Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tgħallem mill-Paċenzja taʼ Ġeħova u taʼ Ġesù

Tgħallem mill-Paċenzja taʼ Ġeħova u taʼ Ġesù

“Il-​paċenzja tal-​Mulej tagħna qisuha bħala salvazzjoni.”—2 PT. 3:15.

INT KIF TWIEĠEB?

Ġeħova kif wera li hu paċenzjuż?

Ġesù għala kellu jkun paċenzjuż għal żmien twil?

Liema passi nistgħu nieħdu biex nimitaw il-​paċenzja t’Alla?

1. Xi wħud leali x’jistaqsu?

 OĦT leali li ssaportiet ħafna provi għal għaxriet taʼ snin staqsiet b’umiltà, “Se narah it-​tmiem qabel immut?” Xi wħud li ilhom ħafna jaqdu lil Ġeħova jistaqsu l-​istess ħaġa. Aħna nixxennqu għal dak il-​jum meta Alla jagħmel kollox ġdid billi jneħħi l-​problemi li qed niffaċċjaw issa. (Riv. 21:5) Għalkemm għandna ħafna raġunijiet biex nemmnu li t-​tmiem tas-​sistema taʼ Satana hu fil-​qrib ferm, jistaʼ jkun diffiċli li nistennew dak il-​jum bil-​paċenzja.

2. Liema mistoqsijiet dwar il-​paċenzja se nwieġbu?

2 Madankollu, il-​Bibbja turi li jrid ikollna l-​paċenzja. Bħall-​qaddejja t’Alla li għexu qabilna, se nirċievu dak li wiegħed Alla jekk ikollna fidi soda u nistennew bil-​paċenzja ż-​żmien li fih hu se jwettaq dawn il-​wegħdi. (Aqra Ebrej 6:11, 12.) Ġeħova nnifsu hu paċenzjuż. Hu setaʼ temm il-​ħażen meta ried, imma qed jistenna ż-​żmien opportun. (Rum. 9:20-​24) Għala hu daqshekk paċenzjuż? Ġesù kif imita l-​paċenzja taʼ Missieru u ħalla eżempju għalina? Għala hu taʼ ġid għalina li nitgħallmu nistennew bil-​paċenzja bħal Ġeħova? It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet jistgħu jgħinuna nibnu fidi soda u nkunu iktar paċenzjużi, anke jekk f’għajnejna jkun jidher li Ġeħova qed idum biex jaġixxi.

ĠEĦOVA GĦALA JURI L-​PAĊENZJA?

3, 4. (a) Ġeħova għala wera paċenzja? (b) Meta Adam u Eva m’obdewx, Ġeħova x’għamel?

3 Ħadd m’għandu iktar awtorità fuq l-​univers minn Ġeħova, u hu m’għandux bżonn jistenna biex itemm il-​problemi kollha. Iżda Ġeħova għandu raġuni tajba biex juri l-​paċenzja. Minħabba r-​ribelljoni fl-​Għeden, kellhom bżonn jitwieġbu xi mistoqsijiet importanti għall-​benefiċċju taʼ dawk kollha fis-​sema u fuq l-​art. Ġeħova hu paċenzjuż għax jaf li jrid jgħaddi ż-​żmien biex jitwieġbu dawn il-​mistoqsijiet b’mod perfett. Minħabba li hu jaf sew x’qed tagħmel u x’qed taħseb kull persuna fis-​sema u fuq l-​art, hu ċertament li qed jagħmel dak li hu l-​aħjar għalina.—Ebr. 4:13.

4 Kien l-​iskop taʼ Ġeħova li d-​dixxendenti t’Adam u Eva jimlew l-​art. Meta Eva ġiet imqarrqa minn Satana u mbagħad Adam m’obdiex, Alla m’abbandunax l-​iskop tiegħu. Hu ma ppanikjax; m’aġixxiex bla ħsieb, jew qataʼ qalbu mill-​bnedmin. Minflok, hu ddeċieda minn qabel kif kellu jwettaq l-​iskop tiegħu għall-​bnedmin u għall-​art. (Is. 55:11) Biex iwettaq dan l-​iskop u jivvindika s-​sovranità tiegħu, Ġeħova kellu juri rażan kbir u paċenzja. Hu saħansitra stenna eluf taʼ snin biex xi aspetti mill-​iskop tiegħu jitwettqu bl-​aqwa mod.

