ jgħinna llum.
SERQILHOM QLUBHOM
5, 6. (a) Absalom kif qarraq b’oħrajn? (b) Il-pjan tiegħu rnexxa?
5 Il-Bibbja fiha bosta eżempji taʼ wħud li kienu taʼ influwenza ħażina fuq oħrajn. Eżempju wieħed minn dawn kien Absalom, bin is-Sultan David. Absalom kien raġel tassew attraenti. Iżda maż-żmien, bħal Satana, Absalom ħalla xewqa ħażina tinbet f’qalbu għax ried jilħaq sultan flok missieru, avolja ma kellux id-dritt li jsaltan. a Biex jasal fejn ried, hu pprova jaħtaf it-tron taʼ missieru taħt idejh u għamel tabirruħu li kien jimpurtah minn sħabu l-Iżraelin. Fl-istess ħin, b’ħażen insinwa li s-sultan ma kienx jimpurtah minnhom. Iva, eżatt bħax-Xitan fil-ġnien tal-Għeden, Absalom ġiegħel lin-nies jaħsbu li hu xi benefattur, u fl-istess ħin immalafama lil missieru stess.—2 Sam. 15:1-5.
6 Irnexxa l-pjan makakk taʼ Absalom? Sa ċertu punt iva għax ir-rakkont fil-Bibbja jgħid: “Absalom baqaʼ jisraq il-qlub taʼ l-irġiel taʼ Israel.” (2 Sam. 15:6) Iżda, fl-aħħar mill-aħħar, l-arroganza taʼ Absalom wasslitu biex jieħu tisbita kbira. U traġikament din wasslet ukoll għall-mewt tiegħu u tal-eluf taʼ nies li ġew imqarrqin minnu.—2 Sam. 18:7, 14-17.
7. Liema lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mir-rakkont dwar Absalom? (Ara l-istampa f’paġna 14.)
7 Dawn l-Iżraelin għala ġew imqarrqin daqshekk faċilment? Forsi għax xtaqu l-affarijiet li wegħedhom Absalom. Jew forsi ġew influwenzati mid-dehra fiżika tiegħu. Kien x’kien il-każ, nistgħu nkunu ċerti minn dan: Huma ma kinux leali lejn Ġeħova u lejn is-sultan maħtur minnu. Illum, Satana jkompli juża lil nies bħal Absalom biex jipprova jisraq il-qlub tal-qaddejja taʼ Ġeħova. Huma forsi jgħidu: ‘Il-livelli taʼ Ġeħova huma riġidi żżejjed. Ħares lejn dawk in-nies kollha li ma jaqdux lil Ġeħova—huma dejjem jixxalaw!’ Meta tismaʼ dawn l-affarijiet, se tidentifikahom bħala gideb u tkompli tkun leali lejn Alla? Se tirrikonoxxi li hija biss “il-liġi perfetta” taʼ Ġeħova, il-liġi tal-Kristu, li tistaʼ twasslek għal-libertà vera? (Ġak. 1:25) Jekk iva, għożż din il-liġi, u qatt titħajjar tuża ħażin il-libertà Kristjana li għandek.—Aqra l-1 Pietru 2:16.
8. Liema eżempji juru li n-nies ma jkunux ferħanin meta ma jobdux il-ħtiġijiet taʼ Ġeħova?
8 B’mod partikulari ż-żgħażagħ huma l-mira taʼ Satana. Ħu li issa għandu ’l fuq minn 30 sena qal hekk dwar is-snin meta kien adoloxxent: “Kont inħares lejn il-livelli morali taʼ Ġeħova bħala restrizzjoni, mhux bħala protezzjoni.” Minħabba f’hekk, hu kkommetta l-immoralità sesswali. Imma dan ma ġablu l-ebda ferħ. Hu qal: “Ħassejtni mifni b’sentimenti taʼ ħtija u rimors għal diversi snin.” Meta rriflettiet fuq is-snin tal-adoloxxenza tagħha, oħt kitbet li wara li kkommettiet l-immoralità ħassitha mdejqa u ma tiswa għal xejn. Hi kompliet tgħid: “Anki issa wara 19-il sena, il-memorji koroh għadhom jitturmentawni.” Oħt oħra qalet: “Il-ħsieb li l-imġiba tiegħi kiddet lin-nies li tant inħobb kellu effett fuqi li kien devastanti mentalment, spiritwalment, u emozzjonalment. Huwa terribbli li tgħix mingħajr l-approvazzjoni taʼ Ġeħova.” Satana ma jridekx taħseb dwar konsegwenzi taʼ dnub bħal dawn.
