Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova Jlaqqaʼ l-Poplu Hieni Tiegħu

Ġeħova Jlaqqaʼ l-Poplu Hieni Tiegħu

“Laqqaʼ l-​poplu, l-​irġiel, in-​nisa, iċ-​ċkejknin, u r-​resident barrani.”—DT. 31:12.

INT KIF TWIEĠEB?

Għala jistaʼ jingħad li l-​konvenzjonijiet kienu okkażjonijiet importanti fl-​istorja tal-​poplu taʼ Ġeħova?

Liema sagrifiċċji kellhom jagħmlu ħafna Iżraelin tal-​qedem biex jattendu l-​festi f’Ġerusalemm?

Għala għandek tattendi kull konvenzjoni?

1, 2. X’se nitgħallmu dwar il-​konvenzjonijiet f’dan l-​artiklu?

 IL-​KONVENZJONIJIET internazzjonali u distrettwali ilhom parti mill-​istorja moderna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova għal bosta snin. Ħafna minna attendejna dawn l-​okkażjonijiet taʼ ferħ, forsi anki għexieren minnhom matul is-​snin.

2 Eluf taʼ snin ilu, in-​nies t’Alla attendew konvenzjonijiet ukoll. Se nitgħallmu dwar il-​konvenzjonijiet tal-​poplu t’Alla msemmijin fil-​Bibbja, ix-​xebh li hemm mal-​konvenzjonijiet illum, u se niffokaw fuq il-​benefiċċji li nirċievu meta nattenduhom.—Salm 44:1; Rum. 15:4.

KONVENZJONIJIET IMPORTANTI —TAL-​QEDEM U TAʼ ŻMIENNA

3. (a) X’ġara fl-​ewwel konvenzjoni tal-​poplu t’Alla li tissemma fil-​Bibbja? (b) L-​Iżraelin kif kienu jiġu msejħin biex jiltaqgħu flimkien?

3 L-​ewwel laqgħa kbira għat-​tagħlim spiritwali tal-​poplu t’Alla li tissemma fil-​Bibbja kienet il-​konvenzjoni li saret ħdejn il-​Muntanja Sinaj. Kienet okkażjoni tassew sinifikanti fl-​istorja tal-​qima pura. F’dik l-​okkażjoni speċjali, li żgur baqgħet stampata f’moħħ dawk preżenti, Ġeħova wera lill-​Iżraelin il-​qawwa li għandu meta tahom il-​Liġi tiegħu. (Eżo. 19:2-​9, 16-​19; aqra Eżodu 20:18; Dewteronomju 4:9, 10.) Dakinhar, ir-​relazzjoni tal-​Iżraelin m’Alla nbidlet. Ftit wara, Ġeħova stabbilixxa mod kif isejjaħ lill-​poplu tiegħu. Hu ordna lil Mosè biex jagħmel żewġ trumbetti tal-​fidda li kellhom jintużaw biex tissejjaħ “il-​ġemgħa kollha” ħalli tiltaqaʼ “fid-​daħla tat-​tinda tal-​laqgħa.” (Num. 10:1-​4) Ipprova immaġina l-​eċċitament f’okkażjonijiet bħal din!

4, 5. Il-​konvenzjonijiet li kienu organizzati minn Mosè u Ġożwè, għala kienu taʼ importanza partikulari?

4 Lejn tmiem l-​40 sena li l-​Iżraelin qattgħu fix-​xagħri, fi żmien kritiku fl-​istorja taʼ dan il-​ġens relattivament ġdid, Mosè laqqaʼ lil sħabu l-​Iżraelin. Huma kienu lesti biex jidħlu fl-​Art Imwiegħda. Dan kien iż-​żmien f’waqtu biex Mosè jfakkar lil ħutu f’dak kollu li Ġeħova kien għamel u li kien għad irid jagħmel magħhom.—Dt. 29:1-​15; 30:15-​20; 31:30.

