Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Din id-Dinja Se Tiġi fi Tmiemha

Kif Din id-Dinja Se Tiġi fi Tmiemha

“M’intomx fid-​dlam, biex dak il-​jum jiġi fuqkom bħalma jagħmel lill-​ħallelin.”​—1 TESS. 5:4.

TISTAʼ TISPJEGA?

Liema ġrajjiet li għadhom ma jidhrux huma msemmijin fl-​iskritturi li ġejjin?

L-​1 Tessalonikin 5:3

Rivelazzjoni 17:16

Danjel 2:44

1. X’se jgħinna nibqgħu għassa u nkampaw mal-​provi?

 DALWAQT se jseħħu ġrajjiet importanti ħafna. It-​twettiq tal-​profeziji tal-​Bibbja jikkonferma dan il-​fatt, u għalhekk jeħtieġ li nibqgħu għassa. X’se jgħinna nagħmlu dan? L-​appostlu Pawlu jħeġġiġna biex ‘inżommu għajnejna fuq l-​affarijiet li ma jidhrux.’ Iva, irridu nżommu f’moħħna li Ġeħova se jagħtina ħajja taʼ dejjem, kemm jekk fis-​sema u kemm jekk fl-​art. Bħalma juri l-​kuntest, Pawlu kiteb dan il-​kliem biex jinkuraġġixxi lil sħabu fit-​twemmin jiffokaw fuq il-​premju li se jirċievu talli jibqgħu leali lejn Alla. Jekk jagħmlu hekk se jiġu megħjunin ukoll ikampaw mal-​provi u mal-​persekuzzjoni.—2 Kor. 4:8, 9, 16-​18; 5:7.

2. (a) Xi rridu nagħmlu biex inżommu l-​fidi tagħna soda? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu u fl-​artiklu li jmiss?

2 It-​twissija taʼ Pawlu fiha prinċipju importanti: Biex inżommu l-​fidi tagħna soda rridu nħarsu lil hinn mill-​affarijiet li jidhru. Hemm bżonn li niffokaw fuq il-​ġrajjiet sinifikanti li għadhom ma jidhrux. (Ebr. 11:1; 12:1, 2) Għalhekk, f’dan l-​artiklu u fl-​artiklu li jmiss, se nikkunsidraw għaxar ġrajjiet li se jseħħu fil-​futur u li huma relatati mill-​qrib mat-​tama tagħna taʼ ħajja taʼ dejjem.

X’SE JIĠRI EŻATT QABEL IT-​TMIEM?

3. (a) Liema żvilupp li għad irid iseħħ jissemma fl-​1 Tessalonikin 5:2, 3? (b) Il-​mexxejja politiċi x’se jagħmlu, u min għandu mnejn jingħaqad magħhom?

3 Fl-​ittra tiegħu lit-​Tessalonikin, Pawlu semma wieħed mill-​iżviluppi li se jseħħu fil-​futur. (Aqra l-1 Tessalonikin 5:2, 3.) Hu jiġbed l-​attenzjoni għal “jum Ġeħova.” Hawnhekk “jum Ġeħova” jirreferi għall-​perijodu li se jibda bil-​qerda tar-​reliġjon falza u jilħaq il-​quċċata tiegħu fil-​gwerra t’Armageddon. Madankollu, eżatt qabel jibda dan il-​jum taʼ Ġeħova, il-​mexxejja dinjin se jkunu qed jgħidu “Paċi u sigurtà!” Dan jistaʼ jkun ġrajja waħda jew serje taʼ ġrajjiet. Il-​ġnus għandhom mnejn jaħsbu li jkunu waslu biex isolvu xi ftit mill-​problemi kbar tagħhom. Xi ngħidu għall-​mexxejja reliġjużi? Huma parti mid-​dinja, u għalhekk hu possibbli li jingħaqdu mal-​mexxejja politiċi. (Riv. 17:1, 2) B’hekk, il-​kleru jkun qed jimita lill-​profeti foloz taʼ Ġuda tal-​qedem. Dwarhom Ġeħova qal: “[Qed] jgħidu, ‘Hemm il-​paċi! Hemm il-​paċi!’ meta m’hemm l-​ebda paċi.”—Ġer. 6:14; 23:16, 17.

