Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żomm Sod u Evita n-Nases taʼ Satana!

Żomm Sod u Evita n-Nases taʼ Satana!

‘Żomm sod kontra t-​tnassis tax-​Xitan.’—EFES. 6:11.

INT KIF TWIEĠEB?

Qaddej taʼ Ġeħova kif jistaʼ jevita li jinqabad fin-​nassa tal-​materjaliżmu?

X’jistaʼ jgħin lil Kristjan miżżewweġ biex ma jaqax fil-​ħofra tal-​adulterju?

Għala temmen li hu taʼ benefiċċju li tieħu waqfa soda kontra l-​materjaliżmu u l-​immoralità sesswali?

1, 2. (a) Satana għala ma jħossx mogħdrija għall-​midlukin u għan-​“nagħaġ oħrajn”? (b) Liema nases taʼ Satana se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

 SATANA X-​XITAN ma jħoss l-​ebda mogħdrija għall-​bnedmin, speċjalment għal dawk li jaqdu lil Ġeħova. Infatti, Satana qed jiġġieled kontra l-​midlukin li għadhom fuq l-​art. (Riv. 12:17) Dawn il-​Kristjani bi qlubija ħadu t-​tmexxija fl-​ippritkar u kixfu lil Satana bħala l-​ħakkiem taʼ din id-​dinja. Ukoll, ix-​Xitan m’għandu ebda mħabba għan-​“nagħaġ oħrajn,” li jappoġġaw lill-​midlukin u li għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem—prospett li Satana m’għadx għandu. (Ġw. 10:16) Mhux taʼ b’xejn irrabjat! Kemm jekk għandna t-​tama għas-​sema u kemm jekk għandna t-​tama għall-​art, Satana ċertament m’għandu l-​ebda interess fil-​ġid tagħna. Il-​mira tiegħu hi li jagħmilna l-​vittmi tiegħu.—1 Pt. 5:8.

2 Biex iwettaq l-​għan tiegħu, Satana poġġa diversi nasbiet, jew nases. Ladarba hu “għema l-​imħuħ” taʼ dawk li ma jemmnux, huma ma jaċċettawx l-​aħbar tajba u ma jistgħux jarawhom dawn in-​nases. Madankollu, ix-​Xitan jaqbad ukoll lil xi wħud li aċċettaw il-​messaġġ tas-​Saltna. (2 Kor. 4:3, 4) L-​artiklu taʼ qabel dan wera kif nistgħu nevitaw tlieta min-​nases taʼ Satana: (1) diskors mhux kontrollat, (2) biżaʼ u pressjoni, u (3) sentimenti taʼ ħtija eċċessiva. Issa ejja nikkunsidraw kif nistgħu nibqgħu sodi kontra żewġ nasbiet, jew nases, oħrajn taʼ Satana—il-​materjaliżmu u t-​tentazzjoni biex nikkommettu adulterju.

IL-​MATERJALIŻMU—IN-​NASBA LI TOĦNOQ

3, 4. L-​ansjetajiet taʼ din is-​sistema kif jistgħu jwasslu għall-​materjaliżmu?

3 F’waħda mit-​tixbihat tiegħu, Ġesù semma xi żrieragħ li nżergħu qalb ix-​xewk. Hu spjega li xi ħadd għandu mnejn jismaʼ l-​kelma, jew il-​messaġġ tas-​Saltna, “imma l-​ansjetà taʼ din is-​sistema u l-​qawwa qarrieqa tar-​rikkezzi joħonqu l-​kelma, u ma jagħmilx frott.” (Mt. 13:22) Iva, il-​materjaliżmu hu waħda min-​nases li juża l-​għadu tagħna Satana.

4 Hemm żewġ affarijiet li flimkien jistgħu “joħonqu l-​kelma.” Waħda minnhom hi “l-​ansjetà taʼ din is-​sistema.” F’dawn iż-​“żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” hemm ħafna affarijiet li jistgħu jagħmluk ansjuż. (2 Tim. 3:1) Jistaʼ jkun diffiċli biex tlaħħaq mal-​bżonnijiet tal-​ħajja għax l-​affarijiet jiswew ħafna jew għax ma jkollokx xogħol. Forsi tkun ansjuż ukoll dwar il-​futur u tistaqsi, ‘Se jkolli biex ngħix wara li nirtira?’ Minħabba ansjetà bħal din, xi wħud ipprovaw isiru għonja, billi ħasbu li l-​flus se jiggarantulhom is-​sigurtà.

