Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Oqgħod Attent min-Nases tax-Xitan!

Oqgħod Attent min-Nases tax-Xitan!

‘Oħroġ min-​nassa tax-​Xitan.’—2 TIM. 2:26.

INT KIF TWIEĠEB?

Jekk dejjem tikkritika lil oħrajn, x’għandek tagħmel?

Mill-​eżempji taʼ Pilatu u Pietru, x’tistaʼ titgħallem dwar li ma ċċedix għall-​biżaʼ u l-​pressjoni?

Kif tistaʼ tevita li tħoss sentimenti taʼ ħtija eċċessiva?

1, 2. Liema nases tax-​Xitan se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

 IX-​Xitan jipprova jaqbad lill-​qaddejja taʼ Ġeħova. Il-​mira tiegħu mhijiex neċessarjament li jeqridhom, bħalma kaċċatur joqtol l-​annimali li jaqbad. Minflok, il-​mira prinċipali tax-​Xitan hi li jġiegħel lil dawk li jaqbad biex jagħmlu dak li jrid hu.—Aqra t-2 Timotju 2:24-​26.

2 Biex jaqbad xi annimal, nassab għandu mnejn juża xi tip taʼ nassa. Forsi jipprova jġiegħel lill-​annimal joħroġ fil-​beraħ fejn jistaʼ jaqbdu b’ingassa. Jistaʼ juża wkoll nasba li jkun ħeba. L-​annimal imiss magħha u jitgħaffeġ. Ix-​Xitan juża nases simili biex jaqbad lill-​qaddejja t’Alla. Jekk irridu nevitaw li ninqabdu, hemm bżonn li noqogħdu attenti u nagħtu kas is-​sinjali taʼ twissija li juru li hemm waħda min-​nases, jew nasbiet, taʼ Satana fil-​viċin. F’dan l-​artiklu se niddiskutu kif nistgħu nevitaw tlieta min-​nasbiet li x-​Xitan uża biex jaqbad lil uħud min-​nies t’Alla. Dawn huma (1) diskors mhux kontrollat, (2) biżaʼ u pressjoni, u (3) sentimenti taʼ ħtija eċċessiva. L-​artiklu li jmiss se jikkunsidra żewġ nasbiet, jew nases, oħrajn taʼ Satana.

ITFI N-​NAR TAʼ DISKORS MHUX KONTROLLAT

3, 4. X’jistaʼ jiġri jekk ma nikkontrollawx ilsienna? Agħti eżempju.

3 Meta l-​annimali jkunu fil-​foresta jkunu fis-​sigurtà. Kaċċatur għandu mnejn iqabbad parti mill-​foresta biex l-​annimali joħorġu mill-​postijiet taʼ kenn tagħhom hekk kif jipprovaw jaħarbu. Imbagħad il-​kaċċatur ikun jistaʼ jaqbadhom. Fil-​kongregazzjoni Kristjana, l-​aħwa qegħdin fis-​sigurtà. B’mod figurattiv, ix-​Xitan jixtieq iqabbad nar fil-​kongregazzjoni biex l-​aħwa jitilqu minnha. Imbagħad ix-​Xitan ikun jistaʼ jaqbadhom. Aħna kif nistgħu mingħajr ma nindunaw ngħinuh, u b’hekk inkunu nqbadna fin-​nassa tiegħu?

4 Id-​dixxiplu Ġakbu qabbel l-​ilsien man-​nar. (Aqra Ġakbu 3:6-​8.) Jekk ma nikkontrollawx ilsienna, nistgħu nqabbdu nar figurattiv li jinfirex malajr fil-​kongregazzjoni. Dan kif jistaʼ jiġri? Ikkunsidra din ix-​xena: F’laqgħa tal-​kongregazzjoni jsir avviż li ċerta oħt bdiet taqdi bħala pijuniera regulari. Wara l-​laqgħa, żewġ pubblikaturi jiddiskutu dan l-​avviż. Waħda tesprimi ferħ u tixtiqilha suċċess lill-​pijuniera l-​ġdida. L-​oħra tiddubita mill-​motivi tal-​pijuniera u qisha trid tgħid li sempliċement qiegħda tfittex il-​prominenza fil-​kongregazzjoni. Liema minn dawn iż-​żewġ pubblikaturi tixtieq bħala ħabiba tiegħek? Huwa faċli biex naraw liema waħda tistaʼ taqlaʼ l-​problemi fil-​kongregazzjoni minħabba l-​mod kif titkellem.

