Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Offrew Lilhom Infushom Minn Rajhom—fl-Ekwador

Offrew Lilhom Infushom Minn Rajhom—fl-Ekwador

BRUNO, ħu żagħżugħ mill-​Italja kien taħt pressjoni. Hu kien għadu kemm spiċċa l-​iskola sekondarja bl-​ogħla marki fil-​klassi tiegħu, u issa l-​qraba u l-​għalliema kienu qed iħeġġuh ikompli jistudja l-​università. Imma xi snin qabel, Bruno kien iddedika lilu nnifsu lil Ġeħova u wiegħed li jpoġġi r-​rieda t’Alla l-​ewwel f’ħajtu. X’għażla għamel? Hu jispjega: ‘Jien fit-​talb għedt lil Ġeħova li kont se nżomm il-​wegħda tiegħi u npoġġi lilu l-​ewwel. Imma bl-​onestà kollha, fit-​talba tiegħi żidt ngħid li ma ridtx ħajja monotona, imma waħda mimlija b’varjetà taʼ attivitajiet fis-​servizz tiegħu.’

Ftit snin wara, Bruno mar jgħix l-​Ekwador, fl-​Amerika t’Isfel. Hu issa jgħid li Ġeħova tah saħansitra iktar minn dak li talab. Meta wasal l-​Ekwador, hu baqaʼ skantat meta ltaqaʼ maʼ ħafna żgħażagħ oħrajn li wkoll kienu marru jgħixu hemmhekk biex jaqdu lil Ġeħova iktar bis-​sħiħ.

ŻGĦAŻAGĦ LI JAFDAW F’ĠEĦOVA

Bruno, bħal eluf taʼ żgħażagħ oħrajn madwar id-​dinja, aċċetta l-​istedina taʼ Ġeħova: “Għadduni minn prova, jekk jogħġobkom, . . . u taraw jekk iniex se niftħilkom bwieb l-​għargħar tas-​smewwiet u nitfaʼ fuqkom xita taʼ barkiet.” (Mal. 3:10) Imqanqlin mill-​imħabba għal Alla, huma ddeċidew li ‘jgħaddu lil Ġeħova minn prova’ billi minn rajhom jużaw il-​ħin, l-​enerġija, u r-​riżorsi tagħhom biex jaqduh f’pajjiż fejn il-​bżonn għal proklamaturi tas-​Saltna hu akbar.

Ftit wara li dawn iż-​żgħażagħ jaslu fl-​inkarigu ġdid tagħhom, huma jaraw b’għajnejhom stess li “l-​ħsad hu kbir, imma l-​ħaddiema huma ftit.” (Mt. 9:37) Pereżempju, Jaqueline mill-​Ġermanja kitbet lill-​fergħa tal-​Ekwador: “Ili naqdi fl-​Ekwador ftit iktar minn sentejn u diġà għandi 13-​il studju tal-​Bibbja u 4 minnhom jattendu l-​laqgħat regolarment. Mhux tajjeb?” Chantal mill-​Kanada tgħid: “Fl-​2008, mort ngħix f’post mal-​kosta tal-​Ekwador fejn kien hemm kongregazzjoni waħda biss. Issa hemm tliet kongregazzjonijiet u iktar minn 30 pijunier f’dawn l-​inħawi. Xejn ma jistaʼ jitqabbel maʼ li tara tant uħud ġodda jagħmlu progress!” Hi żżid tgħid: “Dan l-​aħħar mort ngħix f’belt li qiegħda 2,743 metru ’l fuq fil-​Muntanji Andes. Fil-​belt hemm iktar minn 75,000 abitant imma kongregazzjoni waħda biss. Huwa territorju produttiv ferm! Qed nieħu pjaċir ħafna fil-​ministeru.”