5. ‘Il-​qawwa tar-​rikkezzi’ kif tistaʼ tqarraq bina?

5 Il-​ħaġa l-​oħra li Ġesù tkellem dwarha hi “l-​qawwa qarrieqa tar-​rikkezzi.” Din, flimkien mal-​ansjetà, tistaʼ taqbadna fin-​nassa tal-​materjaliżmu. Il-​Bibbja tirrikonoxxi li “l-​flus huma protezzjoni.” (Ekk. 7:12) Madankollu, mhuwiex għaqli li nsusu wara l-​għana. Ħafna sabu li iktar ma jissieltu biex jakkwistaw l-​għana, iktar jinqabdu fin-​nassa tal-​materjaliżmu. Xi wħud saħansitra saru lsiera tal-​flus.—Mt. 6:24.

6, 7. (a) Il-​materjaliżmu kif jistaʼ jkun taʼ periklu fuq il-​post tax-​xogħol? (b) Kristjan dwar xiex għandu jaħseb meta jintalab jaħdem owvertajm?

6 Jistaʼ jibda jkollok ix-​xewqa biex tkun għani mingħajr ma lanqas biss tinduna. Pereżempju, ikkunsidra din ix-​xena. L-​imgħallem tiegħek javviċinak u jgħidlek: “Għandi aħbar tajba! Il-​kumpanija kisbet kuntratt kbir. Dan ifisser li spiss se jkollok taħdem owvertajm fix-​xhur li ġejjin. Imma nistaʼ nassigurak li mhux se jiddispjaċik xħin nagħtik il-​paga.” Int kif kont tirreaġixxi għal offerta bħal din? M’għandniex xi ngħidu, il-​ħtieġa li tipprovdi materjalment għal familtek hi responsabbiltà serja, imma mhijiex l-​unika responsabbiltà li għandek. (1 Tim. 5:8) Hemm affarijiet oħrajn li għandek bżonn taħseb dwarhom. Kemm se jkollok taħdem owvertajm? Ix-​xogħol sekulari tiegħek se jtellef l-​attivitajiet spiritwali tiegħek, fosthom il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u l-​lejla tal-​Qima tal-​Familja tiegħek?

7 Aħseb dwar x’inhu l-​iktar importanti għalik. Il-​flus żejda li se ddaħħal jew ir-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova? Se tieqaf tpoġġi l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel f’ħajtek għax trid taqlaʼ iktar flus? Tistaʼ tara kif il-​materjaliżmu se jeffettwak jekk ma tiħux ħsieb ir-​relazzjoni li int u familtek għandkom maʼ Ġeħova? Jekk tinsab f’din is-​sitwazzjoni, kif tistaʼ tevita li tinħonoq bil-​materjaliżmu?—Aqra l-1 Timotju 6:9, 10.

8. Liema eżempji mill-​Bibbja jistgħu jgħinuna neżaminaw il-​mod kif ngħixu?

8 Jekk ma tridx tinħonoq bil-​materjaliżmu, regolarment għandek teżamina l-​mod kif tgħix. Qatt ma trid tkun bħal Għesaw, li bl-​azzjonijiet tiegħu wera li kien jistmerr l-​affarijiet spiritwali! (Ġen. 25:34; Ebr. 12:16) U ċertament m’għandekx tkun bħar-​raġel għani li ntqallu jbigħ l-​affarijiet tiegħu, jagħti lill-​foqra, u jsegwi lil Ġesù. Minflok m’għamel dan, ir-​raġel “telaq imnikket, għax kellu ħafna ġid.” (Mt. 19:21, 22) Il-​ġid taʼ dan ir-​raġel kien bħal nassa li qabditu. Hu setaʼ segwa lil Ġesù, l-​aqwa bniedem li qatt għex! Imma m’aċċettax dan il-​privileġġ kbir. Oqgħod attent li int ma titlifx il-​privileġġ li tkun dixxiplu taʼ Ġesù Kristu.

9, 10. Skont dak li tgħid il-​Bibbja, int kif taħseb li għandna nqisuhom l-​affarijiet materjali?