4. Għall-​kuntrarju tal-​umanità inġenerali, aħna x’nagħrfu?

4 Ma jagħmilx differenza min jgħid “Paċi u sigurtà!” għax dan l-​iżvilupp se jindika l-​bidu tal-​jum taʼ Ġeħova. B’hekk, Pawlu setaʼ jgħid: “Aħwa, m’intomx fid-​dlam, biex dak il-​jum jiġi fuqkom bħalma jagħmel lill-​ħallelin, għax intom ilkoll ulied id-​dawl.” (1 Tess. 5:4, 5) Għall-​kuntrarju tal-​umanità inġenerali, aħna nagħrfu s-​sinifikat Skritturali tal-​ġrajjiet kurrenti. Din il-​profezija dwar il-​“Paċi u sigurtà!” kif se titwettaq eżattament? Irridu nistennew u naraw. Għalhekk, ejja nkunu determinati li “nibqgħu mqajmin u f’sensina.”—1 Tess. 5:6; Sof. 3:8.

“SULTANA” LI MA TAFX LI SE TINQERED

5. (a) ‘It-​tribulazzjoni l-​kbira’ kif se tibda? (b) Min hi s-​“sultana” li taħseb li ma se jiġrilha xejn ħażin?

5 Liema ġrajja li għadha ma tidhirx se sseħħ wara dan? Pawlu qal: “Meta jkunu qed jgħidu: ‘Paċi u sigurtà!’ imbagħad tiġi fuqhom minnufih qerda f’daqqa.” L-​ewwel fażi taʼ din il-​“qerda f’daqqa” hi l-​attakk kontra “Babilonja l-​Kbira,” l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza, magħrufa wkoll bħala “l-​prostituta.” (Riv. 17:5, 6, 15) Dan l-​attakk kontra kull forma taʼ reliġjon falza, inkluż il-​Kristjaneżmu, hu l-​bidu tat-​‘tribulazzjoni l-​kbira.’ (Mt. 24:21; 2 Tess. 2:8) Għal ħafna wħud, din il-​ġrajja se tkun bħal sajjetta fil-​bnazzi. Għala? Għax sa dak iż-​żmien, il-​prostituta b’fiduċja se tqis lilha nfisha bħala “sultana” li qatt ‘ma se tara niket.’ Hi taħseb li ma se jiġrilha xejn ħażin. Imma f’daqqa waħda se tinduna li kienet marret żmerċ. Se tiġi meqruda ħesrem, bħallikieku “f’jum wieħed.”—Riv. 18:7, 8.

6. Min se jeqred lir-​reliġjon falza?

6 Il-​Kelma t’Alla tgħid li “bhima salvaġġa” b’“għaxart iqrun” se tattakka lill-​prostituta. Studju tal-​ktieb tar-​Rivelazzjoni juri li l-​bhima salvaġġa tirreferi għall-​Ġnus Magħquda (ĠM). “L-​għaxart iqrun” jirrappreżentaw lill-​ħakkiema politiċi preżenti kollha li jappoġġaw lil din il-​“bhima salvaġġa lewn l-​iskarlat.” a (Riv. 17:3, 5, 11, 12) Dan l-​attakk kemm se jkun devastanti? Il-​ġnus tal-​ĠM se jisirqu l-​ġid tal-​prostituta, jikxfu x’inhi verament, jeqirduha, u “jaħarquha għalkollox.” Il-​qerda tagħha se tkun finali.—Aqra Rivelazzjoni 17:16.

7. X’se jqanqal l-​attakk mill-​“bhima salvaġġa”?

7 Il-​profezija tal-​Bibbja tindika wkoll x’se jqanqal dan l-​attakk. B’xi mod, Ġeħova se jdaħħal fi qlub il-​mexxejja politiċi biex “iwettqu l-​ħsieb tiegħu,” jiġifieri, jeqirdu lill-​prostituta. (Riv. 17:17) Ir-​reliġjon tqanqal il-​gwerra u tkompli ġġib ħafna problemi fid-​dinja. Għalhekk, il-​ġnus għandhom mnejn jaħsbu li se jkun jaqblilhom jeqirdu lill-​prostituta. Fil-​fatt, meta l-​ħakkiema jattakkaw lill-​prostituta se jaħsbu li jkunu qed “iwettqu l-​ħsieb wieħed” tagħhom stess. Madankollu, fir-​realtà, Alla jkun qed jużahom biex jeqred lir-​reliġjon falza kollha. B’hekk, parti waħda mis-​sistema taʼ Satana se tattakka parti oħra, u Satana mhu se jkun jistaʼ jagħmel xejn biex iwaqqaf dan.—Mt. 12:25, 26.