5 Għandu mnejn li kien f’dik l-​istess okkażjoni li Mosè qal lin-​nies li kien se jkun hemm konvenzjonijiet fuq bażi regulari. Kull sebaʼ snin, matul il-​Festa tal-​Għerejjex, l-​irġiel, in-​nisa, it-​tfal, u r-​residenti barranin taʼ Iżrael kellhom jinġabru fil-​post li Ġeħova jkun għażel ‘sabiex jisimgħu u sabiex jitgħallmu jibżgħu minn Ġeħova u joqogħdu attenti li jwettqu l-​kliem kollu tal-​liġi.’ (Aqra Dewteronomju 31:1, 10-​12.) Mela, f’dan l-​istadju bikri fl-​istorja tal-​poplu t’Alla, kien ċar li kellhom jinġabru flimkien taʼ spiss biex jikkunsidraw il-​kelma taʼ Ġeħova u r-​rieda tiegħu. Meta l-​Iżraelin kienu rebħu l-​Art Imwiegħda imma kienu għadhom imdawrin bi ġnus pagani, Ġożwè ġabar lil Iżrael kollu bl-​iskop li jsaħħilhom id-​determinazzjoni tagħhom biex jibqgħu leali lejn Ġeħova. Min-​naħa tagħhom, huma ħalfu li jaqdu lil Alla.—Ġoż. 23:1, 2; 24:1, 15, 21-​24.

6, 7. Għala jistaʼ jingħad li l-​konvenzjonijiet moderni tal-​poplu taʼ Ġeħova kienu okkażjonijiet sinifikanti?

6 Fl-​istorja moderna tal-​poplu taʼ Ġeħova saru konvenzjonijiet sinifikanti wkoll—ġrajjiet li mmarkaw żviluppi kbar fl-​attivitajiet teokratiċi jew fil-​fehma Skritturali. (Prov. 4:18) L-​ewwel konvenzjoni kbira li kellhom l-​Istudenti tal-​Bibbja wara l-​Ewwel Gwerra Dinjija, kienet fl-​1919, f’Cedar Point, Ohio, l-​Istati Uniti tal-​Amerika. Mas-​7,000 ruħ attendew dik il-​laqgħa. Fiha ġie mħabbar li l-​poplu t’Alla kien se jagħmel sforz speċjali biex jipprietka madwar il-​globu kollu. Fl-​1922, matul konvenzjoni taʼ disat ijiem li nżammet fl-​istess post, Joseph F. Rutherford ta spinta ġmielha lil din l-​attività billi ħeġġeġ lill-​udjenza: “Kunu xhieda leali u veri għall-​Mulej. Avanzaw fil-​ġlieda sakemm kull nitfa minn Babilonja tkun saret ħerba. Ħabbru l-​messaġġ maʼ kullimkien. Id-​dinja għandha tkun taf li Ġeħova hu Alla u li Ġesù Kristu hu s-​Sultan tas-​slaten u l-​Mulej tal-​mulejiet. Dan hu l-​jum fuq l-​oħrajn kollha. Araw, is-​Sultan jirrenja! Intom l-​aġenti pubbliċitarji tiegħu. Għalhekk, irreklamaw, irreklamaw, irreklamaw, is-​Sultan u s-​saltna tiegħu.” Dawk li attendew, u tabilħaqq il-​poplu t’Alla madwar id-​dinja, bdew jippritkaw b’żelu liema bħalu.

7 F’Columbus, Ohio, fl-​1931, l-​Istudenti tal-​Bibbja kienu ferħanin għall-​aħħar li jaċċettaw l-​isem Xhieda taʼ Ġeħova. Imbagħad, fl-​1935, f’Washington, D.C., Ħuna Rutherford identifika lill-​“folla kbira,” deskritta fir-​Rivelazzjoni bħala li hi ‘wieqfa quddiem it-​tron u quddiem il-​Ħaruf.’ (Riv. 7:9-​17) Fl-​1942, waqt it-​Tieni Gwerra Dinjija, Nathan H. Knorr ta t-​taħdita eċċitanti “Peace—Can It Last?” (Il-​Paċi—Tistaʼ Tibqaʼ?) Fiha, hu identifika lill-​“bhima salvaġġa lewn l-​iskarlat” taʼ Rivelazzjoni 17 u wera li kien se jkun hemm ħafna ppritkar xi jsir wara l-​gwerra.

8, 9. Ċerti konvenzjonijiet għala kienu partikolarment kommoventi?