9 Irridu nagħtu widen għall-​parir taʼ Ġesù jekk ma rridux nitqarrqu bl-​affarijiet materjali. Hu qal: “Qatt tkunu ansjużi u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew, ‘X’se nixorbu?’ jew, ‘X’se nilbsu?’ Għax dawn kollha huma l-​affarijiet li l-​ġnus qed ifittxu bil-​ħerqa. Għax Missierkom tas-​sema jaf li teħtieġu dawn l-​affarijiet kollha.”—Mt. 6:31, 32; Lq. 21:34, 35.

10 Jekk ma rridux ninqabdu fin-​nassa qarrieqa tar-​rikkezzi, hemm bżonn li naħsbu bħal Agur, wieħed mill-​kittieba tal-​Bibbja, li stqarr: “Tħallinix inkun fqir iżżejjed jew għani żżejjed. Agħtini biss dak li neħtieġ.” (Prov. 30:8, Contemporary English Version) Agur fehem li kellu bżonn xi ħaġa tal-​flus biex jgħix, imma fehem ukoll il-​qawwa qarrieqa tar-​rikkezzi. Aħna għandna nirrealizzaw li l-​ansjetajiet taʼ din is-​sistema u l-​qawwa qarrieqa tar-​rikkezzi jistgħu jġegħluna nitilfu r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Jekk ninkwetaw iżżejjed dwar l-​affarijiet materjali għandna mnejn ma jkollniex il-​ħin, l-​enerġija, jew ix-​xewqa li npoġġu l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel f’ħajjitna. Allura għandna noqogħdu attenti li ma ninqabdux fin-​nassa taʼ Satana tal-​materjaliżmu!—Aqra Ebrej 13:5.

L-​ADULTERJU—ĦOFRA MOĦBIJA

11, 12. Aħwa Kristjani kif jistgħu jinqabdu fin-​nasba tal-​adulterju fuq il-​post tax-​xogħol?

11 Il-​kaċċaturi li jkunu jridu jaqbdu annimal b’saħħtu għandhom mnejn iħaffru ħofra f’mogħdija li minnha spiss jgħaddi l-​annimal. Ġeneralment jaħbu l-​ħofra billi fuqha jpoġġu ftit zkuk u ħamrija. Waħda mill-​iktar tentazzjonijiet taʼ Satana li jkollha suċċess tixbah din it-​tip taʼ nasba. Hija d-​dnub tal-​immoralità. (Prov. 22:14; 23:27) Għadd taʼ Kristjani waqgħu f’din in-​nasba billi ħallew lilhom infushom jidħlu f’sitwazzjonijiet li fihom kien faċli li jikkommettu l-​immoralità. Xi Kristjani miżżewġin ċedew għall-​adulterju wara li żviluppaw relazzjoni romantika mhix xierqa.

12 Relazzjoni romantika mhix xierqa tistaʼ tiżviluppa fuq il-​post tax-​xogħol tiegħek. Infatti, iktar minn nofs in-​nisa u l-​biċċa l-​kbira mill-​irġiel li kkommettew adulterju għamlu dan maʼ xi ħadd minn fuq ix-​xogħol. Jirrikjedi x-​xogħol sekulari tiegħek li tqattaʼ ħin maʼ membri tas-​sess oppost? Jekk inhu hekk, liema tip taʼ relazzjoni għandek magħhom? Tagħmel limiti biex ir-​relazzjoni tagħkom ma ssirx waħda romantika? Pereżempju, forsi oħt spiss titkellem maʼ raġel li jaħdem magħha. Forsi tant isir ħabib fdat u tal-​qalb li tgħidlu dwar il-​problemi fiż-​żwieġ tagħha. Jew ħu jagħmel ħbieb maʼ mara li taħdem miegħu. Għandu mnejn jaħseb: “Jogħġbuha l-​opinjonijiet tiegħi u tagħti kasi meta nkellimha. Tirrispettani wkoll. Nixtieq li kieku marti tittrattani hekk!” Tistaʼ tara kif dawn il-​Kristjani jistgħu jkunu fil-​periklu li jikkommettu adulterju?