5. Jekk irridu nitfu n-​nar taʼ diskors mhux kontrollat, x’għandna nagħmlu?

5 Kif nistgħu nitfu n-​nar taʼ diskors mhux kontrollat? Ġesù qal: “Mill-​abbundanza tal-​qalb jitkellem il-​fomm.” (Mt. 12:34) Allura l-​ewwel pass hu li neżaminaw qalbna stess, jew dak li verament inħossu. Għandna nevitaw li jkollna t-​tip taʼ sentimenti li jistgħu jġegħluna ngħidu affarijiet li jweġġgħu dwar oħrajn. Pereżempju, meta nisimgħu li xi ħu qed jirsisti għal xi privileġġ taʼ servizz, nemmnu sinċerament li l-​motivi tiegħu huma ġenwini, jew nissuspettaw li qed jagħmel dan għal raġunijiet egoistiċi? Jekk spiss naħsbu li ħutna jaqdu lil Ġeħova għal raġunijiet egoistiċi, għandna nżommu f’moħħna li x-​Xitan qal l-​istess ħaġa dwar Ġob, il-​qaddej leali t’Alla. (Ġob 1:9-​11) Minflok ma nissuspettaw f’ħuna, nagħmlu tajjeb jekk nikkunsidraw għala naħsbu ħażin fih. Tassew għandna raġuni tajba biex ikollna dawn il-​ħsibijiet? Jew ġejna influwenzati mill-​attitudni bla mħabba tad-​dinja f’dawn l-​aħħar jiem?—2 Tim. 3:1-​4.

6, 7. (a) Liema huma xi raġunijiet għala forsi nikkritikaw lil oħrajn? (b) Kif għandna nwieġbu jekk niġu mgħajrin?

6 Aħseb f’xi raġunijiet oħrajn għala għandna mnejn nikkritikaw lil oħrajn. Waħda tistaʼ tkun għax irridu li dak li nagħmlu aħna jkun iktar impressjonanti f’għajnejn ħaddieħor. Billi nikkritikaw lil oħrajn, forsi nkunu qed nipprovaw nuru li aħna aħjar minn kulħadd. Jew forsi nkunu qed nipprovaw inġibu l-​iskużi għala m’għamilniex xi ħaġa li kellna nagħmlu. Kemm jekk nikkritikaw lil oħrajn minħabba li aħna kburin jew għajjurin u kemm jekk għax m’għandniex fiduċja fina nfusna, li nikkritikaw se jikkaġuna ħsara kbira.

7 Għandna mnejn inħossu li għandna raġuni tajba biex nikkritikaw lil oħrajn. Forsi huma weġġgħuna b’xi ħaġa li qalu dwarna. Anki jekk dan hu minnu, ma jkunx sewwa li nweġġgħuhom lura. Inkunu biss qed ngħarrqu s-​sitwazzjoni. Huwa x-​Xitan li jridna nagħmlu hekk, u mhux Alla. (2 Tim. 2:26) Nagħmlu tajjeb jekk nimitaw lil Ġesù f’dan ir-​rigward. Meta ġie mgħajjar, “m’għajjarx lura.” Minflok, “baqaʼ jafda ruħu f’idejn dak li jiġġudika bil-​ġustizzja.” (1 Pt. 2:21-​23) Ġesù kien fiduċjuż li Ġeħova kien se jieħu ħsieb l-​affarijiet kif u meta jrid Hu. Aħna għandu jkollna l-​istess fiduċja f’Alla. Meta ngħidu affarijiet sbieħ li jinkuraġġixxu lil oħrajn, inkunu qed ngħinu biex inżommu l-​paċi u l-​għaqda fil-​kongregazzjoni tagħna.—Aqra Efesin 4:1-​3.

AĦRAB MILL-​INGASSA TAL-​BIŻAʼ U L-​PRESSJONI

8, 9. Pilatu għala kkundanna lil Ġesù?

8 Annimal li jinqabad f’nassa ma jibqax ikollu l-​libertà jiċċaqlaq fejn irid. B’mod simili, persuna li ċċedi għall-​biżaʼ u l-​pressjoni titlef minn tal-​inqas ftit mill-​kontroll li jkollha fuq ħajjitha. (Aqra Proverbji 29:25.) Ejja nikkunsidraw l-​eżempji taʼ żewġt irġiel differenti ħafna li ċedew għall-​pressjoni u l-​biżaʼ u naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​esperjenza tagħhom.