ATTAKK FUQ IL-​POPLU T’ALLA

8. X’inhu l-​attakk minn “Gog taʼ l-​art taʼ Magog”?

8 Wara li r-​reliġjon falza tkun inqerdet, il-​qaddejja t’Alla se jkunu għadhom “jgħammru fis-​sigurtà” u “mingħajr swar.” (Eżek. 38:11, 14) X’se jiġrilu dan il-​grupp taʼ nies li jidher bħallikieku hu bla difiża u li jkompli jqim lil Ġeħova? Jidher li se jiġi attakkat minn “ħafna popli.” Il-​Kelma t’Alla tiddeskrivi dan l-​iżvilupp bħala l-​attakk minn “Gog taʼ l-​art taʼ Magog.” (Aqra Eżekjel 38:2, 15, 16.) Kif għandna nqisuh dan l-​attakk?

9. (a) X’inhu t-​tħassib prinċipali taʼ Kristjan? (b) X’passi rridu nieħdu issa biex insaħħu l-​fidi tagħna?

9 Aħna nafu li l-​poplu t’Alla se jiġi attakkat, imma dan ma jagħmilniex ansjużi żżejjed. It-​tħassib prinċipali tagħna mhuwiex is-​salvazzjoni tagħna stess, imma t-​taqdis taʼ isem Ġeħova u l-​ivvindikar tas-​sovranità tiegħu. Infatti, Ġeħova ddikjara iktar minn 60 darba: “Intom se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova.” (Eżek. 6:7; ara n-​nota taʼ taħt.) Għalhekk, aħna għandna interess kbir f’li naraw kif se titwettaq din il-​parti importanti tal-​profezija taʼ Eżekjel, u għandna fiduċja li “Ġeħova jaf kif jeħles mill-​provi lil dawk li huma devoti lejh.” (2 Pt. 2:9) Sadanittant, irridu nużaw kull opportunità biex insaħħu l-​fidi tagħna sabiex inkunu nistgħu nżommu l-​integrità tagħna lejn Ġeħova, ikunu xi jkunu l-​provi li niffaċċjaw. X’għandna nagħmlu? Għandna nitolbu, nistudjaw il-​Kelma t’Alla u nimmeditaw fuqha, u ngħidu l-​messaġġ tas-​Saltna lil oħrajn. Jekk nagħmlu hekk, inżommu t-​tama tagħna taʼ ħajja taʼ dejjem soda, bħal “ankra.”—Ebr. 6:19; Salm 25:21.

IL-​ĠNUS SE JKOLLHOM IKUNU JAFU LI HU ĠEĦOVA

10, 11. X’se jimmarka l-​bidu t’Armageddon, u x’se jseħħ matul dak iż-​żmien?

10 Liema ġrajja importanti ħafna se tiġi mqanqla mill-​attakk fuq il-​qaddejja taʼ Ġeħova? Ġeħova, permezz taʼ Ġesù u l-​armati tas-​sema, se jintervieni għall-​benefiċċju tal-​poplu Tiegħu. (Riv. 19:11-​16) Dan l-​intervent se jkun “il-​gwerra tal-​jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox”—Armageddon.—Riv. 16:14, 16.

11 Rigward din il-​gwerra, Ġeħova permezz taʼ Eżekjel iddikjara: “‘Se nsejjaħ sejf kontrih [kontra Gog] mar-​reġjun muntanjuż kollu tiegħi,’ hija l-​kelma tal-​Mulej Sovran Ġeħova. ‘Is-​sejf taʼ kull wieħed se jkun kontra ħuh stess.’” Dawk li jżommu maʼ Satana se jkunu konfużi u beżgħanin, u se jibdew joqtlu lil xulxin. Ġeħova qal: “Nar u kubrit se nniżżel fuqu [fuq Gog] u fuq il-​qtajjaʼ tiegħu u fuq il-​ħafna popli li se jkunu miegħu.” (Eżek. 38:21, 22) X’se jkun ir-​riżultat meta Alla jagħmel hekk?