13. Kif tistaʼ tiżviluppa relazzjoni romantika mhix xierqa fil-​kongregazzjoni?

13 Tistaʼ tiżviluppa relazzjoni romantika mhix xierqa fil-​kongregazzjoni. Ikkunsidra dan l-​eżempju li seħħ fir-​realtà. Daniel u martu, Sarah, a kienu pijunieri regulari. Daniel jgħid li kien ukoll anzjan li jaċċetta kull inkarigu li jingħata fil-​kongregazzjoni. Bħala parti mill-​ministeru tiegħu, Daniel kellu ħames studji tal-​Bibbja maʼ ġuvintur—u tlieta minnhom tgħammdu. Dawn l-​aħwa li kienu għadhom kif tgħammdu kellhom bżonn ħafna għajnuna emozzjonali. Peress li Daniel kellu tant x’jagħmel fil-​kongregazzjoni, Sarah spiss tathom l-​għajnuna li kellhom bżonn. Imma Sarah wkoll kellha bżonn l-​attenzjoni, u hi kisbitha mingħand l-​istudenti tal-​Bibbja taʼ Daniel. Din is-​sitwazzjoni saret bħal nasba perikoluża. Daniel jgħid: ‘Xahar wara l-​ieħor, marti kienet qed tuża l-​enerġija kollha tagħha biex tgħin lil oħrajn, u allura kellha bżonn appoġġ spiritwali u emozzjonali. Matul dan iż-​żmien ma kontx qed nieħu ħsiebha. Dawn iċ-​ċirkustanzi wasslu għal diżastru. Marti kkommettiet adulterju maʼ wieħed mill-​ġuvintur li kont studjajt magħhom. Tant kont medhi f’xogħli li ma kontx indunajt li r-​relazzjoni tagħha maʼ Ġeħova kienet iddgħajfet.’ Kif tistaʼ tevita traġedja bħal din?

14, 15. X’jistaʼ jgħin lill-​Kristjani miżżewġin jevitaw l-​adulterju?

14 Biex tevita l-​adulterju trid taħseb profondament dwar xi jfisser li tkun leali lejn is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek fiż-​żwieġ. Ġesù qal: “Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mt. 19:6) Qatt taħseb li l-​privileġġi teokratiċi tiegħek huma iktar importanti mir-​raġel jew mill-​mara tiegħek. Iżjed minn hekk, jekk int spiss tqattaʼ ħin ’il bogħod minn żewġek jew martek għal raġunijiet mhux neċessarji, iż-​żwieġ tagħkom jistaʼ jiddgħajjef u int jew is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek tistaʼ titħajjar tikkommetti adulterju.

15 Iżda jekk int anzjan, xi ngħidu għall-​merħla? L-​appostlu Pietru kiteb: “Irgħu l-​merħla t’Alla li hemm fil-​ħarsien tagħkom, mhux bilfors, imma minn jeddkom; mhux għall-​imħabba tal-​qligħ diżonest, imma bil-​ħerqa.” (1 Pt. 5:2) Ċertament li l-​membri tal-​kongregazzjoni fil-​ħarsien tiegħek m’għandhomx jiġu injorati. Imma int m’għandekx taħdem tant iebes biex tkun anzjan tajjeb li ma tistax tkun raġel tajjeb. Ma jagħmilx sens li tgħin lill-​aħwa fil-​kongregazzjoni u tittraskura lil martek id-​dar. Dan kieku jipperikola ż-​żwieġ tagħkom. Daniel jgħid, ‘Qatt m’għandu jkollok tant x’tagħmel f’li tieħu ħsieb ir-​responsabbiltajiet li tittraskura lil familtek stess.’

16, 17. (a) Il-​Kristjani miżżewġin x’jistgħu jagħmlu fuq il-​post tax-​xogħol biex jagħmlu ċert li kulħadd jaf li mhumiex disponibbli għal relazzjoni romantika? (b) Semmi xi eżempji t’artikli fir-​rivisti tagħna li jistgħu jgħinu lill-​Kristjani jevitaw l-​adulterju.