9. (a) Liema mistoqsijiet jistgħu jgħinuna nanalizzaw il-ħarsa tagħna lejn Ġeħova u lejn il-liġijiet u l-prinċipji tiegħu? (b) Għala hu importanti li nsiru nafu lil Alla sew?
9 Bħalma juru dawn l-eżempji, il-konsegwenzi li jiġu meta wieħed ma jobdix lil Alla huma terribbli. Hija ħasra li ħafna żgħażagħ fil-verità, u saħansitra xi wħud ikbar, kellhom ibatu l-konsegwenzi biex jitgħallmu dan! (Gal. 6:7, 8) Mela, staqsi lilek innifsek: ‘Nagħrafhom in-nases li juża Satana biex jipprova jqarraq bija? Inqisu lil Ġeħova bħala l-akbar Ħabib tiegħi, il-wieħed li dejjem jgħid il-verità u li jixtieqli l-ġid? Konvint jien għalkollox li hu qatt mhu se jċaħħadni minn xi ħaġa li hi tassew tajba u li tagħmilni ferħan?’ (Aqra Isaija 48:17, 18.) Sabiex tkun tistaʼ tgħid iva mill-qalb għandek bżonn iktar minn sempliċi għarfien superfiċjali dwar Ġeħova. Għandek bżonn issir tafu b’mod intimu u tirrikonoxxi li l-liġijiet u l-prinċipji Bibliċi jirriflettu l-imħabba tiegħu lejk, u mhux ix-xewqa li joħnoqlok il-libertà.—Salm 25:14.
ITLOB BIEX IKOLLOK QALB GĦARFA U UBBIDJENTI
10. Għala għandna nistinkaw biex nimitaw lis-sultan żagħżugħ Salamun?
10 Meta kien għadu żagħżugħ, Salamun b’umiltà talab: “Jien m’iniex ħlief naqra taʼ tifel. Ma nafx kif noħroġ u kif nidħol.” Hu mbagħad talab biex ikollu qalb għarfa u ubbidjenti. (1 Slat. 3:7-9, 12) Ġeħova wieġeb din it-talba sinċiera, u se jwieġeb tiegħek ukoll, sew jekk int żgħir u sew jekk int kbir. M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova mhux se jagħtik dehen u għerf b’mod mirakoluż. Iżda hu se jagħmlek għaref jekk tistudja bil-ħerqa l-Kelma tiegħu, titlob għall-ispirtu qaddis, u tieħu vantaġġ sħiħ mill-provvedimenti spiritwali li huma disponibbli permezz tal-kongregazzjoni Kristjana. (Ġak. 1:5) Tabilħaqq, permezz taʼ dawn, Ġeħova anki lill-qaddejja żgħażagħ tiegħu jagħmilhom iktar għorrief minn dawk kollha li jinjoraw il-pariri tiegħu, inkluż l-hekk imsejħin ‘għorrief u intellettwali’ taʼ din id-dinja.—Lq. 10:21; aqra Salm 119:98-100.
11-13. (a) Liema lezzjonijiet taʼ valur nistgħu nitgħallmu minn Salm 26:4, Proverbji 13:20, u l-1 Korintin 15:33? (b) Kieku int kif tapplikahom dawn il-prinċipji Skritturali?
11 Sabiex naraw kemm hu taʼ valur li nistudjaw il-Bibbja u nimmeditaw fuq dak li naqraw bl-għan li nsiru nafu lil Ġeħova mill-qrib, ejja nikkunsidraw dawn l-iskritturi. Kull waħda fiha prinċipju importanti rigward l-għażla tagħna tal-ħbieb: “Jien ma poġġejtx maʼ nies li ma jgħidux il-verità; u ma nimxix maʼ dawk li jaħbu x’inhuma.” (Salm 26:4) “Min qed jimxi maʼ l-għorrief se jsir għaref, imma min qed jagħmilha maʼ l-istupidi se jaħbatlu ħażin.” (Prov. 13:20) “Kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.”—1 Kor. 15:33.