9 Il-​gvernatur Ruman Ponzju Pilatu kien jaf li Ġesù kien raġel innoċenti u milli jidher ma riedx jagħmillu l-​ħsara. Infatti, Pilatu qal li Ġesù “m’għamel xejn li jistħoqqlu l-​mewt.” Minkejja dan, Pilatu kkundannah għall-​mewt. Għala? Għax Pilatu ċeda għall-​pressjoni mill-​marmalja. (Lq. 23:15, 21-​25) Huma pprovaw iġiegħlu lil Pilatu jagħmel dak li riedu huma billi għajtu: “Jekk teħles lil dan ir-​raġel, m’intix ħabib taʼ Ċesari”! (Ġw. 19:12) Pilatu għandu mnejn beżaʼ li kien se jitlef il-​pożizzjoni tiegħu—jew possibbilment ħajtu—kieku żamm man-​naħa taʼ Kristu. Allura ċeda għall-​pressjoni u għamel dak li ried ix-​Xitan.

10. Pietru għala qal li ma kienx jaf lil Kristu?

10 L-​appostlu Pietru kien wieħed mill-​iktar ħbieb tal-​qalb taʼ Ġesù. Hu qal fil-​pubbliku li Ġesù kien il-​Messija. (Mt. 16:16) Pietru baqaʼ leali meta dixxipli oħrajn ma fehmux dak li qal Ġesù u abbandunawh. (Ġw. 6:66-​69) U meta xi għedewwa marru biex jarrestaw lil Ġesù, Pietru uża sejf biex jiddefendi lil Sidu. (Ġw. 18:10, 11) Madankollu, iktar tard Pietru ċeda għall-​biżaʼ u saħansitra qal li ma kienx jafu lil Ġesù Kristu. Il-​biżaʼ mill-​bniedem hu bħal nassa u l-​appostlu nqabad fiha għal ftit ħin. Hu tilef il-​kuraġġ biex jagħmel is-​sewwa u biex ikun leali lejn Ġesù.—Mt. 26:74, 75.

11. Maʼ liema influwenzi negattivi forsi jkollna nħabbtu wiċċna?

11 Bħala Kristjani rridu nirreżistu l-​pressjoni biex nagħmlu affarijiet li ma jogħġbux lil Alla. Dawk li jimpjegawna jew oħrajn għandhom mnejn jipprovaw jisforzawna nkunu diżonesti jew forsi jipprovaw iħajruna nieħdu sehem fl-​immoralità sesswali. L-​istudenti forsi jkollhom iħabbtu wiċċhom m’oħrajn tamparhom li jipprovaw jagħmlulhom pressjoni biex jiċċijtjaw fl-​eżamijiet, jaraw il-​pornografija, ipejpu, jieħdu d-​drogi, jabbużaw mill-​alkoħol, jew jikkommettu l-​immoralità sesswali. Allura, x’jistaʼ jgħinna naħarbu min-​nassa tal-​biżaʼ u l-​pressjoni biex nagħmlu dak li ma jogħġobx lil Ġeħova?

12. X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu minn Pilatu u Pietru?

12 Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempji taʼ Pilatu u Pietru. Pilatu ftit li xejn kien jaf dwar Kristu. Imma kien jaf li Ġesù kien innoċenti u li ma kienx xi bniedem ordinarju. Pilatu ma kienx umli u ma kellux imħabba għall-​Alla l-​veru. Allura kien faċli għax-​Xitan biex iġiegħel lil Pilatu jagħmel dak li riedu jagħmel. Pietru kellu kemm għarfien eżatt kif ukoll imħabba għal Alla. Però, kultant ma kienx modest, beżaʼ mill-​bnedmin, u ċeda għall-​pressjoni. Qabel l-​arrest taʼ Ġesù, Pietru ftaħar: “Anki jekk l-​oħrajn kollha jitfixklu, jien żgur ma nitfixkilx.” (Mk. 14:29) Kieku Pietru kellu fiduċja f’Ġeħova bħalma kellu s-​salmista, kieku kien ikun iktar preparat għall-​provi li kien se jkollu fil-​futur. Dak is-​salmista kanta: “Ġeħova qiegħed fuq in-​naħa tiegħi; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-​bniedem?” (Salm 118:6) Fl-​aħħar lejl tal-​ħajja Tiegħu fuq l-​art, Ġesù ħa lil Pietru u żewġ appostli oħrajn miegħu fil-​ġnien tal-​Ġetsemani. Madankollu, minflok ma qagħdu attenti, Pietru u sħabu raqdu. Ġesù qajjimhom u qal: “Ibqgħu għassa u itolbu, sabiex ma tidħlux fit-​tentazzjoni.” (Mk. 14:38) Imma Pietru reġaʼ raqad u iktar tard ċeda għall-​biżaʼ u l-​pressjoni.

