Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Fit-Triq mal-Pellegrini

Fit-Triq mal-Pellegrini

Mill-​Arkivji Tagħna

“SEMPLIĊEMENT ma nistax immur minn bieb għal bieb!” Ħafna kienu l-​istudenti ġodda tal-​Bibbja li ħassewhom hekk dwar il-​ħsieb li jippritkaw lill-​istranġieri. Madankollu, din l-​oġġezzjoni ġiet minn kelliemi pubbliku u għalliem tal-​Bibbja tal-​esperjenza msejjaħ pellegrin, jew indokratur li jivvjaġġa.

Ħafna qarrejja taʼ Zion’s Watch Tower li telqu mill-​knejjes tagħhom ixxennqu għal sħubija maʼ dawk li bħalhom kienu għatxana għall-​verità tal-​Bibbja. Ir-​rivista ħeġġet lill-​qarrejja tagħha biex ifittxu oħrajn li kellhom twemmin bħal tagħhom u biex jiltaqgħu magħhom b’mod regulari għal studju tal-​Bibbja. B’seħħ mill-​1894, il-​Watch Tower Society bagħtet rappreżentanti li jivvjaġġaw biex jiltaqgħu maʼ gruppi li talbu żjara. Dawn l-​irġiel beżlin u taʼ esperjenza ntgħażlu minħabba li kienu umli, kellhom l-​għarfien Bibliku, l-​abbiltà mill-​aħjar taʼ kif jitkellmu u jgħallmu, u minħabba li wrew lealtà għall-​fidwa. Normalment, iż-​żjara kienet iddum ġurnata jew tnejn mimlijin xogħol. Ħafna Studenti tal-​Bibbja daqu għall-​ewwel darba s-​servizz tal-​għalqa billi qassmu fuljetti għal taħdita minn pellegrin. Hugo Riemer, li iktar tard sar membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna, wara li ta t-​taħdita tiegħu fi skola filgħaxija, wieġeb mistoqsijiet dwar il-​Bibbja sa wara nofsillejl. Għajjien mejjet iżda ferħan, hu stqarr li l-​laqgħa kienet tassew “sabiħa.”

Ir-​rivista Watch Tower stqarret li l-​iskop prinċipali tal-​aħwa li jivvjaġġaw kien biex jinbnew “in-​nies taʼ fidi” permezz taʼ laqgħat fid-​djar taʼ dawk li kienu jemmnu. L-​Istudenti tal-​Bibbja mill-​inħawi fil-​qrib ġew għat-​taħditiet u għas-​sessjonijiet tal-​mistoqsijiet u t-​tweġibiet. Imbagħad wasal il-​ħin għall-​ospitalità Kristjana. Bħala tifla, Maude Abbott darba waħda filgħodu marret għal taħdita, u wara dan kulħadd inġabar madwar mejda twila fil-​bitħa. “Kemm kien hemm ikel tajjeb—perżut, tiġieġ moqlijin, ħobż taʼ kull xorta, torti, u kejkijiet! Kulħadd kiel dak kollu li setaʼ, u għal xi s-​sagħtejn inġbarna għal taħdita oħra.” Iżda hi tammetti, “Sa dak il-​ħin kulħadd kien nofsu rieqed.” Benjamin Barton, li kien ilu jaqdi bħala indokratur li jivvjaġġa, darba qal, ‘Kieku kilt l-​ikel rikk kollu li ġejt offrut, kieku ilni taħt it-​trab.’ Maż-​żmien, ittra mill-​kwartieri ġenerali fi Brooklyn wissiet lill-​aħwa nisa li kienu daqshekk ġenerużi li kien ikun għall-​ġid taʼ kulħadd li lill-​pellegrin jagħtuh “tisjir sempliċi taʼ kuljum” u jaraw li jkollu “rqad bla xkiel.”

L-​aħwa li jivvjaġġaw kienu bravi ħafna f’li jgħallmu u jużaw ċarts, mudelli, jew kwalunkwe ħaġa oħra li kellhom fl-​idejn biex jagħtu l-​ħajja lis-​suġġett tagħhom. It-​taħditiet taʼ R. H. Barber kienu dejjem “imħawrin spiritwalment.” W. J. Thorn, li kien bħal missier, tkellem “bħal patrijarka taʼ żmien il-​qedem.” Ġurnata minnhom, waqt li kien riekeb f’karozza Model A Ford, Shield Toutjian f’daqqa waħda għajjat, “Żomm!” Hu niżel jiġri mill-​karozza, qataʼ xi fjuri salvaġġi, u ta lezzjoni spirtu pront dwar il-​ħolqien taʼ Ġeħova lil sħabu.