12. Il-​ġnus x’se jiġu mġegħlin ikunu jafu?

12 Il-​ġnus se jkollhom jirrealizzaw li qed jiġu meqrudin għax Ġeħova kkmanda dan. Imbagħad in-​nies li huma man-​naħa taʼ Satana għandhom mnejn jgħidu bħalma qalu l-​Eġizzjani tal-​qedem li ġrew wara l-​Iżraelin ħdejn il-​Baħar l-​Aħmar. Huma qalu: “Ġeħova qed jiġġieled għalihom.” (Eżo. 14:25) Il-​ġnus se jiġu mġegħlin ikunu jafu min hu Ġeħova. (Aqra Eżekjel 38:23.) Kemm jinsab fil-​qrib il-​bidu taʼ din is-​serje taʼ ġrajjiet?

MHUX SE JKUN HEMM QAWWA DINJIJA OĦRA

13. X’nafu dwar il-​ħames parti tax-​xbieha li ddeskriva Danjel?

13 Profezija fil-​ktieb taʼ Danjel tgħinna nifhmu f’liema perijodu taʼ żmien qegħdin ngħixu. Danjel jiddeskrivi xbieha li tixbah bniedem u li hi magħmula minn metalli differenti. (Dan. 2:28, 31-​33) Din tirrappreżenta qawwiet dinjin li kellhom influwenza kbira fuq il-​poplu t’Alla, fil-​passat u fil-​preżent. Dawn jinkludu: Babilonja, il-​Medo-​Persja, il-​Greċja, u Ruma. U l-​aħħar qawwa dinjija teżisti fi żmienna. Fil-​profezija taʼ Danjel nitgħallmu li s-​saqajn u s-​swabaʼ tas-​saqajn tax-​xbieha jirrappreżentaw din il-​qawwa dinjija. Matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, il-​Britannja u l-​Istati Uniti ssieħbu f’relazzjoni speċjali. Għalhekk, il-​ħames parti tax-​xbieha taʼ Danjel hi l-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana. Is-​saqajn huma l-​aħħar parti tax-​xbieha. Dan juri li warajha mhux se jkun hemm qawwa dinjija umana oħra. Is-​saqajn u s-​swabaʼ tas-​saqajn huma magħmulin mill-​ħadid u t-​tafal. Dan il-​fatt jirrappreżenta l-​istat dgħajjef tal-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana.

14. Liema qawwa dinjija se tkun qed taħkem meta tiġi Armageddon?

14 F’din il-​profezija, is-​Saltna t’Alla hi rappreżentata minn ġebla kbira li nqatgħet minn muntanja fl-​1914. Il-​muntanja tirrappreżenta s-​sovranità taʼ Ġeħova, jew id-​dritt li jaħkem. Din il-​ġebla dalwaqt tolqot is-​saqajn tax-​xbieha. F’Armageddon, is-​saqajn u l-​bqija tax-​xbieha se jiġu mfarrkin. (Aqra Danjel 2:44, 45.) B’hekk, il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana se tkun għadha qed taħkem meta tiġi Armageddon. Kemm se jkun eċċitanti li tara din il-​profezija titwettaq! b Imma Ġeħova x’se jagħmillu lil Satana?

X’SE JSIR MINNU L-​GĦADU EWLIENI T’ALLA?

15. Wara Armageddon, x’se jiġri minn Satana u d-​demonji tiegħu?

15 L-​ewwel, Satana se jara l-​organizzazzjoni tiegħu fuq l-​art tiġi meqruda għalkollox. Imbagħad se tiġri xi ħaġa lil Satana stess. L-​appostlu Ġwanni jgħidilna x’se jiġri wara dan. (Aqra Rivelazzjoni 20:1-​3.) Ġesù Kristu—l-​“anġlu . . . bil-​muftieħ taʼ l-​abbiss”—se jaħtaf lil Satana u d-​demonji tiegħu, jixħithom fl-​abbiss, u jżommhom hemm għal elf sena. (Lq. 8:30, 31; 1 Ġw. 3:8) B’dan il-​mod, ras is-​serp tibda tiġi misħuqa. cĠen. 3:15.