8 Taʼ interess speċjali kienet it-​taħdita taʼ Ħuna Knorr, “The Problems of Reconstruction and Expansion” (Il-​Problemi taʼ Rikostruzzjoni u taʼ Espansjoni) waqt l-​Assemblea Teokratika bit-​tema “Glad Nations” (Ġnus Henjin) li nżammet fi Cleveland, Ohio, fl-​1946. Ħu li kien preżenti kiteb dwar ir-​reazzjoni tal-​udjenza. Hu qal: “Kelli l-​privileġġ li nkun warajh fuq il-​platform dik il-​lejla. Hu u jitkellem dwar il-​pjanijiet biex isir xogħol taʼ espansjoni fid-​dar u l-​fabbrika taʼ Betel fi Brooklyn, l-​udjenza vasta ċapċpet bla heda. Avolja minn fuq il-​platform l-​uċuħ ma dehrux ċari, il-​ferħ setaʼ jinħass faċilment.” F’konvenzjoni internazzjonali fil-​belt taʼ New York, fl-​1950, l-​udjenza kienet ferħana se ttir meta rċiviet it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana. Din iktar tard saret parti minn Bibbja b’Ingliż modern li fiha reġaʼ tpoġġa l-​isem t’Alla fil-​Kelma tiegħu kull fejn suppost.—Ġer. 16:21.

9 Kienu wkoll kommoventi ħafna l-​konvenzjonijiet li fihom Ġeħova ġabar lix-​Xhieda leali tiegħu wara perijodi taʼ persekuzzjoni jew projbizzjoni. Adolf Hitler kien ħalef li jeqred lix-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​Ġermanja. Imma fl-​1955, f’Nuremberg, 107,000 Xhud attendew konvenzjoni fl-​istess post fejn kienu jiltaqgħu Hitler u dawk li kienu jappoġġawh. Ħafna minn dawk preżenti qabżilhom id-​dmugħ bil-​ferħ! Fl-​1989, fi tliet konvenzjonijiet “Devozzjoni Lejn Alla” li nżammu fil-​Polonja, fost il-​166,518-​il delegat kien hemm numru kbir taʼ delegati mill-​eks Unjoni Sovjetika u ċ-​Ċekoslovakkja, u minn pajjiżi oħrajn tal-​Ewropa tal-​Lvant. Għal xi wħud minnhom kienet l-​ewwel darba li attendew laqgħa taʼ iktar minn 15 jew 20 ruħ mill-​poplu t’Alla. U immaġina l-​ferħ li kien hemm fil-​Konvenzjoni Internazzjonali “Tagħlim Divin” tal-​1993 fi Kjev, l-​Ukraina, fejn tgħammdu 7,402. Dan għandu mnejn kien l-​akbar numru taʼ Xhieda taʼ Ġeħova li tgħammdu f’ġurnata waħda.—Is. 60:22; Ħag. 2:7.

10. Liema konvenzjonijiet iġibulek memorji sbieħ, u għala?

10 Għandu mnejn hemm konvenzjonijiet distrettwali jew internazzjonali li għadhom stampati f’moħħok. Tiftakarha l-​ewwel konvenzjoni li attendejt jew dik li fiha kont tgħammidt? Dawn kienu okkażjonijiet importanti għalik. Għożżhom dawn il-​memorji!—Salm 42:4.

OKKAŻJONIJIET REGULARI TAʼ FERĦ

11. Alla liema festi rrikjeda li jattendu l-​Iżraelin kull sena?

11 Ġeħova rrikjeda li l-​Iżraelin jinġabru f’Ġerusalemm għal tliet festi tal-​istaġuni kull sena—il-​Festa tal-​Ħobż bla Ħmira, il-​Festa tal-​Ġimgħat (iktar tard imsejħa Pentekoste), u l-​Festa tal-​Għerejjex. Rigward dawn, Alla kien ikkmanda: “Tliet darbiet fis-​sena l-​irġiel kollha tiegħek jidhru quddiem wiċċ Ġeħova, il-​Mulej il-​veru.” (Eżo. 23:14-​17) Minħabba li għarfu l-​valur spiritwali kbir taʼ dawn il-​festi, ħafna kapijiet tal-​familja attendewhom mal-​familja kollha tagħhom.—1 Sam. 1:1-​7; Lq. 2:41, 42.

12, 13. L-​attendenza għall-​festi annwali x’kienet tinvolvi għal ħafna Iżraelin?