5. X’inhi raġuni tajba biex nistennew lil Ġeħova?

5 Raġuni oħra għala Ġeħova jistenna bil-​paċenzja hi biex iktar nies ikunu jistgħu jgħixu għal dejjem. Bħalissa, qed jipprepara biex isalva “folla kbira.” (Riv. 7:9, 14; 14:6) Ġeħova jilħaq lin-​nies permezz tax-​xogħol tal-​ippritkar tagħna billi jistidinhom jitgħallmu dwar is-​Saltna u l-​livelli ġusti tiegħu. Il-​messaġġ tas-​Saltna huwa l-​aqwa aħbar possibbli għall-​umanità—iva, huwa “aħbar tajba.” (Mt. 24:14) Kull persuna li Ġeħova jiġbed lejh issir parti mill-​kongregazzjoni mad-​dinja kollha, magħmula minn ħbieb ġenwini li jħobbu dak li hu sewwa. (Ġw. 6:44-​47) Missierna kollu mħabba jgħin lil uħud bħal dawn biex jiksbu l-​approvazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, għażel xi bnedmin biex isiru membri tal-​gvern tiegħu tas-​sema. Meta jmorru fis-​sema, dawn se jgħinu lill-​bnedmin ubbidjenti jilħqu l-​perfezzjoni u jkollhom ħajja bla tmiem. B’mod ċar, anki waqt li jistenna bil-​paċenzja, Ġeħova jaħdem biex—għall-​ġid tagħna—iwettaq il-​wegħdi tiegħu.

6. (a) Ġeħova f’liema sens wera paċenzja fi żmien Noè? (b) Ġeħova kif qed juri paċenzja fi żmienna?

6 Ġeħova hu paċenzjuż minkejja li n-​nies jagħmlu affarijiet mill-​agħar biex jinsultawh. Dan nistgħu narawh mill-​mod kif ittratta mal-​ħażen qabel id-​Dilluvju. Ġeħova kien “ħassu mweġġaʼ f’qalbu” għax in-​nies kienu mlew l-​art bl-​immoralità sesswali u l-​vjolenza, u riedu jagħmlu biss dak li hu ħażin. (Ġen. 6:2-​8) Hu ma kienx se jittollera din is-​sitwazzjoni għal dejjem, u kien għalhekk li ddeċieda li jġib dilluvju fuq l-​umanità diżubbidjenti. Filwaqt li “Alla qagħad jistenna bil-​paċenzja fi żmien Noè,” Hu għamel dak li kien hemm bżonn biex Noè u l-​familja tiegħu jiġu salvati. (1 Pt. 3:20) Fiż-​żmien xieraq, Ġeħova informa lil Noè b’din id-​deċiżjoni u inkarigah jibni arka. (Ġen. 6:14-​22) Iktar minn hekk, Noè kien “predikatur tal-​ġustizzja,” peress li qal lill-​proxxmu tiegħu bil-​qerda li kienet ġejja. (2 Pt. 2:5) Ġesù qal li żmienna hu simili għal żmien Noè. Ġeħova ddeċieda meta se jġib din is-​sistema mill-​agħar fi tmiemha. L-​ebda bniedem ma jaf “il-​jum u s-​siegħa” meta dan se jseħħ. (Mt. 24:36) F’dan iż-​żmien, ġejna inkarigati minn Alla biex navżaw lin-​nies u ngħidulhom kif jistgħu jiġu salvati.

