Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Il-Ħolma Tiegħi Saret Realtà”

“Il-Ħolma Tiegħi Saret Realtà”

Emilia kienet taqdi bħala pijuniera regulari, imma 15-​il sena ilu kellha tieqaf. Dan l-​aħħar, spiss bdiet tirrifletti dwar kemm kien żmien sabiħ meta kienet taqdi bħala pijuniera u xtaqet terġaʼ tibda.

Imma x-​xogħol taʼ Emilia kien jiħdilha ħafna mill-​ħin tagħha, u dan kien qed jisirqilha l-​ferħ. Jum fost l-​oħrajn, quddiem sħabha tax-​xogħol qalet: “Nixtieq nistaʼ naħdem inqas sigħat!” Il-​maniġer tagħha saret taf b’dan u staqsietha jekk kienx verament dak li xtaqet. Emilia wiġbitha li kien veru. Imma l-​kumpanija kienet tirrikjedi li l-​impjegati tagħha jaħdmu full-​time. Għalhekk, Emilia kellha tiltaqaʼ mad-​direttur bl-​iskop li titlob permess biex taħdem inqas sigħat. Hi ppreparat għal-​laqgħa mad-​direttur u talbet li tibqaʼ kalma u trabbi l-​kuraġġ biex titkellem.

Matul il-​laqgħa, Emilia talbet lid-​direttur bit-​tattika imma bil-​qlubija biex taħdem inqas sigħat. Hi spjegatlu li meta ma tkunx xogħol tuża l-​ħin tagħha biex tgħin lil oħrajn. Qaltlu li hi waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova u li tgħin lin-​nies jitgħallmu dwar il-​Bibbja. Żiedet tgħid li llum ħafna ma jafux id-​differenza bejn it-​tajjeb u l-​ħażin u jeħtieġu l-​għerf mill-​Bibbja biex jgħinhom jieħdu deċiżjonijiet tajbin. Emilia aċċertatu li hi kienet se tibqaʼ tkun ħaddiema ħabrieka f’xogħolha, imma riedet taħdem inqas sigħat ħalli jkollha iktar ħin biex tgħin lin-​nies.

Id-​direttur semagħha b’attenzjoni u qalilha li anki hu darba kien ikkunsidra li jagħmel xogħol volontarju. Hu fehem ir-​raġunijiet taʼ Emilia u taha permess li taħdem inqas sigħat. Imma staqsieha: “Taf li se taqlaʼ inqas flus, hux?” Emilia qaltlu iva u li jekk ikun hemm bżonn tissimplifika ħajjitha. Hi kompliet tgħid li tħossha kuntenta meta tgħin lin-​nies. Id-​direttur qalilha: “Nammirahom lil dawk li jużaw ħinhom biex jgħinu lil oħrajn.”

Ħadd qatt mill-​impjegati tal-​kumpanija ma tħalla jaħdem inqas sigħat. Emilia issa qed taħdem erbat ijiem biss fil-​ġimgħa. Bla mistenni, ingħatat żieda fil-​paga u qed taqlaʼ flus daqs kemm kienet taqlaʼ qabel. Hi tgħid: “Il-​ħolma tiegħi saret realtà, u nistaʼ nerġaʼ naqdi bħala pijuniera regulari!”

Ġieli ħsibt dwar li taġġusta ċ-​ċirkustanzi tiegħek biex tibda taqdi jew terġaʼ taqdi bħala pijunier?

[Kumment f’paġna 32]

Id-​direttur qalilha: “Nammirahom lil dawk li jużaw ħinhom biex jgħinu lil oħrajn”