L-​ISFIDI INVOLUTI

M’għandniex xi ngħidu, li taqdi f’pajjiż ieħor fih l-​isfidi tiegħu. Fil-​fatt, xi żgħażagħ ħabbtu wiċċhom maʼ ostakli saħansitra qabel ma marru jgħixu f’pajjiż ieħor. Kayla mill-​Istati Uniti tgħid: “B’intenzjoni tajba, xi aħwa fil-​kongregazzjoni li kont fiha bdew jaqtgħuli qalbi u dan skuraġġieni. Huma ma fehmux għala ridt immur naqdi bħala pijuniera f’pajjiż ieħor. Xi drabi, kont ngħid bejni u bejn ruħi, ‘Id-​deċiżjoni li qed nieħu hija tajba?’” Minkejja dan, Kayla ddeċidiet li tmur. Hi tgħid: “Peress li tlabt ħafna lil Ġeħova u kelli konversazzjonijiet fit-​tul m’aħwa maturi, irrealizzajt li Ġeħova jbierek lil dawk li jagħmlu l-​almu tagħhom fis-​servizz tiegħu.”

Għal ħafna wħud, li jitgħallmu lingwa ġdida tkun taʼ sfida. Siobhan mill-​Irlanda tiftakar: “Kien diffiċli għalija li ma stajtx nesprimi ruħi. Kelli nitgħallem inkun paċenzjuża, nistudja l-​lingwa bir-​reqqa, u nidħaq bija nnifsi meta niżbalja.” Anna mill-​Estonja żżid tgħid: “Is-​sħana tropikali, il-​ħafna trabijiet, u l-​fatt li m’hemmx misħun biex tinħasel lanqas biss jibdew mal-​isfida li titgħallem l-​Ispanjol. Kultant kont naqtaʼ qalbi. Kelli nitgħallem niffoka fuq il-​progress tiegħi u mhux fuq l-​iżbalji.”

Huwa diffiċli wkoll li tkun ’il bogħod mill-​familja u l-​ħbieb. Jonathan mill-​Istati Uniti jammetti: “Ftit wara li wasalt, għamilt f’qalbi minħabba li kont ’il bogħod mill-​familja u l-​ħbieb. Imma għelibt dawn is-​sentimenti billi ffokajt fuq l-​istudju personali tiegħi tal-​Bibbja u fuq il-​ministeru. F’kemm ili ngħidlek, l-​esperjenzi eċċitanti li kelli fil-​ministeru u l-​ħbieb ġodda li għamilt fil-​kongregazzjoni għenuni nerġaʼ nikseb il-​ferħ.”

Jistaʼ jkun diffiċli wkoll biex tidra tgħix f’pajjiż ieħor. Il-​ħajja hemmhekk aktarx li tkun differenti milli hi f’pajjiżek. Beau mill-​Kanada jgħid li f’pajjiżu dejjem kellu dawl u ilma, imma hawnhekk jinqatgħu spiss. Ukoll, f’ħafna pajjiżi għandu mnejn li l-​mezzi tat-​trasport ikunu skomdi. Jistaʼ jkun hemm ħafna nies foqra u nies li ma jafux jaqraw jew jiktbu. Ines mill-​Awstrija tkampa maʼ kundizzjonijiet bħal dawn billi tiffoka fuq il-​kwalitajiet pożittivi tan-​nies tal-​post. Hi tgħid: “Huma ospitabbli, ġentili, lesti li jgħinu, u umli. Fuq kollox, juru interess kbir f’li jitgħallmu iktar dwar Alla.”

“XITA TAʼ BARKIET SAKEMM MA JKUN JONQOSKOM XEJN IKTAR”

Għalkemm dawn iż-​żgħażagħ li qed jaqdu fl-​Ekwador għamlu sagrifiċċji, huma jirrealizzaw li Ġeħova pprovdielhom “bil-​wisq iżjed minn dak kollu” li qatt stennew. (Efes. 3:20) Tabilħaqq, huma jħossu li rċivew “xita taʼ barkiet” tant li ‘ma jonqoshom xejn iktar.’ (Mal. 3:10) Dwar il-​ministeru tagħhom, huma jħossuhom hekk:

Bruno: “Jien bdejt is-​servizz tiegħi hawnhekk fl-​Ekwador, fir-​reġjun affaxxinanti tal-​Amazon. Imbagħad għent fil-​bini tal-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​Ekwador. Issa qed naqdi f’Betel. Meta kont l-​Italja ddeċidejt li npoġġi lil Ġeħova l-​ewwel, u hu verament qed jaqtagħli xewqti għal ħajja eċċitanti u varjata fis-​servizz tiegħu.”