7. Qiegħed Ġeħova jdum biex iwettaq il-​wegħdi tiegħu? Spjega.

7 B’mod ċar, il-​paċenzja taʼ Ġeħova ma tfissirx li hu qiegħed sempliċement iħalli ż-​żmien għaddej. Le, m’għandna qatt naħsbu li mhuwiex jagħti kasna jew li ma jimpurtahx! Iżda, b’mod realistiku, tistaʼ tkun taʼ sfida li nżommu dan f’moħħna hekk kif nikbru jew inbatu f’din is-​sistema mill-​agħar. Għandna mnejn nibdew inħossuna skuraġġiti jew naħsbu li Alla qed idum ma jwettaq il-​wegħdi tiegħu. (Ebr. 10:36) Qatt tinsa li hu għandu raġunijiet tajbin għala hu paċenzjuż u li qed juża dan iż-​żmien b’mod li jkun taʼ benefiċċju għall-​qaddejja leali tiegħu. (2 Pt. 2:3; 3:9) Ikkunsidra wkoll kif Ġesù imita l-​paċenzja taʼ Missieru.

ĠESÙ KIF ĦALLA EŻEMPJU MILL-​AQWA TAL-​PAĊENZJA?

8. F’liema ċirkustanzi wera l-​paċenzja Ġesù?

8 Ġesù qed jagħmel ir-​rieda t’Alla u għamel dan bil-​ħerqa għal millennji bla għadd. Meta Satana rribella, Ġeħova ddeċieda li l-​Iben uniġenitu tiegħu jiġi fuq l-​art bħala l-​Messija. Aħseb ftit x’kien ifisser dan għal Ġesù—jistenna bil-​paċenzja għal eluf taʼ snin sakemm jasal iż-​żmien. (Aqra Galatin 4:4.) Matul dak iż-​żmien, hu ma qagħadx sempliċement jistenna b’idejh fuq żaqqu. Kellu ħafna x’jagħmel fix-​xogħol li tah Missieru. Meta fl-​aħħar niżel fuq l-​art, hu kien jaf li Satana kien se jikkaġunalu l-​mewt tiegħu, bħalma kien ġie profetizzat. (Ġen. 3:15; Mt. 16:21) Hu ssottometta ruħu bil-​paċenzja għar-​rieda t’Alla, avolja dan kien ifisser li jbati wġigħ agonizzanti. Ġesù kien eżempju perfett taʼ lealtà lejn Alla u aħna għandna nimitawh.—Ebr. 5:8, 9.

9, 10. (a) Ġesù x’qed jagħmel hu u jistenna lil Ġeħova biex jaġixxi? (b) Kif nistgħu nimitaw l-​attitudni taʼ Ġesù?

9 Wara l-​irxoxt tiegħu, Ġesù ngħata awtorità fis-​sema u fuq l-​art. (Mt. 28:18) Hu juża din l-​awtorità biex iwettaq l-​iskop taʼ Ġeħova fiż-​żmien imwaqqat minn Ġeħova. Bil-​paċenzja, Ġesù stenna fuq il-​leminija t’Alla sal-​1914, meta l-​għedewwa tiegħu tqiegħdu bħala banketta għal saqajh. (Salm 110:1, 2; Ebr. 10:12, 13) Hu dalwaqt se jieħu azzjoni biex jeqred is-​sistema taʼ Satana. Sadattant, Ġesù jaħdem bil-​paċenzja man-​nies u jiggwidahom lejn “għejun taʼ l-​ilmijiet.”—Riv. 7:17.

10 Int kif tistaʼ timita l-​attitudni taʼ Ġesù? Bla dubju, Ġesù kien ħerqan biex jagħmel dak kollu li talab minnu Missieru. Imma hu xorta kien lest li jistenna ż-​żmien imwaqqat t’Alla. Aħna u nistennew it-​tmiem tas-​sistema mill-​agħar taʼ Satana, ilkoll għandna bżonn nuru l-​paċenzja. Jeħtieġ nistennew lil Alla jaġixxi u mhux naqtgħu qalbna għax inħossuna skuraġġiti. X’nistgħu nagħmlu biex ikollna din it-​tip taʼ paċenzja?

