Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Jien Magħkom”

“Jien Magħkom”

“Ħafna jfittxu fih bir-​reqqa, u l-​għarfien veru jkun abbundanti.”—DAN. 12:4.

INT KIF TWIEĠEB?

Fiż-​żminijiet moderni, “l-​għarfien veru” kif sar magħruf?

Dawk li aċċettaw il-​verità kif saru “ħafna”?

L-​għarfien eżatt b’liema modi sar “abbundanti”?

1, 2. (a) Kif nafu li Ġesù qiegħed mas-​sudditi tiegħu issa u li se jkun magħhom fil-​futur? (b) Skont Danjel 12:4, x’kellu jiġri wara studju bir-​reqqa tal-​Iskrittura?

 IMMAĠINA lilek innifsek fil-​Ġenna tal-​art. Kull filgħodu tqum u tħossok mistrieħ u ħerqan biex tibda l-​ġurnata tiegħek. M’għandek l-​ebda wġigħ jew tbatija. Kwalunkwe mard li kellek issa telaq. Is-​sensi kollha tiegħek—il-​vista, is-​smigħ, ix-​xamm, il-​mess, u t-​togħma—jaħdmu perfettament. Għandek enerġija kbira, ix-​xogħol tiegħek tieħu pjaċir tagħmlu, ħbiebek huma ħafna, u m’għandek xejn jinkwetak aktar. Dawn se jkunu fost il-​barkiet li tistaʼ tgawdi taħt is-​Saltna t’Alla. Kristu Ġesù, is-​Sultan maħtur, se jbierek is-​sudditi tiegħu u se jedukahom bl-​għarfien taʼ Ġeħova.

2 Ġeħova se jkun mal-​qaddejja leali tiegħu hekk kif jieħdu sehem f’dan ix-​xogħol taʼ edukazzjoni globali fil-​futur. Alla u Ibnu ilhom sekli sħaħ maʼ wħud leali. Qabel telaʼ s-​sema, Ġesù wiegħed lid-​dixxipli leali tiegħu li kien se jkun magħhom. (Aqra Mattew 28:19, 20.) Biex insaħħu l-​fidi tagħna f’din il-​wegħda, ejja neżaminaw sentenza waħda biss minn profezija mnebbħa minn Alla li nkitbet f’Babilonja tal-​qedem iktar minn 2,500 sena ilu. Dwar “żmien it-​tmiem” li fih issa qed ngħixu, il-​profeta Danjel kiteb: “Ħafna jfittxu fih bir-​reqqa, u l-​għarfien veru jkun abbundanti.” (Dan. 12:4) Kemm kien se jkun hemm barkiet meraviljużi permezz taʼ dan it-​tiftix bir-​reqqa! Dawk li jistudjaw sew l-​Iskrittura kienu se jitbierku bl-​għarfien veru, jew eżatt, tal-​Kelma t’Alla. Il-​profezija tgħid ukoll li ħafna kienu se jaċċettaw “l-​għarfien veru.” Iżjed minn hekk, għarfien bħal dan kellu jkun abbundanti. Kien se jkun imqassam mad-​dinja kollha u akkwistat bla diffikultà. Hekk kif nistudjaw kif din il-​profezija twettqet, se naraw li Ġesù qiegħed mad-​dixxipli tiegħu llum u li Ġeħova għandu l-​kapaċità kollha li jwettaq dak kollu li wiegħed.

“L-​GĦARFIEN VERU” JSIR MAGĦRUF

3. X’sar mill-​“għarfien veru” wara l-​mewt tal-​appostli?

3 Wara l-​mewt tal-​appostli, l-​apostasija mbassra li ħarġet mill-​Kristjanità ġenwina żviluppat u nfirxet bħal nar. (Atti 20:28-​30; 2 Tess. 2:1-​3) Għal sekli wara, ftit li xejn kien hemm “għarfien veru,” mhux biss fost dawk li ma kienu jafu xejn dwar il-​Bibbja, imma wkoll fost dawk li qalu li huma Kristjani. Għalkemm qalu li jemmnu fl-​Iskrittura, il-​mexxejja tal-​Kristjaneżmu għallmu gideb reliġjuż—“tagħlim tad-​demonji” li ddiżonora lil Alla. (1 Tim. 4:1) In-​nies inġenerali tħallew f’injoranza spiritwali. Duttrini apostati inkludew it-​tagħlim falz li Alla hu Trinità, li r-​ruħ ma tmutx, u li xi erwieħ huma turmentati għal dejjem fin-​nar tal-​infern.