16. X’se jkun ifisser għal Satana li jkun “fl-​abbiss”?

16 X’inhu “l-​abbiss” li fih se jiġu mixħutin Satana u d-​demonji tiegħu? Din il-​kelma tfisser “fond ħafna” jew “ħofra bla qiegħ.” Għalhekk, l-​abbiss hu post fejn ħadd ma jistaʼ jmur ħlief Ġeħova u l-​anġlu tiegħu li għandu “l-​muftieħ taʼ l-​abbiss.” Satana se jinżamm hemmhekk sabiex ma jkunx jistaʼ ‘jqarraq iktar bil-​ġnus.’ Il-​Bibbja tgħid li Satana hu bħal “iljun jgħajjat.” Imma meta jkun fl-​abbiss, se jiġi msikket.—1 Pt. 5:8.

ĠRAJJIET LI JWASSLU GĦAL ŻMIEN TAʼ PAĊI

17, 18. (a) Liema ġrajjiet li għadhom ma jidhrux ikkunsidrajna s’issa? (b) Wara dawn il-​ġrajjiet, liema perijodu taʼ żmien se ngawdu?

17 Quddiemna hemm żviluppi sinifikanti u ġrajjiet importanti ħafna. Inħarsu ’l quddiem biex naraw kif se ssir is-​sejħa “Paċi u sigurtà!” Imbagħad se naraw il-​qerda taʼ Babilonja l-​Kbira, l-​attakk minn Gog taʼ Magog, il-​gwerra t’Armageddon, u lil Satana u d-​demonji tiegħu jiġu mixħutin fl-​abbiss. Wara dawn il-​ġrajjiet, meta jkun intemm il-​ħażen kollu, se nibdew paġna ġdida f’ħajjitna—ir-​Renju Millennjali taʼ Kristu li matulu se ngawdu “sliem kotran.”—Salm 37:10, 11.

18 Minbarra l-​ħames ġrajjiet li eżaminajna s’issa, hemm affarijiet oħrajn “li ma jidhrux” li rridu nżommu ‘għajnejna fuqhom.’ Dawn il-​ġrajjiet se jiġu kunsidrati fl-​artiklu li jmiss.

[Noti ta’ taħt]

a Ara l-​ktieb Revelation—Its Grand Climax at Hand! paġni 251-​258.

b Il-​frażi “ttemm dawn is-​saltniet kollha” f’​Danjel 2:44 tirreferi għas-​saltniet, jew il-​qawwiet dinjin, li huma rappreżentati mill-​partijiet tax-​xbieha. Imma profezija oħra tal-​Bibbja li titkellem dwar dan iż-​żmien tgħid li “s-​slaten taʼ l-​art abitata kollha” se jinġabru flimkien kontra Ġeħova fil-​“jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.” (Riv. 16:14; 19:19-​21) B’hekk, mhux is-​saltniet tax-​xbieha biss imma s-​saltniet l-​oħrajn kollha taʼ din id-​dinja se jiġu meqrudin f’Armageddon.

c It-​tifrik finali taʼ ras is-​serp se jseħħ wara t-​tmiem tal-​elf sena, meta Satana u d-​demonji tiegħu jiġu mixħuta “fl-​għadira tan-​nar u l-​kubrit.”—Riv. 20:7-​10; Mt. 25:41.

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Kaxxa/Stampi f’paġni 4, 5]

ĦAMES ĠRAJJIET LI GĦAD IRIDU JSEĦĦU:

1 Il-​mexxejja dinjin jgħidu “Paċi u sigurtà!”

2 Il-​ġnus jattakkaw u jeqirdu lil “Babilonja l-​Kbira”

3 L-​attakk fuq in-​nies taʼ Ġeħova

4 Il-​gwerra t’Armageddon

5 Kristu jixħet lil Satana u d-​demonji tiegħu fl-​abbiss