KIF NISTAʼ NITGĦALLEM INKUN PAĊENZJUŻ BĦAL ALLA?

11. (a) X’rabta hemm bejn il-​fidi u l-​paċenzja? (b) Għala għandna raġunijiet tajbin biex ikollna fidi soda?

11 Qabel ma Ġesù ġie fuq l-​art, il-​profeti u qaddejja leali oħrajn ħallew eżempju taʼ kif saħansitra bnedmin imperfetti jistgħu jissaportu bil-​paċenzja. Kien hemm rabta diretta bejn il-​fidi u l-​paċenzja tagħhom. (Aqra Ġakbu 5:10, 11.) Kieku m’emmnux tassew dak li kien qalilhom Ġeħova, jew kieku ma kellhomx fidi, kienu se jistennew bil-​paċenzja t-​twettiq tal-​wegħdi tiegħu? Għal darba wara l-​oħra, issaportew sitwazzjonijiet diffiċli jew tal-​biżaʼ għax kienu fiduċjużi li Alla kien se jwettaq dak li wiegħed. (Ebr. 11:13, 35-​40) Aħna għandna saħansitra iktar raġunijiet biex ikollna fidi soda, għax Ġesù issa jaqdi bħala “Dak li jipperfezzjona l-​fidi tagħna.” (Ebr. 12:2) Hu wettaq ħafna profeziji u għenna nifhmu aħjar l-​iskopijiet t’Alla.

12. X’nistgħu nagħmlu biex nibnu l-​fidi tagħna?

12 Liema passi prattiċi nistgħu nieħdu biex insaħħu l-​fidi tagħna, u b’hekk insiru iktar paċenzjużi? Huwa importanti li nsegwu l-​istruzzjonijiet t’Alla. Pereżempju, irrifletti fuq ir-​raġunijiet li għandek biex tpoġġi s-​Saltna l-​ewwel f’ħajtek. Tistaʼ int tagħmel iktar sforz biex tapplika l-​parir li nsibu f’​Mattew 6:33? Dan jistaʼ jfisser li tqattaʼ iktar ħin fil-​ministeru jew taġġusta xi aspetti mill-​istil taʼ ħajtek. Ġeħova diġà bierek l-​isforzi li għamilt biex tobdi l-​istruzzjonijiet tiegħu. Hu forsi tak studju tal-​Bibbja ġdid jew għenek tirċievi “l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.” (Aqra Filippin 4:7.) B’hekk, meta taħseb dwar barkiet bħal dawn, int se tirrealizza li jkun taʼ ġid għalik li tkun paċenzjuż.—Salm 34:8.

13. Maʼ xiex nistgħu nqabblu l-​proċess taʼ li nibnu l-​fidi u nsiru iktar paċenzjużi?

13 Tixbiha tistaʼ tgħinna nifhmu kif il-​fidi tagħna tistaʼ tagħmilna iktar paċenzjużi. Bidwi jiżraʼ, jikkultiva, u jaħsad il-​prodotti tar-​rabaʼ. Kull darba li bidwi jkollu ħsad tajjeb, hu jagħmel iktar qalb biex fl-​istaġun li jkun imiss jerġaʼ jiżraʼ. M’għandniex xi ngħidu, hu mbagħad ikollu jistenna l-​ħsad bil-​paċenzja. Madankollu, dan ma jżommux lura milli jiżraʼ ż-​żerriegħa, u saħansitra forsi jiżraʼ iktar milli jkun żeraʼ fl-​istaġun taʼ qabel. Hu jħossu fiduċjuż li se jkollu l-​ħsad. Bl-​istess mod, hekk kif nirripetu l-​proċess li nitgħallmu dwar il-​pariri taʼ Ġeħova, insegwuhom, u mbagħad naħsdu l-​benefiċċji, il-​fiduċja tagħna f’Ġeħova tikber. Imbagħad se jsir iktar faċli li jkollna l-​paċenzja u nistennew il-​barkiet li nafu li se jiġu.Aqra Ġakbu 5:7, 8.