12 Aħseb ftit dwar x’kien jinvolvi dak il-​vjaġġ għal familja Iżraelija. Pereżempju, minn Nazaret, Ġużeppi u Marija kien ikollhom jivvjaġġaw madwar 100 kilometru biex jaslu Ġerusalemm. Kemm taħseb li kien jiħodlok ħin biex tagħmel vjaġġ bil-​mixi bħal dan bit-​tfal żgħar miegħek? Ir-​rakkont taż-​żjara taʼ Ġesù f’Ġerusalemm bħala tifel juri li l-​qraba u l-​ħbieb għandu mnejn kienu jagħmlu żjajjar bħal dawn bħala grupp. Immaġina x’esperjenza kienet tkun għalihom li jivvjaġġaw u jippreparaw ikliet flimkien, u jsibu post fejn jorqod kulħadd. Però, il-​vjaġġ kien ikun bla perikli, tant li tifel taʼ 12-​il sena bħalma kien Ġesù kellu ċertu ammont taʼ libertà. Immaġina kemm kienet tkun esperjenza memorabbli, speċjalment għat-​tfal!—Lq. 2:44-​46.

13 Meta l-​Iżraelin xterdu ’l barra minn pajjiżhom, dawk li kienu jattendu l-​festi kienu jiġu minn ħafna pajjiżi. F’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., il-​Lhud u l-​proseliti wrew li kienu japprezzaw dawn il-​festi billi vvjaġġaw lejn Ġerusalemm minn postijiet bħalma huma l-​Italja, il-​Libja, Kreta, l-​Asja Minuri, u l-​Mesopotamja.—Atti 2:5-​11; 20:16.

14. L-​Iżraelin kif ibbenefikaw meta kienu jattendu l-​festi annwali?

14 Għall-​Iżraelin leali, l-​iktar ħaġa importanti u eċċitanti f’dawn il-​vjaġġi kienet l-​aspett spiritwali—li jqimu lil Ġeħova flimkien maʼ eluf oħrajn li kienu jħobbuh ukoll. Dawk li kienu jattendu kif kienu jħossuhom? Waħda mit-​tweġibiet tistaʼ tinstab fid-​direzzjonijiet li Ġeħova ta lill-​poplu tiegħu dwar il-​Festa tal-​Għerejjex: “Thenna matul il-​festa tiegħek, int u ibnek u bintek u l-​ilsir tiegħek u l-​ilsira tiegħek u l-​Levita u r-​resident barrani u t-​tifel bla missier u l-​armla, li qegħdin ’il ġewwa minn bwiebek. Għal sebat ijiem tiċċelebra l-​festa lil Ġeħova Alla tiegħek fil-​post li jagħżel Ġeħova, għaliex Ġeħova Alla tiegħek ibierkek fil-​prodott tiegħek kollu u f’kull għemil taʼ idek, u ħlief ferħ ma jkollokx.”—Dt. 16:14, 15; aqra Mattew 5:3.

GĦALA GĦANDNA NAPPREZZAW IL-​KONVENZJONIJIET TAʼ ŻMIENNA?

15, 16. (a) Liema sagrifiċċji kellek tagħmel int biex tattendi l-​konvenzjonijiet? (b) L-​isforz involut għala kien vallapena?

15 X’eżempji mill-​aqwa ħallew dawk il-​festi tal-​qedem għall-​poplu t’Alla llum! Għalkemm inbidlu ħafna affarijiet tul is-​sekli, l-​aspetti essenzjali tal-​konvenzjonijiet ma nbidlux. In-​nies t’Alla fi żminijiet Bibliċi kellhom jagħmlu s-​sagrifiċċji biex jattendu. Ħafna llum jagħmlu l-​istess. Imma hu vallapena meta tqis il-​barkiet. Dawk l-​okkażjonijiet kienu—u għadhom—importanti fil-​qima tagħna. Jipprovdulna informazzjoni u fehma li huma vitali biex inżommu relazzjoni mill-​qrib m’Alla. Il-​konvenzjonijiet jimmotivawna biex napplikaw dak li nitgħallmu, jgħinuna nevitaw il-​problemi, u jinkuraġġuna nibqgħu ffokati fuq miri u interessi li jirrifreskawna, u mhux itaqqluna.—Salm 122:1-​4.

