Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Minn Min Se Nitkexkex?”

“Minn Min Se Nitkexkex?”

“Anki jekk tqum gwerra kontrija, xorta se nafda fih.”​—SALM 27:3.

SKONT IL-​VERSI LI ĠEJJIN, X’JISTAʼ JGĦINEK TRABBI L-​KURAĠĠ?

Salm 27:1

Salm 27:4

Salm 27:11

1. Salm 27 x’se jgħinna nifhmu?

 IX-​XOGĦOL tagħna tal-​ippritkar għala qiegħed jiżdied minkejja li l-​kundizzjonijiet fid-​dinja qed imorru mill-​ħażin għall-​agħar? Għala nagħtu mill-​ħin u l-​enerġija tagħna minn rajna waqt li qed nesperjenzaw problemi ekonomiċi? Kif nistgħu nibqgħu kuraġġużi meta ħafna oħrajn jibżgħu mill-​futur? Għanja ispirata tas-​Sultan David, imniżżla f’​Salm 27, tagħtina t-​tweġibiet.

2. Dak li jkun x’jistaʼ jiġrilu minħabba t-​tkexkix, imma aħna liema fiduċja għandna?

2 David jibda dan is-​Salm bil-​kliem: “Ġeħova hu d-​dawl tiegħi u s-​salvazzjoni tiegħi. Minn min se nibżaʼ? Ġeħova hu l-​fortizza taʼ ħajti. Minn min se nitkexkex?” (Salm 27:1) It-​tkexkix, jew biżaʼ kbir, tant jistaʼ jdgħajjef lil dak li jkun li ma jħallih jagħmel xejn. Imma bniedem li jafda f’Ġeħova jkollu l-​kuraġġ u ma jħossux beżgħan. (1 Pt. 3:14) Meta nagħmlu lil Ġeħova l-​fortizza tagħna, aħna se ‘ngħammru fis-​sigurtà u ma ninkwetawx mill-​biżaʼ taʼ xi gwaj.’ (Prov. 1:33; 3:25) Dan kif?

“ĠEĦOVA HU D-​DAWL TIEGĦI U S-​SALVAZZJONI TIEGĦI”

3. Ġeħova f’liema sens hu d-​dawl tagħna, imma aħna x’għandna nagħmlu?

3 Il-​metafora “Ġeħova hu d-​dawl tiegħi” turi li Ġeħova jgħallimna l-​verità. (Salm 27:1) Dawl letterali jistaʼ jurina xi periklu jew ostaklu li jkun hemm fi triqitna, però ma jneħħihx. Għandna naġixxu bil-​għaqal fuq dak li naraw. B’mod simili, Ġeħova jirrivelalna t-​tifsir bażiku taʼ ġrajjiet dinjin. Hu jiftħilna għajnejna għall-​perikli taʼ din is-​sistema u jagħtina prinċipji Bibliċi li huma dejjem siewja. Madankollu, għandna napplikaw dak li nitgħallmu. Meta nagħmlu dan, niksbu iktar għerf bħas-​salmista li sar ‘iktar għaref mill-​għedewwa tiegħu’ u kellu ‘iktar dehen mill-​għalliema kollha tiegħu.’​—Salm 119:98, 99, 130.

4. (a) David għala setaʼ jgħid b’konvinzjoni li Ġeħova hu s-​salvazzjoni tiegħu? (b) Ġeħova meta b’mod speċjali se jkun is-​salvazzjoni tagħna?

4 Il-​kliem taʼ David f’​Salm 27:1 juri li hu ftakar kif Ġeħova kien diġà ħelsu, jew salvah, fil-​passat. Pereżempju, Ġeħova kien salvah “minn taħt difrejn l-​iljun u minn taħt difrejn l-​ors.” Ġeħova tah ukoll rebħa fuq il-​ġgant Gulija. Iktar tard, is-​Sultan Sawl ipprova jniffed lil David b’lanza, imma Ġeħova salvah kull darba. (1 Sam. 17:37, 49, 50; 18:11, 12; 19:10) Mhux taʼ b’xejn li David setaʼ jgħid b’konvinzjoni: “Ġeħova hu . . . s-​salvazzjoni tiegħi”! Ġeħova se jsalva lill-​qaddejja tiegħu, sewwasew bħalma salva lil David. Kif? Billi jeħles lill-​aduraturi tiegħu “mit-​tribulazzjoni l-​kbira” li ġejja.​—Riv. 7:14; 2 Pt. 2:9.