12 Liema lezzjonijiet taʼ valur nistgħu nitgħallmu minn dawn l-iskritturi? (1) Ġeħova jridna nkunu selettivi meta niġu biex nagħżlu l-ħbieb tagħna. Hu jrid jipproteġina moralment u spiritwalment. (2) In-nies li nagħmluha magħhom jinfluwenzawna sew għat-tajjeb u sew għall-ħażin; dan hu sempliċement fatt tal-ħajja. Il-mod kif inhuma miktubin il-versi t’hawn fuq juri li Ġeħova qed jipprova jmissilna qalbna. Innota li dawn il-versi huma miktubin bħala veritajiet sempliċi, u mhux bħala regoli. Pereżempju, ma nsibux miktub “tagħmilx hekk.” Huwa bħallikieku Ġeħova qed jgħidilna: ‘Dawn huma l-fatti. Int x’se tagħmel? X’hemm f’qalbek?’
13 Finalment, minħabba li dawn it-tliet versi huma miktubin bħala veritajiet bażiċi, dawn huma minnhom illum daqskemm kienu meta nkitbu u jistgħu japplikaw għan-nies f’ħafna sitwazzjonijiet. Staqsi lilek innifsek mistoqsijiet bħal dawn: Kif nistaʼ nevita li nassoċja maʼ individwi “li jaħbu x’inhuma”? F’liema sitwazzjonijiet għandi mnejn niġi f’kuntatt maʼ wħud bħal dawn? (Prov. 3:32; 6:12) Min huma “l-għorrief” maʼ min Ġeħova jridni nassoċja? Min huma “l-istupidi” li jridni nevita? (Salm 111:10; 112:1; Prov. 1:7) Liema “drawwiet siewja” se nħassar jekk nagħżel kumpanija ħażina? Fid-dinja biss se nsib “kumpanija ħażina”? (2 Pt. 2:1-3) Kieku int kif twieġeb dawn il-mistoqsijiet?
14. Kif tistaʼ ttejjeb il-lejla tal-Qima tal-Familja tiegħek?
14 Bl-istess mod li għadek kemm irraġunajt fuq dawn it-tliet skritturi, tistaʼ taqra skritturi oħrajn biex tifhem il-mod kif jaħsibha Alla dwar suġġetti li huma importanti għalik u għall-familja tiegħek. b Ġenituri, għala ma tikkunsidrawx li tiddiskutu suġġetti bħal dawn matul il-lejla tal-Qima tal-Familja tagħkom? Intom u tagħmlu dan, żommu f’moħħkom li l-għan tagħkom hu li tgħinu lil kull membru tal-familja japprezza iktar bis-sħiħ kemm hi profonda l-imħabba t’Alla għalina kif tidher fil-liġijiet u l-prinċipji tiegħu. (Salm 119:72) Tabilħaqq, studju bħal dan għandu jressaq lil kull membru tal-familja eqreb lejn Ġeħova u lejn xulxin.
15. Kif tkun taf jekk intix qed tiżviluppa qalb għarfa u ubbidjenti?
15 Kif tistaʼ tkun taf jekk intix qed tiżviluppa qalb għarfa u ubbidjenti? Mod wieħed hu billi tqabbel il-mod taʼ kif taħsibha int maʼ kif kienu jaħsbuha wħud leali tal-qedem, bħal pereżempju s-Sultan David li kiteb: “Jien tgħaxxaqt nagħmel ir-rieda tiegħek, O Alla tiegħi, u l-liġi tiegħek qiegħda fil-ġewwieni tiegħi.” (Salm 40:8) Bl-istess mod, il-kittieb taʼ Salm 119 qal: “Kemm inħobbha l-liġi tiegħek! Il-jum kollu moħħni fiha.” (Salm 119:97) Trid tistinka biex ikollok din it-tip taʼ mħabba. Din l-imħabba tikber meta tistudja l-Bibbja bis-serjetà, titlob, u timmedita. Tikber ukoll meta f’ħajtek stess tinnota li l-ubbidjenza lejn il-ħtiġijiet taʼ Ġeħova ġġib ħafna barkiet.—Salm 34:8.
ISSIELET GĦAL-LIBERTÀ KRISTJANA TIEGĦEK!