16 Il-​konvenzjonijiet dejjem ġabu ferħ lil dawk li attendewhom. Rapport dwar konvenzjoni kbira li saret fl-​1946 qal li kien eċċitanti li wieħed josserva eluf kbar taʼ Xhieda ferħanin flimkien f’post wieħed. Kien speċjalment eċċitanti li tismaʼ d-​daqq tal-​orkestra kbira u l-​udjenza tkanta għanjiet sbieħ taʼ tifħir lil Ġeħova. Ir-​rapport żied jgħid li ħafna vvolontarjaw biex jaħdmu f’diversi dipartimenti. Li jaqdu lil ħuthom ġabilhom ferħ. Ħassejt int ukoll dan it-​tip taʼ eċċitament f’konvenzjonijiet distrettwali jew internazzjonali?—Salm 110:3; Is. 42:10-​12.

17. Xi nbidel fl-​organizzar tal-​konvenzjonijiet fis-​snin reċenti?

17 Ċerti affarijiet taʼ kif jiġu organizzati l-​konvenzjonijiet inbidlu. Pereżempju, xi wħud mill-​poplu t’Alla jiftakru meta l-​konvenzjonijiet kienu jdumu tmint ijiem! Kien hemm sessjonijiet taʼ filgħodu, taʼ waranofsinhar, u taʼ filgħaxija. Is-​servizz tal-​għalqa kien parti regulari mill-​programm. Xi drabi s-​sessjonijiet kienu jibdew fid-​disgħa taʼ filgħodu, u spiss kienu jdumu sad-​disgħa taʼ filgħaxija. Il-​volontieri kienu jaħdmu iebes għal ħin twil biex jippreparaw il-​kolazzjon, l-​ikla taʼ nofsinhar, u l-​ikla taʼ filgħaxija għal dawk li kienu jattendu. Issa l-​konvenzjonijiet m’għadhomx ikunu daqshekk twal u l-​preparazzjoni tal-​ikel issir mill-​familji u mill-​individwi minn qabel. Dan jippermettilhom jagħtu iktar attenzjoni lill-​programm taʼ ikel spiritwali.

18, 19. Għal liema aspetti tal-​konvenzjonijiet tħares ’il quddiem, u għala?

18 Dejjem inħarsu ’l quddiem għal xi affarijiet li ilhom żmien twil isiru fil-​konvenzjonijiet. L-​ikel spiritwali “fiż-​żmien xieraq” li jagħtina fehma aħjar tal-​profeziji u t-​tagħlim mill-​Bibbja ma jiġix biss mit-​taħditiet, imma wkoll mill-​pubblikazzjonijiet ġodda li joħorġu matul il-​konvenzjonijiet. (Mt. 24:45) Pubblikazzjonijiet bħal dawn ħafna drabi jkunu għodda li tgħin individwi sinċieri japprezzaw veritajiet Skritturali. Drammi bbażati fuq il-​Bibbja jgħinu kemm lill-​kbar kif ukoll liż-​żgħar biex jagħmlu ċert li qed jaqdu lil Ġeħova b’motiv xieraq u biex jipproteġu ruħhom mill-​ħsib tad-​dinja. It-​taħdita tal-​magħmudija wkoll tagħtina l-​opportunità biex naħsbu dwar x’inhu l-​aktar importanti f’ħajjitna u hu pjaċevoli li tara lil oħrajn juru d-​dedikazzjoni tagħhom lil Ġeħova billi jitgħammdu.

19 Iva, il-​konvenzjonijiet ilhom parti mill-​qima pura u jgħinu lin-​nies henjin taʼ Ġeħova biex jaqduh kif jixraq fi żminijiet taʼ sfida. Laqgħat bħal dawn jinkuraġġuna nagħmlu iktar fis-​servizz tiegħu, jagħtuna iktar opportunitajiet biex nagħmlu ħbieb ġodda, jgħinuna napprezzaw il-​fratellanza dinjija tagħna, u huma mod importanti ħafna li bih Ġeħova jbierek u jieħu ħsieb lin-​nies tiegħu. Bla dubju, kull wieħed minna għandu jagħmel arranġamenti sabiex jattendi u jibbenefika minn kull sessjoni taʼ kull konvenzjoni.—Prov. 10:22.

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Stampa f’paġna 30]

Konvenzjoni internazzjonali fil-​belt taʼ New York, fl-​1950

[Stampa f’paġna 32]

IL-​MOŻAMBIK

[Stampi f’paġna 32]

IL-​KOREA T’ISFEL