16 Ir-​rivisti It-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ! jagħtu ħafna pariri tajbin biex jgħinu lill-​Kristjani miżżewġin jevitaw l-​adulterju. Pereżempju, It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Settembru, 2006, ta dan il-​parir: “Fuq il-​post tax-​xogħol u f’postijiet oħra, oqgħod attent minn sitwazzjonijiet li jistgħu jiżviluppaw f’intimità. Per eżempju, il-​fatt li tqattaʼ sigħat żejda taħdem mill-​qrib maʼ xi ħadd tas-​sess oppost jistaʼ jkun taʼ tentazzjoni. Bħala raġel jew mara miżżewġa, għandek tagħmilha ċara bil-​kliem tiegħek u l-​kondotta tiegħek li int m’intix disponibbli. Bħala xi ħadd li għandu d-​devozzjoni lejn Alla, żgur li ma tkunx trid tiġbed attenzjoni mhux xierqa billi titkessaħ jew tkun immodest fl-​ilbies u d-​dehra. . . . Il-​fatt li fuq il-​post tax-​xogħol ikollok ritratti taʼ martek jew żewġek u taʼ wliedek se jservi bħala tfakkira viżwali għalik u għal oħrajn li int tgħożż il-​familja tiegħek. Kun determinat li qatt ma tinkuraġġixxi—jew saħansitra tittollera—avanzi romantiċi minn oħrajn.”

17 L-​artiklu intitolat “Il-​Fedeltà fiż-​Żwieġ—Xi Tfisser Verament?” fi Stenbaħ! taʼ Lulju-​Settembru, 2009, wissa kontra fantasiji sesswali li jinvolvu lil xi ħadd li mhuwiex is-​sieħeb tiegħek fiż-​żwieġ. L-​artiklu indika li jekk toqgħod timmaġina fantasiji sesswali se żżid iċ-​ċans li tikkommetti adulterju. (Ġak. 1:14, 15) Jekk int miżżewweġ ikun għaqli li minn żmien għal żmien int u martek jew żewġek tirrivedu informazzjoni bħal din flimkien. Iż-​żwieġ hu arranġament stabbilit minn Ġeħova nnifsu, u huwa sagru. Il-​fatt li twarrab il-​ħin biex tkellem lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħek fiż-​żwieġ hu mod mill-​aqwa kif turi li tgħożż l-​affarijiet sagri.—Ġen. 2:21-​24.

18, 19. (a) Xi ħsara jikkaġuna l-​adulterju? (b) Liema benefiċċji tgawdi jekk tibqaʼ leali lejn żewġek jew martek?

18 Jekk tħoss it-​tentazzjoni biex tiżviluppa relazzjoni romantika mhix xierqa, immedita fuq il-​ħsara li jistgħu jikkaġunaw iż-​żína u l-​adulterju. (Prov. 7:22, 23; Gal. 6:7) Dawk li jikkommettu l-​immoralità jnikktu lil Ġeħova u jweġġgħu lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tagħhom u lilhom infushom. (Aqra Malakija 2:13, 14.) Minflok, aħseb dwar il-​benefiċċji li se jkollok jekk iżżomm il-​kondotta tiegħek safja, jew nadifa. Mhux biss ikollok it-​tama li tgħix għal dejjem imma wkoll se tgawdi l-​aqwa ħajja issa, u dan jinkludi kuxjenza nadifa.—Aqra Proverbji 3:1, 2.

19 Is-​salmista kanta: “Paċi abbundanti jkollhom dawk li jħobbu l-​liġi [t’Alla], u għalihom m’hemm ebda tfixkil.” (Salm 119:165) Għalhekk, ħobb il-​verità u ‘oqgħod attent bis-​sħiħ li ma timxix bħal nies bla għaqal imma bħal nies għorrief’ f’dawn iż-​żminijiet mill-​agħar. (Efes. 5:15, 16) Illum, Satana juża diversi nases biex jaqbad lill-​qaddejja veri t’Alla. Imma Ġeħova tana kulma għandna bżonn biex ‘inżommu sod’ u nipproteġu ruħna ħalli qatt ma ninqabdu fin-​nases taʼ Satana.—Efes. 6:11, 16.

[Nota ta’ taħt]

a L-​ismijiet ġew mibdulin.

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Stampa f’paġna 26]

Il-​materjaliżmu jistaʼ joħnoq lil persuna spiritwalment. Tħallix li dan jiġri lilek

[Stampa f’paġna 29]

Jekk tifflertja jew tħalli lil xi ħadd jifflertja miegħek, dan jistaʼ jġiegħlek taqaʼ fl-​adulterju