FTAKAR F’KULL DARBA LI ĠEĦOVA GĦENEK

5, 6. (a) Il-​memorji tagħna kif jgħinuna nrabbu l-​kuraġġ? (b) Għala jkun taʼ ġid li naħsbu dwar kif Ġeħova għen lill-​poplu tiegħu fil-​passat?

5 Fattur importanti biex inrabbu l-​kuraġġ naqraw dwaru f’​Salm 27:2, 3. (Aqra.) David ftakar f’xi ġrajjiet li fihom esperjenza l-​ħelsien bl-​għajnuna taʼ Ġeħova. (1 Sam. 17:34-​37) Dawk il-​memorji tawh il-​fiduċja biex jiffaċċja saħansitra l-​iktar sitwazzjonijiet diffiċli. Tiftakar kif Ġeħova għen lilek fl-​imgħoddi? Pereżempju, tlabt int bil-​ħeġġa dwar xi problema li kienet qed tinkwetak u mbagħad rajt kif Ġeħova tak l-​għerf jew is-​saħħa biex tkampa maʼ din il-​prova? Jew, tistaʼ tiftakar kif tneħħew xi ostakli li kellek biex taqdi lil Ġeħova bil-​ferħ, jew kif infetaħlek xi bieb taʼ opportunità? (1 Kor. 16:9) Issa kif tħossok meta taħseb f’dawn il-​ġrajjiet? Dawn il-​memorji għandhom ikomplu jikkonvinċuk li Ġeħova jistaʼ jgħinek issolvi jew tkampa maʼ saħansitra l-​iktar problemi jew sitwazzjonijiet diffiċli.​—Rum. 5:3-​5.

6 Xi ngħidu jekk xi gvern potenti jwaħħalha f’rasu li jeqred lix-​Xhieda taʼ Ġeħova bħala organizzazzjoni? Ħafna nies fi żmienna pprovaw jagħmlu proprju hekk, imma ma rnexxilhomx. Meta niftakru kif Ġeħova għen lin-​nies tiegħu fil-​passat niġu inkuraġġiti nissaportu dak kollu li jistaʼ jiġri fil-​futur.​—Dan. 3:28.

APPREZZA L-​QIMA VERA

7, 8. (a) Skont Salm 27:4, David x’talbu lil Ġeħova? (b) X’inhu t-​tempju spiritwali l-​kbir taʼ Ġeħova, u kif inqimuh hemmhekk illum?

7 Xi ħaġa oħra li tagħtina l-​kuraġġ hija l-​imħabba tagħna għall-​qima vera. (Aqra Salm 27:4.) Fi żmien David, “id-​dar taʼ Ġeħova” kienet it-​tabernaklu. Kien David innifsu li għamel arranġamenti għall-​istruttura elaborata tat-​tempju li kellu jinbena minn ibnu Salamun. Mijiet taʼ snin wara, Ġesù spjega li kellu jkun hemm żmien meta n-​nies ma kienx se jkollhom bżonn imorru t-​tempju biex iqimu lil Ġeħova. (Ġw. 4:21-​23) F’​Ebrej kapitli 8 sa 10, l-​appostlu Pawlu indika li tempju spiritwali kbir beda jeżisti fis-​sena 29 E.K., meta Ġesù tgħammed u offra lilu nnifsu biex jagħmel ir-​rieda taʼ Ġeħova. (Ebr. 10:10) Dan it-​tempju spiritwali kbir hu l-​arranġament li nieda Ġeħova sabiex, permezz tal-​fidi tagħna fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa, inkunu nistgħu nersqu lejn Alla b’mod aċċettabbli. Kif inqimu f’dan it-​tempju? Billi nitolbu lil Ġeħova “bi qlub sinċieri u b’fiduċja sħiħa u bil-​fidi,” u billi nippritkaw lil oħrajn dwaru bil-​kuraġġ. Inqimu wkoll f’dan it-​tempju meta nattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u waqt il-​qima tal-​familja. (Ebr. 10:22-​25) L-​imħabba tagħna għall-​qima vera se tgħinna nkomplu nagħmlu dawn l-​affarijiet f’dawn l-​aħħar jiem tant kritiċi.