Beau: ‘Il-​ħbiberija tiegħi maʼ Ġeħova issa hi ħafna iktar b’saħħitha għax fl-​Ekwador nistaʼ nuża l-​ħin kollu li għandi fix-​xogħol tiegħu. Ukoll, nistaʼ nivvjaġġa lejn postijiet meraviljużi—xi ħaġa li dejjem xtaqt nagħmel.’

Anna: “Peress li m’iniex miżżewġa, ma kontx naħseb li kien possibbli li ngawdi ħajja bħal tal-​missjunarji. Imma issa naf li dan huwa possibbli. Grazzi għall-​barka taʼ Ġeħova, iġibli ferħ li nagħmel dixxipli, ngħin fil-​bini tas-​Swali tas-​Saltna, u nagħmel ħbieb ġodda.”

Elke: “F’pajjiżi, l-​Awstrija, spiss kont nitlob lil Ġeħova għal studju tal-​Bibbja wieħed biss. Hawn għandi 15-​il studju! Inħoss sodisfazzjon kbir meta nara l-​uċuħ ferħanin tal-​istudenti li qed jagħmlu progress.”

Joel: “Hi esperjenza mill-​aqwa li tkun f’pajjiż differenti biex taqdi lil Ġeħova. Titgħallem tistrieħ iktar fuqu, u hu eċċitanti li tarah ibierek l-​isforzi tiegħek! Fl-​ewwel sena tiegħi wara li tlaqt mill-​Istati Uniti, il-​grupp fejn qed naqdi kiber minn 6 għal 21 pubblikatur. Għat-​Tifkira kellna attendenza taʼ 110.”

XI NGĦIDU GĦALIK?

Żagħżugħ jew żagħżugħa, iċ-​ċirkustanzi tiegħek jippermettulek li taqdi f’pajjiż fejn hemm iktar bżonn taʼ proklamaturi tas-​Saltna? M’għandniex xi ngħidu, deċiżjoni kbira bħal din tirrikjedi ppjanar bir-​reqqa. Iktar importanti minn hekk, huwa neċessarju li jkollok imħabba profonda għal Ġeħova u għall-​proxxmu biex tagħmel pass bħal dan. Jekk għandek din l-​imħabba u tistaʼ tmur taqdi xi mkien ieħor, itlob lil Ġeħova bil-​ħrara dwar dan. Iktar minn hekk, kellem lill-​ġenituri Kristjani tiegħek u lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni dwar ix-​xewqa li għandek. Għandu mnejn tasal għall-​konklużjoni li int ukoll jistaʼ jkollok sehem f’dan is-​servizz sagru eċċitanti u sodisfaċenti.

[Kumment f’paġna 3]

“Peress li tlabt ħafna lil Ġeħova u kelli konversazzjonijiet fit-​tul m’aħwa maturi, irrealizzajt li Ġeħova jbierek lil dawk li jagħmlu l-​almu tagħhom fis-​servizz tiegħu.”​—Kayla mill-​Istati Uniti

[Kaxxa/​Stampa f’paġna 6]

Kif tipprepara biex taqdi f’pajjiż ieħor

• Ħudha drawwa li tagħmel studju personali regolarment

• Irrivedi Il-​Ministeru tas-​Saltna t’Awwissu tal-​2011, paġni 4-​6

• Tkellem m’oħrajn li qdew f’pajjiż ieħor

• Agħmel riċerka dwar il-​kultura u l-​istorja tal-​pajjiż

• Ħu kors bażiku tal-​lingwa

[Kaxxa/​Stampa f’paġna 6]

Xi wħud li jaqdu barra pajjiżhom imantnu lilhom infushom finanzjarjament billi . . .

• jaħdmu ftit xhur kull sena f’pajjiżhom

• jikru d-​dar, l-​appartament, jew in-​negozju tagħhom

• jagħmlu xogħol permezz tal-​Internet

[Stampi f’paġni 4, 5]

1 Jaqueline mill-​Ġermanja

2 Bruno mill-​Italja

3 Beau mill-​Kanada

4 Siobhan mill-​Irlanda

5 Joel mill-​Istati Uniti

6 Jonathan mill-​Istati Uniti

7 Anna mill-​Estonja

8 Elke mill-​Awstrija

9 Chantal mill-​Kanada

10 Ines mill-​Awstrija