16. X’għandna nirrealizzaw sabiex nirbħu l-battalja tagħna għal-libertà vera?
16 Matul l-istorja, il-ġnus kienu lesti li jiġġieldu gwerer ħorox sabiex jiksbu l-libertà. Mela, kemm iktar għandek tkun lest int li tissielet spiritwalment sabiex tikseb il-libertà Kristjana tiegħek! Trid tirrealizza li l-għedewwa tiegħek mhumiex biss Satana u l-mod qerried kif taħsibha d-dinja. Ikollok tkampa wkoll mal-imperfezzjonijiet tiegħek stess, inkluż qalb qarrieqa. (Ġer. 17:9; Efes. 2:3) Madankollu, bl-għajnuna taʼ Ġeħova, tistaʼ tirbaħha l-battalja. Iktar minn hekk, kull rebħa—kbira jew żgħira—se tħalli minn tal-inqas żewġ effetti pożittivi. L-ewwel nett, se tferraħ qalb Ġeħova. (Prov. 27:11) It-tieni nett, kull darba li tirrealizza li l-ubbidjenza lejn “il-liġi perfetta tal-libertà” hi taʼ ġid għalik, int se ssir saħansitra iktar determinat li tibqaʼ fit-triq li twassal għall-ħajja taʼ dejjem. Maż-żmien, int se tgawdi l-libertà fuq skala akbar li Ġeħova jwiegħed lil dawk kollha li huma leali lejh.—Ġak. 1:25; Mt. 7:13, 14.
17. Għala m’għandniex inħossuna skuraġġiti minħabba l-imperfezzjonijiet tagħna, u Ġeħova liema għajnuna jipprovdi?
17 Naturalment, kultant ilkoll niżbaljaw. (Ekk. 7:20) Meta jiġri hekk, tħossokx li ma tiswa għal xejn jew skuraġġit iżżejjed. Jekk tieħu gambetta, biex ngħidu hekk, qum fuq saqajk u kompli għaddej—anki jekk dan ikun ifisser li titlob l-għajnuna tal-anzjani lokali. “It-talb tal-fidi” tagħhom, kiteb Ġakbu, “ifejjaq lill-marid, u Ġeħova jqajmu. Ukoll, jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu.” (Ġak. 5:15) Iva, qatt tinsa li Alla hu tassew ħanin u li ġibdek lejn il-kongregazzjoni għax ra xi ħaġa tajba fik. (Aqra Salm 103:8, 9.) Mela dment li żżomm qalb sħiħa lejn Ġeħova, hu qatt mhu se jaqtaʼ qalbu minnek.—1 Kron. 28:9.
18. Kif nistgħu naġixxu fi qbil mat-talba taʼ Ġesù li nsibu fi Ġwanni 17:15?
18 Hu u jitlob fl-aħħar lejl taʼ ħajtu fuq l-art mal-11-il appostlu leali tiegħu, Ġesù qal dan il-kliem li ma jintesiex għan-nom tagħhom: ‘Ħarishom minħabba l-Ħażin.’ (Ġw. 17:15) Sewwasew bħalma Ġesù ħa ħsieb l-appostli tiegħu, hu jieħu ħsieb is-segwaċi tiegħu kollha llum. Għalhekk, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jwieġeb it-talba taʼ Ġesù billi jħarisna matul dawn iż-żminijiet kritiċi. Ġeħova “huwa tarka għal dawk li jimxu bl-integrità . . . u jgħasses it-triq tal-leali tiegħu.” (Prov. 2:7, 8) Iva, it-triq tal-integrità fiha l-isfidi tagħha, imma hija l-unika triq li twassal għall-ħajja taʼ dejjem u għal-libertà vera. (Rum. 8:21) Tħalli lil ħadd jiżvijak minnha!
[Noti ta’ taħt]
a Meta Alla wiegħed li jagħti ‘nisel,’ jew iben, lil David biex isir sultan warajh, Absalom kien diġà twieled. Għalhekk, Absalom messu kien jaf li Ġeħova ma kienx għażel lilu bħala s-suċċessur taʼ David.—2 Sam. 3:3; 7:12.
b Eżempji tajbin huma l-1 Korintin 13:4-8, fejn Pawlu jiddeskrivi l-imħabba, u Salm 19:7-11, li jitkellem dwar il-ħafna barkiet li jistaʼ jkollna jekk nobdu l-liġijiet taʼ Ġeħova.
[Mistoqsijiet ta’ Studju]
[Stampi f’paġna 14]
Kif nistgħu nidentifikaw lil uħud bħal Absalom fi żmienna u nipproteġu lilna nfusna minnhom?