8 Madwar id-​dinja, il-​qaddejja leali taʼ Ġeħova qed iżidu s-​sehem tagħhom fil-​ministeru, jitgħallmu lingwi ġodda, u jmorru jgħixu fi nħawi fejn il-​bżonn għall-​proklamaturi tas-​Saltna hu ikbar. Dawn qed juru li huma bħas-​salmista. Hu talab lil Ġeħova għal ħaġa waħda biss. Ried ‘jara s-​sbuħija taʼ Ġeħova u jħares b’apprezzament lejn it-​tempju tiegħu.’ Il-​qaddejja taʼ Ġeħova llum iridu li hu jberikhom u jridu jqimuh, jiġri x’jiġri.​—Aqra Salm 27:6.

AFDA FL-​GĦAJNUNA T’ALLA

9, 10. Salm 27:10 xi jwegħedna?

9 Il-​kliem taʼ David juri kemm kien jafda fl-​għajnuna taʼ Ġeħova. Hu qal: “Kieku missieri u ommi stess jitilquni, Ġeħova jilqagħni għandu.” (Salm 27:10) Mill-​ġrajjiet imsemmijin fl-​1 Samwel kapitlu 22 nistgħu nikkonkludu li l-​ġenituri taʼ David m’abbandunawhx. Imma llum ħafna ġew miċħudin mill-​familja tagħhom. Madankollu, ħafna minn dawk li ġew abbandunati sabu l-​għajnuna u l-​protezzjoni fil-​kongregazzjoni Kristjana kollha mħabba.

10 Ladarba Ġeħova hu lest li jappoġġa lill-​qaddejja tiegħu meta oħrajn jitilquhom, mhuwiex se jsostnihom ukoll matul kwalunkwe tribulazzjoni oħra? Jekk pereżempju nkunu inkwetati dwar kif se nipprovdu materjalment għall-​familja tagħna, nistgħu nibqgħu ċerti li Ġeħova se jgħinna. (Ebr. 13:5, 6) Hu jifhem iċ-​ċirkustanzi u l-​bżonnijiet tal-​qaddejja leali tiegħu kollha.

11. Il-​fiduċja tagħna f’Ġeħova x’impatt tistaʼ tħalli fuq oħrajn? Agħti eżempju.

11 Ikkunsidra l-​każ taʼ Victoria, studenta tal-​Bibbja mil-​Liberja. Ir-​raġel li kienet qed tgħix miegħu telaq lilha u lit-​tliet uliedha. Minkejja li la kellha saqaf fuq rasha u lanqas impjieg, hi kompliet tagħmel progress spiritwali. Wara li Victoria tgħammdet, bintha taʼ 13-​il sena sabet kartiera mimlija flus. Sabiex jevitaw it-​tentazzjoni, iddeċidew li lanqas biss jgħodduhom. Minflok, minnufih ikkuntattjaw lis-​suldat li kien tilef il-​kartiera. Hu qalilhom li kieku kulħadd kien onest bħax-​Xhieda taʼ Ġeħova, id-​dinja kollha kienet tkun post aħjar u iktar paċifiku. Victoria użat il-​Bibbja tagħha biex turi lis-​suldat il-​wegħda taʼ Ġeħova taʼ dinja ġdida. Is-​suldat tant baqaʼ impressjonat bil-​fidi u l-​onestà tagħha li lil Victoria taha bħala kumpens ammont sostanzjali mill-​flus li kienet irritornatlu. Madwar id-​dinja, in-​nies jafu li x-​Xhieda taʼ Ġeħova huma dejjem onesti minħabba li għandhom fiduċja sħiħa fl-​abbiltà taʼ Ġeħova li jieħu ħsiebhom.