13. Kif nistgħu nirreżistu l-​pressjoni biex nagħmlu xi ħaġa ħażina?

13 L-​eżempji taʼ Pilatu u Pietru jistgħu jgħallmuna lezzjoni vitali oħra: Għandna bżonn l-​għarfien, l-​umiltà, il-​modestja, l-​imħabba għal Alla, u l-​biżaʼ taʼ Ġeħova biex ma nċedux għall-​pressjoni jew għall-​biżaʼ mill-​bniedem. Jekk il-​fidi tagħna tkun mibnija fuq għarfien eżatt, se jkollna l-​kuraġġ biex nitkellmu dwar it-​twemmin tagħna b’konvinzjoni. Dan se jgħinna nirreżistu l-​pressjoni u negħlbu l-​biżaʼ mill-​bniedem. M’għandniex xi ngħidu, qatt m’għandna naħsbu li aħna b’saħħitna iktar milli fil-​fatt inkunu. Minflok, bl-​umiltà għandna nirrikonoxxu li neħtieġu l-​qawwa t’Alla biex nirreżistu l-​pressjoni. Għandna bżonn nitolbu għall-​ispirtu taʼ Ġeħova u għandna nħallu mħabbitna għalih timmotivana biex insegwu l-​livelli t’Alla u nevitaw li nagħmlu affarijiet li se jġiegħlu lin-​nies jaħsbu ħażin f’Ġeħova. Iktar minn hekk, għandna bżonn nippreparaw għall-​pressjoni qabel ma niffaċċjaw xi prova. Pereżempju, għandna nitolbu maʼ wliedna u nippreparawhom biex ikunu jafu x’għandhom jagħmlu meta tfal oħrajn jipprovaw iħajruhom jagħmlu xi ħaġa ħażina.—2 Kor. 13:7. a

EVITA N-​NASSA LI TFARRAK—SENTIMENTI TAʼ ĦTIJA EĊĊESSIVA

14. Ix-​Xitan x’jixtieqna nemmnu dwar l-​iżbalji li għamilna fil-​passat?

14 Kultant nasba tkun zokk taʼ siġra tqil jew ġebla kbira mdendla fuq mogħdija minn fejn l-​annimali spiss jgħaddu. In-​nassab jistira biċċa wajer minn naħa s’oħra tal-​mogħdija, u meta l-​annimal imiss mal-​wajer, iz-​zokk tas-​siġra jew il-​ġebla taqaʼ u tgħaffeġ lill-​annimal. Jekk ikollna sentimenti taʼ ħtija eċċessiva, nistgħu nħossuna bħallikieku qed nitgħaffġu b’zokk taʼ siġra jew b’ġebla. Pereżempju, meta naħsbu dwar xi żball li għamilna, forsi nħossuna ‘mfarrkin għall-​aħħar.’ (Aqra Salm 38:3-​5, 8.) Satana jridna nemmnu li aħna midinbin wisq biex Ġeħova juri l-​ħniena magħna u li m’aħniex kapaċi nsegwu l-​livelli t’Alla.

15, 16. Kif tistaʼ tevita n-​nasba taʼ li ċċedi għal sentimenti taʼ ħtija eċċessiva?

15 Kif tistaʼ tevita din in-​nasba li tfarrak? Jekk għamilt dnub serju, aġixxi issa biex tirranġa l-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova. Kellem lill-​anzjani u itlobhom l-​għajnuna tagħhom. (Ġak. 5:14-​16) Agħmel dak li tistaʼ biex tirranġa l-​iżball. (2 Kor. 7:11) Jekk tiġi dixxiplinat, taqtax qalbek. Id-​dixxiplina hi sinjal li Ġeħova jħobbok. (Ebr. 12:6) Kun determinat li ma tagħmilx l-​istess passi li wasslu għad-​dnub, u aġixxi fi qbil maʼ din id-​deċiżjoni. Wara li tkun indimt u dort lura, jew erġajt bdejt tagħmel dak li jogħġob lil Alla, irid ikollok il-​fidi li hu jistaʼ jaħfer id-​dnubiet tiegħek permezz tas-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Ġesù Kristu.—1 Ġw. 4:9, 14.