4. Grupp taʼ Kristjani fis-​snin sebgħin tas-​seklu dsatax kif bdew ifittxu għall-​“għarfien veru”?

4 Madankollu, fis-​snin sebgħin tas-​seklu dsatax—madwar erbgħin sena qabel bdew “l-​aħħar jiem”—grupp żgħir taʼ Kristjani sinċieri f’Pennsylvania, l-​Istati Uniti tal-​Amerika, iltaqgħu biex jistudjaw b’mod diliġenti l-​Bibbja u jfittxu għall-​“għarfien veru.” (2 Tim. 3:1) Huma sejħu lilhom infushom Studenti tal-​Bibbja. Dawn ma kinux “l-​għorrief u l-​intellettwali” li minnhom Ġesù qal li l-​għarfien kellu jkun moħbi. (Mt. 11:25) Kienu nies umli li xtaqu sinċerament li jagħmlu r-​rieda t’Alla. Huma qraw l-​Iskrittura, iddiskutew u mmeditaw fuqha bir-​reqqa, u talbu għad-​direzzjoni t’Alla. Ukoll, qabblu siltiet mill-​Bibbja u eżaminaw il-​kitbiet taʼ oħrajn li fittxew bħalhom. Bil-​mod il-​mod, dawn l-​Istudenti tal-​Bibbja bdew jifhmu veritajiet li kienu ilhom moħbijin għal sekli sħaħ.

5. X’kien l-​iskop tas-​serje taʼ fuljetti bl-​isem The Old Theology?

5 Għalkemm l-​Istudenti tal-​Bibbja kienu eċċitati dwar l-​affarijiet li kienu qed jitgħallmu, huma ma ħallewx l-​għarfien il-​ġdid li sabu jneffaħhom bil-​kburija; lanqas ma ħadu l-​krettu talli xandru xi ħaġa ġdida. (1 Kor. 8:1) Minflok, ippubblikaw serje taʼ fuljetti bl-​isem The Old Theology. L-​iskop kien biex il-​qarrejja jsiru midħla taʼ veritajiet Skritturali li kienu mniżżlin fil-​Bibbja. L-​ewwel fuljetti għenu lin-​nies jistudjaw il-​Bibbja biex b’hekk ikunu jistgħu jiċħdu “t-​tradizzjonijiet foloz kollha tal-​bnedmin” u jaċċettaw it-​tagħlim veru taʼ Ġesù u l-​appostli, jew “it-​teoloġija l-​qadima.”—The Old Theology, Nru. 1, April 1889, p. 32.

6, 7. (a) Liema veritajiet ġejna megħjunin nifhmu sa mill-​1870? (b) Liema veritajiet kont speċjalment ferħan li titgħallem?

6 Kemm veritajiet meraviljużi nstabu minn dak il-​bidu żgħir iktar minn 100 sena ilu! a Dawn il-​veritajiet mhumiex affarijiet tedjanti u akkademiċi biex jiġu diskussi mit-​teologi. Huma veritajiet eċċitanti u li jagħtu l-​ħelsien, jagħtu tifsir lil ħajjitna, u jimlewna b’ferħ u tama. Jgħinuna nsiru nafu lil Ġeħova—il-​personalità taʼ mħabba tiegħu u l-​iskopijiet tiegħu. Ukoll, jiċċaraw l-​irwol taʼ Ġesù, jispjegaw għala għex u miet, u juru x’inhu jagħmel issa. Dawn il-​veritajiet prezzjużi jgħinuna nifhmu għala Alla jippermetti l-​ħażen, għala mmutu, kif għandna nitolbu, u kif nistgħu nkunu tassew ferħanin.