12. Meta nkomplu naqdu lil Ġeħova minkejja li nġarrbu telf materjali, xi nkunu qed nuru? Agħti eżempju.

12 Jew immaġina kif ħassu Thomas, pubblikatur mhux mgħammed fis-​Sierra Leone. Hu beda jaħdem bħala għalliem fi skola sekondarja, imma ma tħallasx għal kważi sena. Thomas kellu jiltaqaʼ mal-​amministratur tal-​iskola biex jirċievi l-​flus li kellha tagħtih l-​iskola. Dan l-​amministratur kien qassis u qal lil Thomas li t-​twemmin tax-​Xhieda taʼ Ġeħova ma kienx aċċettat f’din l-​iskola. Hu insista li Thomas jagħżel bejn l-​impjieg u t-​twemmin tiegħu bbażat fuq il-​Bibbja. Thomas telaq dak l-​impjieg u tilef kważi sena paga. Iktar tard, sab xogħol ieħor isewwi r-​radjijiet u l-​mowbajls. Ħafna eżempji juru li jekk nafdaw f’Ġeħova, qatt ma jkollna għalfejn nibżgħu li mhux se jkollna dak li neħtieġu. Minħabba li Ġeħova ħalaq kollox u dejjem ipproteġa lill-​poplu tiegħu, aħna nafu li hu se jieħu ħsiebna.

13. L-​aħwa f’pajjiżi foqra għala huma medhijin ferm fix-​xogħol tal-​ippritkar?

13 F’għadd taʼ pajjiżi foqra, l-​aħwa huma medhijin ferm fix-​xogħol tal-​ippritkar. Għala? Uffiċċju taʼ fergħa partikulari kiteb: “Ħafna inkwilini li jaċċettaw studju tal-​Bibbja huma bla xogħol, u għalhekk għandhom iktar ħin biex jistudjaw matul il-​ġurnata. L-​aħwa wkoll għandhom iktar ħin biex jippritkaw. B’mod speċjali fl-​iktar inħawi foqra, in-​nies m’hemmx għalfejn ngħidulhom aħna li qed ngħixu fl-​aħħar jiem; huma jaraw u jmissu b’idejhom dawn il-​kundizzjonijiet.” Missjunarju li ilu jaqdi ’l fuq minn 12-​il sena f’pajjiż fejn kull pubblikatur jikkonduċi, bħala medja, iktar minn tliet studji tal-​Bibbja, kiteb: “Ladarba ħafna mill-​pubblikaturi jgħixu ħajja sempliċi bi ftit distrazzjonijiet, ġeneralment għandhom iktar ħin għall-​ministeru tal-​għalqa u biex jikkonduċu studji tal-​Bibbja.”

14. Alla b’liema modi jistaʼ jipproteġi lill-​folla l-​kbira?

14 Ġeħova wiegħed li se jgħin, jipproteġi, u jeħles lill-​poplu tiegħu bħala grupp, fiżikament u spiritwalment, u aħna nafdaw fih. (Salm 37:28; 91:1-​3) Se jkun hemm folla kbira taʼ nies li se ssalva “mit-​tribulazzjoni l-​kbira.” (Riv. 7:9, 14) Għalhekk, Alla se jipproteġi lil din il-​folla bħala grupp billi ma jħalli ’l ħadd jeqred lill-​poplu kollu tiegħu matul l-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema. Huma se jingħataw kulma se jkollhom bżonn biex ikampaw mal-​provi u biex jipproteġu r-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova. U matul l-​aħħar fażi tat-​tribulazzjoni l-​kbira, Ġeħova se jipproteġi lill-​poplu tiegħu.

“ISTRUWINI, O ĠEĦOVA, DWAR TRIQTEK”

15, 16. Kif nibbenefikaw meta napplikaw dak li jgħallimna Alla? Agħti eżempju.