16 Xi individwi jkomplu jħossu sentimenti taʼ ħtija minħabba dnubiet li jkunu diġà nħafrulhom. Jekk dan hu minnu fil-​każ tiegħek, ftakar li Ġeħova ħafer lil Pietru u lill-​appostli l-​oħrajn talli abbandunaw lil Ibnu l-​maħbub meta l-​aktar kellu bżonnhom. Ġeħova ħafer lir-​raġel li ġie maqtugħ mis-​sħubija tal-​kongregazzjoni f’Korintu minħabba immoralità xokkanti imma li iktar tard nidem. (1 Kor. 5:1-​5; 2 Kor. 2:6-​8) Il-​Kelma t’Alla titkellem dwar nies li kkommettew dnubiet serji ħafna imma nidmu u ġew maħfurin minn Alla.—2 Kron. 33:2, 10-​13; 1 Kor. 6:9-​11.

17. Il-​fidwa x’tistaʼ tagħmel għalina?

17 Ġeħova se jaħfer u jinsa l-​iżbalji tal-​passat tiegħek jekk verament tkun niedem u taċċetta l-​ħniena tiegħu. Qatt tħoss li s-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa ma jistax ipatti għad-​dnubiet tiegħek. Jekk tagħmel hekk tkun qed taqaʼ vittma għal waħda min-​nases taʼ Satana. Minkejja dak li x-​Xitan iridek temmen, il-​fidwa tistaʼ tpatti għad-​dnubiet taʼ dawk kollha li dinbu u nidmu. (Prov. 24:16) Il-​fidi fil-​fidwa tistaʼ tgħinek biex tneħħi minn fuq spallejk is-​sentimenti taʼ ħtija eċċessiva u tistaʼ tagħtik is-​saħħa biex taqdi lil Alla b’qalbek, b’moħħok, u b’ruħek kollha.—Mt. 22:37.

AĦNA NAFUHOM IN-​NASES TAʼ SATANA

18. Kif nistgħu nevitaw in-​nases tax-​Xitan?

18 Satana ma jinteressahx kif jaqbadna, basta jaqbadna, jew iġegħelna nagħmlu dak li jrid hu. Peress li nafu dwar in-​nases taʼ Satana, nistgħu nevitaw li ninqabdu mix-​Xitan. (2 Kor. 2:10, 11) M’aħniex se ninqabdu fin-​nases, jew nasbiet, tiegħu jekk nitolbu għall-​għerf biex nittrattaw mal-​provi tagħna. Ġakbu kiteb: “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-​għerf, ħa jibqaʼ jitlob lil Alla, għax hu jagħti b’mod ġeneruż u mingħajr ma jċanfar lil ħadd; u jingħatalu.” (Ġak. 1:5) Għandna bżonn naġixxu fi qbil mat-​talb tagħna billi nieħdu sehem fi studju persunali regulari u billi napplikaw il-​Kelma t’Alla. Il-​pubblikazzjonijiet mill-​klassi tal-​ilsir leali u għaqli jgħallmuna dwar in-​nases tax-​Xitan u jgħinuna nevitawhom.

19, 20. Għala għandna nobogħdu dak li hu ħażin?

19 It-​talb u l-​istudju tal-​Bibbja jgħinuna jkollna mħabba akbar għal dak li hu tajjeb. Imma hu daqstant ieħor importanti li niżviluppaw mibegħda għal dak li hu ħażin. (Salm 97:10) Nistgħu nevitaw xewqat egoistiċi jekk naħsbu dwar il-​problemi li jistgħu jaqilgħulna. (Ġak. 1:14, 15) Meta nitgħallmu nobogħdu dak li hu ħażin u verament inħobbu dak li hu tajjeb, il-​lixka li Satana jpoġġi fin-​nasbiet tiegħu timbottana; xejn ma tħajjarna.

20 Kemm aħna grati li Alla jgħinna biex Satana ma jkunx jistaʼ jaqbadna fin-​nases tiegħu! Permezz tal-​ispirtu, il-​Kelma, u l-​organizzazzjoni Tiegħu, Ġeħova jeħlisna “mill-​Ħażin.” (Mt. 6:13) Fl-​artiklu li jmiss, se nitgħallmu kif nevitaw żewġ nasbiet oħrajn li x-​Xitan sabhom effettivi biex jaqbad lill-​qaddejja t’Alla.

[Nota ta’ taħt]

a Il-​ġenituri jagħmlu tajjeb jekk jiddiskutu maʼ wliedhom il-​“Peer-​Pressure Planner” li jidher fil-​ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work, Volume 2, paġni 132-​133. Dan il-​materjal jistaʼ jintuża bħala parti mil-​lejla tal-​Qima tal-​Familja.

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Stampa f’paġna 21]

Diskors mhux kontrollat jistaʼ jikkaġuna ħafna problemi fil-​kongregazzjoni

[Stampa f’paġna 24]

Tistaʼ tneħħi t-​toqol taʼ sentimenti taʼ ħtija eċċessiva