7 Aħna issa nistgħu nifhmu l-​profeziji li baqgħu “sigriet” għal żmien twil imma li issa qed jitwettqu f’dan iż-​żmien tat-​tmiem. (Dan. 12:9) Dawn jinkludu dawk misjubin fl-​Iskrittura kollha, speċjalment fl-​Evanġelji u l-​ktieb tar-​Rivelazzjoni. Ġeħova saħansitra għenna nifhmu ġrajjiet li ma stajniex naraw b’għajnejna—il-​ħatra taʼ Ġesù bħala Sultan, il-​gwerra fis-​sema, u t-​twaddib għal isfel taʼ Satana lejn l-​art. (Riv. 12:7-​12) Ukoll, Alla tana d-​dehen biex nifhmu dak li nistgħu naraw—gwerer, terremoti, mard li jittieħed, nuqqas taʼ ikel, kif ukoll nies taʼ mingħajr Alla li jkomplu jżidu maż-​“żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.”—2 Tim. 3:1-​5; Lq. 21:10, 11.

8. Lil min nagħtu l-​krettu għall-​affarijiet li qed naraw u nisimgħu?

8 Huwa faċli għalina biex nifhmu x’qal Ġesù lid-​dixxipli tiegħu: “Henjin l-​għajnejn li jaraw dak li qed taraw intom. Għax ngħidilkom, Ħafna profeti u slaten xtaqu jaraw dak li qed taraw intom imma ma rawhx, u jisimgħu dak li qed tisimgħu intom imma ma semgħuhx.” (Lq. 10:23, 24) Aħna nagħtu l-​krettu lil Alla Ġeħova talli għamilha possibbli għalina li naraw u nisimgħu affarijiet bħal dawn. U kemm aħna grati li “l-​ajjutant,” l-​ispirtu qaddis t’Alla, intbagħat biex jiggwida lis-​segwaċi taʼ Ġesù “lejn il-​verità kollha”! (Aqra Ġwanni 16:7, 13.) Jalla dejjem ngħożżu “l-​għarfien veru” u naqsmuh m’oħrajn bla egoiżmu!

“ĦAFNA” JAĊĊETTAW “L-​GĦARFIEN VERU”

9. Liema sejħa kien hemm fil-​ħarġa taʼ din ir-​rivista taʼ April tal-​1881?

9 F’April tal-​1881, inqas minn sentejn wara li ġiet pubblikata l-​ewwel ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż, din ir-​rivista għamlet sejħa għal 1,000 predikatur. L-​artiklu stieden lil dawk kollha li setgħu jiddedikaw nofs il-​ħin tagħhom jew iżjed għax-​xogħol tal-​ippritkar sabiex isiru colporteurs, jew pijunieri. Intalbu jmorru kull fejn setgħu biex ifittxu Kristjani sinċieri li kienu jħobbu lil Alla iżda li ma kellhomx għarfien eżatt u biex jgħallmuhom il-​verità dwar Alla u l-​Bibbja.

10. In-​nies kif wieġbu għas-​sejħa għal predikaturi full-​time?

10 Din is-​sejħa wriet li l-​Istudenti tal-​Bibbja fehmu li xogħol importanti tal-​Kristjani veri hu li jippritkaw l-​aħbar tajba. Imma s-​sejħa għal 1,000 predikatur full-​time kienet ottimista, ladarba ftit mijiet biss kienu jattendu l-​laqgħat tal-​Istudenti tal-​Bibbja f’dak iż-​żmien. Madankollu, wara li qraw fuljett jew rivista ħafna nies irrealizzaw li kienu sabu l-​verità u wieġbu bla telf taʼ żmien għas-​sejħa. Pereżempju, fl-​1882, wara li qarrej minn Londra, l-​Ingilterra, qara ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż u ktejjeb pubblikat mill-​Istudenti tal-​Bibbja, hu kiteb: “Jekk jogħġobkom għiduli kif u x’għandi nipprietka sabiex nagħmel ix-​xogħol imbierek li Alla jixtieq li jsir.”

11, 12. (a) Xi skop għandna aħna li hu bħal tal-​colporteurs? (b) Il-​pijunieri kif kienu jifformaw “klassijiet,” jew kongregazzjonijiet?