Id-​diffikultajiet tax-​xogħol taʼ pellegrin ġabu magħhom ħafna sfidi, speċjalment għal dawk taʼ mezz’età jew ikbar. Għal xi wħud, madankollu, l-​ikbar prova kienet il-​bidla f’dak li kellhom jiffokaw fuqu f’xogħolhom. Issa kienu mistennijin li jieħdu t-​tmexxija fl-​ippritkar minn dar għal dar. Il-​Watch Tower tal-​15 taʼ Marzu, 1924, qal li “wieħed mill-​inkarigi primarji” taʼ Kristjani veri “hu biex jagħtu xhieda għas-​saltna. Il-​pellegrini jintbagħtu għal dan l-​iskop.”

Ċerti aħwa li jivvjaġġaw milli jidher xejn m’għoġbithom il-​bidla, għaliex huma telqu x-​xogħol tal-​ivvjaġġar. Ftit minn dawk li ma kinux kuntenti saħansitra fformaw il-​grupp reliġjuż tagħhom stess. Robie D. Adkins ftakar li pellegrin minnhom li kien kelliemi tajjeb ħafna lmenta bi stmerrija: “Jien minn fuq il-​platform biss naf nipprietka. Tgħidli xejn, iżda ma nistax immur minn bieb għal bieb!” Ħuna Adkins ftakar: “Kien fil-​konvenzjoni tal-​1924 f’Columbus, Ohio, li rġajt rajtu. Kien jidher l-​iktar persuna miżerabbli hemmhekk, wieqaf waħdu għad-​dell taʼ siġra żgħira, b’geddumu sal-​art fost eluf t’aħwa ferħanin. Qatt ma rajtu iktar. Ftit wara telaq mill-​organizzazzjoni.” Min-​naħa l-​oħra, “ħafna aħwa ferħanin kienu għaddejjin iġorru l-​kotba lejn il-​karozzi tagħhom,” ovvjament ħerqanin biex jippritkaw minn dar għal dar.—Atti 20:20, 21.

Ħafna pellegrini, għalkemm forsi kienu ansjużi daqs dawk li kellhom iħarrġu huma stess, daħlu għax-​xogħol b’entużjażmu kbir. Dwar l-​għoti taʼ xhieda minn dar għal dar, Maxwell G. Friend (Freschel), pellegrin li jitkellem bil-​Ġermaniż, kiteb, “Din il-​parti tax-​xogħol taʼ pellegrin iżżid mal-​barkiet tal-​vjaġġ.” Il-​pellegrin John A. Bohnet irrapporta li l-​aħwa inġenerali aċċettaw bil-​ferħ l-​enfasi li tpoġġiet fuq l-​ippritkar tas-​Saltna. Skont hu, il-​biċċa l-​kbira kellhom “żelu jbaqbaq biex ikunu minn taʼ quddiem fix-​xogħol.”

Matul is-​snin, aħwa leali li jivvjaġġaw effettwaw tajjeb lill-​aħwa. “M’hemmx dubju li l-​pellegrini kienu taʼ valur u taʼ fejda, sewwasew bħalma nnotajt bħala tifel,” qal Norman Larson, li ilu Xhud għal ħafna żmien. “Ħadmu ħafna biex jagħġnuni bil-​mod it-​tajjeb.” Sal-​ġurnata tal-​lum, indokraturi li jivvjaġġaw bħal dawn li huma leali u jagħmlu sagrifiċċji personali qed jgħinu lil sħabhom fit-​twemmin biex jgħidu, “Nistgħu mmorru minn bieb għal bieb!”

[Kumment f’paġna 32]

Kienet tkun ġurnata taʼ ferħ meta kien iżurna l-​pellegrin!

[Stampa f’paġna 31]

Il-​vjaġġ tal-​1905 taʼ Benjamin Barton kien fih xi 170 waqfa

[Stampa f’paġna 32]

Walter J. Thorn kien pellegrin, magħruf b’mod teneru bħala Pappy minħabba l-​attitudni tiegħu bħal taʼ missier u taʼ Kristu

[Stampa f’paġna 32]

J. A. Browne intbagħat il-​Ġamajka bħala pellegrin madwar l-​1902 biex isaħħaħ u jinkuraġġixxi 14-​il grupp żgħir

[Stampa f’paġna 32]

Ix-​xogħol taʼ pellegrin bena l-​fidi, saħħaħ l-​unità Kristjana, u qarreb lill-​aħwa lejn l-​organizzazzjoni