15 Biex nibqgħu nuru l-​kuraġġ, għandna bżonn inkomplu niġu mgħallmin minn Alla. Dan jidher ċar fit-​talba bil-​ħrara taʼ David: “Istruwini, O Ġeħova, dwar triqtek, u mexxini fil-​mogħdija retta minħabba l-​għedewwa tiegħi.” (Salm 27:11) Sabiex naġixxu fi qbil maʼ din it-​talba għandna noqogħdu attenti għal kull direzzjoni bbażata fuq il-​Bibbja li ningħataw permezz tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, u napplikawha fil-​pront. Ħafna nies li qatgħu djun mhux neċessarji jaqblu li swielhom taʼ ġid li applikaw il-​parir għaqli biex jissimplifikaw ħajjithom matul il-​kriżi ekonomika reċenti. Minflok ma jsibu ruħhom imtaqqlin b’affarijiet materjali li m’għadhomx jaffordjaw, huma issa jistgħu jespandu l-​ministeru tagħhom. Kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jistaqsi lilu nnifsu, ‘Napplika jien minnufih kulma naqra mill-​Bibbja u mill-​pubblikazzjonijiet mill-​klassi tal-​ilsir leali u għaqli, anke meta dan ikun jirrikjedi li nagħmel sagrifiċċji personali?’—Mt. 24:45.

16 Jekk inħallu lil Ġeħova jgħallimna u jgħidilna kif għandna ngħixu ħajjitna, ma jkollniex għalfejn nibżgħu. Pijunier regulari fl-​Istati Uniti pprova jikseb kariga fuq il-​post tax-​xogħol tiegħu li kienet se tgħin lilu u ’l familtu kollha jibqgħu fis-​servizz full-​time. Is-​supervisor tiegħu qallu li qatt ma kien se jingħata dik il-​kariga mingħajr diploma. Li kieku dan ġara lilek, kien jiddispjaċik li dħalt fis-​servizz full-​time minflok ma ħadt edukazzjoni iktar għolja? Ġimagħtejn wara, dak is-​supervisor tkeċċa mix-​xogħol, u maniġer ieħor staqsa lill-ħu dwar il-​miri tiegħu. Il-​ħu spjegalu li hu u martu kienu fil-​ministeru full-​time bħala Xhieda taʼ Ġeħova u li riedu jibqgħu jagħmlu dan. Lanqas laħaq spiċċa l-​kelma, il-​maniġer qallu: “Bsartu jien li inti differenti! Meta missieri kien fuq is-​sodda tal-​mewt, tnejn minn sħabek kienu jiġu jaqrawlu mill-​Bibbja kuljum. Ħlift miegħi nnifsi li jekk qatt tiġini l-​opportunità biex ngħin lil xi ħadd mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, naħtafha.” L-​għada filgħodu, dan il-​ħu ngħata l-​istess impjieg li s-​supervisor taʼ qabel ma riedx jagħtih. Tabilħaqq, meta npoġġu s-​Saltna l-​ewwel f’ħajjitna, Ġeħova jżomm il-​wegħda tiegħu u jagħtina kulma neħtieġu.—Mt. 6:33.

IL-​FIDI U T-​TAMA HUMA ESSENZJALI

17. X’se jgħinna niffaċċjaw il-​futur bil-​fiduċja?

17 David jgħinna nifhmu kemm hu importanti li jkollna l-​fidi u t-​tama. Hu ħass li ma kien ikollu l-​ebda tama kieku ‘ma kellux fidi li jara t-​tjubija taʼ Ġeħova.’ (Salm 27:13) X’kien isir minna kieku Alla ma taniex it-​tama u ma konniex nafu l-​affarijiet imsemmijin f’Salm 27? Għalhekk, f’dawn l-​aħħar jiem, għandna nkomplu nitolbu lil Ġeħova biex isaħħaħna u jsalvana f’Armageddon.Aqra Salm 27:14.

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Stampa f’paġna 23]

David ħassu inkuraġġit meta ftakar kif Ġeħova kien salvah

[Stampa f’paġna 25]

Inqisuhom aħna d-​diffikultajiet ekonomiċi bħala opportunità biex nespandu l-​ministeru tagħna?