11 Sal-​1885, madwar 300 Student tal-​Bibbja kienu qed jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ pijunier. Dawn il-​ministri full-​time kellhom l-​istess skop bħalma għandna aħna llum—dak li nagħmlu dixxipli taʼ Ġesù Kristu. Madankollu, il-​metodi tagħhom kienu differenti minn tagħna. Illum, normalment nistudjaw il-​Bibbja maʼ persuna waħda, billi nagħtu tagħlim individwali. Imbagħad, nistiednu lill-​istudent tal-​Bibbja biex jissieħeb maʼ kongregazzjoni li tkun diġà fformat. Fiż-​żmien tal-​bidu, il-​pijunieri kienu jqassmu l-​kotba u mbagħad ilaqqgħu lil dawk interessati flimkien biex jistudjaw l-​Iskrittura bħala grupp. Minflok ma studjaw maʼ individwi, huma fformaw “klassijiet,” jew kongregazzjonijiet.

12 Pereżempju, fl-​1907, grupp taʼ pijunieri fittxew f’ċerta belt biex isibu lil dawk li diġà kellhom il-​kopji tal-​Millennial Dawn (imsejħin ukoll Studies in the Scriptures). Il-​Watch Tower irrapporta: “Dawn [l-​uħud interessati] kienu miġburin f’laqgħa żgħira f’waħda mid-​djar tagħhom. Il-​Colporteur tkellem magħhom dwar il-​Pjan Divin taż-​Żminijiet tul il-​ġurnata tal-​Ħadd kollha, u l-​Ħadd taʼ wara hu ħeġġiġhom biex jibdew ikollhom laqgħat regulari.” Fl-​1911, l-​aħwa rranġaw il-​proċedura. Tmienja u ħamsin ministru li jivvjaġġa taw taħditiet pubbliċi fl-​Istati Uniti u l-​Kanada kollha. Dawn l-​aħwa akkwistaw l-​ismijiet u l-​indirizzi tan-​nies interessati li attendew għal-​lekċers u organizzawhom biex jiltaqgħu flimkien fi djar privati biex jifformaw “klassijiet” ġodda. Sal-​1914 kien hemm 1,200 kongregazzjoni tal-​Istudenti tal-​Bibbja madwar id-​dinja.

13. X’jimpressjonak dwar kemm hu mifrux “l-​għarfien veru” llum?

13 Illum hemm xi 109,400 kongregazzjoni madwar id-​dinja, u xi 895,800 ħu u oħt jaqdu bħala pijunieri. Kważi tmien miljun ruħ issa jaċċettaw “l-​għarfien veru” u japplikawh fil-​ħajja tagħhom. (Aqra Isaija 60:22.) b Din hija ħaġa impressjonanti ferm ladarba Ġesù bassar li d-​dixxipli tiegħu kellhom ikunu “mibgħudin minn kulħadd” minħabba ismu. Hu żied jgħid li s-​segwaċi tiegħu kellhom ikunu persegwitati, mitfugħin il-​ħabs, u saħansitra maqtulin. (Lq. 21:12-​17) Minkejja l-​oppożizzjoni taʼ Satana, id-​demonji tiegħu, u l-​opponenti fost il-​bnedmin, in-​nies taʼ Ġeħova gawdew suċċess fenomenali f’li jwettqu l-​inkarigu tagħhom biex jagħmlu dixxipli. Illum qegħdin jippritkaw “fl-​art abitata kollha,” mill-​iktar partijiet sħan sa dawk l-​iktar kesħin, fil-​muntanji, fid-​deżerti, fil-​bliet, u fil-​kampanja fejn hemm ftit nies joqogħdu. (Mt. 24:14) Dan qatt ma setaʼ jseħħ mingħajr l-​għajnuna taʼ Ġeħova.

“L-​GĦARFIEN VERU” JSIR “ABBUNDANTI”

14. “L-​għarfien veru” kif sar magħruf mad-​dinja kollha permezz tal-​pubblikazzjonijiet tagħna?

14 “L-​għarfien veru” sar abbundanti permezz taʼ ħafna wħud li qed jipproklamaw l-​aħbar tajba. Sar abbundanti wkoll permezz taʼ pubblikazzjonijiet, bħal kotba u rivisti. F’Lulju tal-​1879, l-​Istudenti tal-​Bibbja ppubblikaw l-​ewwel ħarġa taʼ din ir-​rivista bit-​titlu Zion’s Watch Tower and Herald of Christ’s Presence. Kumpanija kummerċjali stampat 6,000 kopja minn din il-​ħarġa bl-​Ingliż biss. Charles Taze Russell, li kellu 27 sena, intgħażel bħala l-​editur, u kien hemm ħames Studenti tal-​Bibbja oħra maturi li kitbu artikli regolarment għar-​rivista. It-​Torri tal-​Għassa issa hu ppubblikat b’195 lingwa. Huwa l-​iktar rivista mqassma fid-​dinja, b’ċirkulazzjoni taʼ 42,182,000 kopja kull ħarġa. Fit-​tieni post hemm ir-​rivista Stenbaħ! li tmur id f’id magħha, b’ċirkulazzjoni taʼ 41,042,000 kopja b’84 lingwa. Ukoll, madwar 100 miljun ktieb u Bibbja jiġu stampati kull sena.

15. Ix-​xogħol tal-​istampar tagħna kif inhu finanzjat?

15 Dan ix-​xogħol enormi huwa finanzjat minn kontribuzzjonijiet volontarji. (Aqra Mattew 10:8.) Dan waħdu hu impressjonanti għal dawk fl-​industrija tal-​istampar li jafu xi spejjeż kbar huma involuti għal stamperiji, karta, linka, u materjal ieħor. Ħu li jixtri l-​materjal għall-​istamperiji tal-​Betel qal: “Nies tan-​negozju li jżuru l-​istamperiji tagħna jibqgħu mistagħġbin kif faċilità daqstant avanzata teknoloġikament u bi produzzjoni kbira tistaʼ tkun finanzjata minn donazzjonijiet volontarji. Jimpressjonahom ukoll il-​fatt li n-​nies li jaħdmu fil-​Betel huma daqshekk żgħażagħ u ferħanin.”

L-​GĦARFIEN DWAR ALLA SE JIMLA L-​ART

16. Ġeħova għala għamel “l-​għarfien veru” abbundanti?

16 “L-​għarfien veru” sar abbundanti għal skop tajjeb. Ir-​rieda t’Alla hi li “bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità.” (1 Tim. 2:3, 4) Ġeħova jrid lin-​nies isiru jafu l-​verità biex ikunu jistgħu jqimuh sewwa u jkollhom il-​barka tiegħu. Billi Ġeħova għamel magħruf “l-​għarfien veru,” hu ġabar fdal leali taʼ Kristjani midlukin. Hu qed jiġbor ukoll “folla kbira” minn “kull ġens u tribù u poplu u lsien,” li għandhom it-​tama li jgħixu fuq l-​art għal dejjem.—Riv. 7:9.

17. X’turi ż-​żieda t’aduraturi veri kullimkien?

17 Iż-​żieda t’aduraturi veri kullimkien matul l-​aħħar 130 sena ġġibna għall-​konklużjoni li ma tistax tiċħadha li Alla u s-​Sultan maħtur tiegħu, Ġesù Kristu, kienu mal-​qaddejja taʼ Ġeħova fuq l-​art—jidderiġuhom, jipproteġuhom, jorganizzawhom, u jedukawhom. Ukoll, iż-​żieda tagħhom tenfasizza ċ-​ċertezza li l-​wegħdi taʼ Ġeħova għall-​futur se jitwettqu. “L-​art se tkun mimlija bl-​għarfien taʼ Ġeħova bħalma l-​ilmijiet jiksu l-​baħar.” (Is. 11:9) X’barkiet se jesperjenzaw imbagħad il-​bnedmin!

[Noti ta’ taħt]

a Int tistaʼ titgħallem iktar meta tara d-​DVDs Jehovah’s Witnesses—Faith in Action, Part 1: Out of Darkness u Jehovah’s Witnesses—Faith in Action, Part 2: Let the Light Shine.

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Stampa f’paġna 6]

L-​Istudenti tal-​Bibbja tal-​bidu kienu nies umli li xtaqu sinċerament li jagħmlu r-​rieda t’Alla

[Stampa f’paġna 7]

Ġeħova jgħożż l-​isforzi tiegħek biex jinfirex “l-​għarfien veru” t’Alla