14, 15. Kif għandna nqisuha t-​tbatija tal-​bniedem?

14 Mod ieħor kif niżviluppaw il-​paċenzja hu billi nikkunsidraw kif għandna nħarsu lejn id-​dinja u ċ-​ċirkustanzi personali tagħna. Ipprova ara l-​affarijiet kif jarahom Ġeħova. Pereżempju, aħseb dwar kif hu jqis it-​tbatija tal-​bniedem. Ġeħova ilu żmien twil jara l-​bnedmin ibatu, u dan iġiegħlu jħossu mweġġaʼ. Imma hu ma ħalliex dan l-​uġigħ iwaqqfu milli jagħmel is-​sewwa. Hu bagħat lill-​iben uniġenitu tiegħu “biex ikisser l-​għemejjel tax-​Xitan” u jreġġaʼ lura l-​ħsara li Satana ġab fuq in-​nies. (1 Ġw. 3:8) Fir-​realtà, is-​sofferenza se tkun temporanja, filwaqt li s-​soluzzjoni t’Alla hi eterna. Bl-​istess mod, ma rridux inħallu l-​ħażen f’din id-​dinja jdgħajfilna l-​fidi. Ma rridux nitilfu l-​paċenzja dwar meta se jaġixxi Ġeħova. Irid ikollna l-​fiduċja fil-​wegħdi tiegħu. Ġeħova ddeċieda meta eżatt se jġib tmiem għall-​ħażen, u hu se jaġixxi fil-​ħin u fil-​waqt.—Is. 46:13; Naħ. 1:9.

15 Matul dawn il-​jiem diffiċli taʼ tmiem din is-​sistema, għandu mnejn ikollna nissaportu xi sitwazzjonijiet diffiċli li jpoġġu l-​fidi tagħna taħt prova. Minflok ma naġixxu b’rabja meta nisfaw vittmi taʼ vjolenza, jew meta l-​għeżież tagħna jbatu, irridu nkunu determinati li nafdaw kompletament f’Ġeħova. Aħna imperfetti, u għalhekk mhuwiex faċli li nagħmlu dan. Iżda ftakar x’għamel Ġesù bħalma hu miktub f’​Mattew 26:39.—Aqra.

16. X’għandna nevitaw li nagħmlu matul iż-​żmien li baqaʼ?

16 Individwu li jiddubita li t-​tmiem hu qrib jistaʼ jiżviluppa attitudni ħażina. Hu forsi jaħseb li għandu bżonn jagħmel il-​pjanijiet tiegħu stess f’każ li l-​wegħdi taʼ Ġeħova ma jseħħux. Għandu mnejn jaħseb, ‘Se nistenna u nara jekk Ġeħova jwettaqx dak li wiegħed.’ Dan ir-​raġunar żbaljat jagħmilha diffiċli għal dan l-​individwu biex ikun paċenzjuż. Minħabba f’hekk, għandu mnejn jipprova jsir xi ħadd importanti f’din id-​dinja jew jibda jpoġġi t-​tama tiegħu fil-​flus u ma jibqax ipoġġi s-​Saltna t’Alla l-​ewwel. Jew jistaʼ jiddeċiedi li jmur l-​università biex ikun ċert li jgħix ħajja komda issa. Iżda, fir-​realtà, l-​individwu jkun qed juri nuqqas taʼ fidi. Ftakar li Pawlu qalilna biex nimitaw lil dawk li kellhom “il-​fidi u l-​paċenzja” u minħabba f’hekk irċivew il-​barkiet imwegħdin minn Ġeħova. (Ebr. 6:12) Ġeħova diġà ddeċieda li jeqred din id-​dinja mill-​agħar u mhux se jiddawwar. (Ħab. 2:3) Sadattant, għandna nevitaw li nagħmlu biss ammont limitat fis-​servizz taʼ Ġeħova. Minflok, jeħtieġ li niftakru li qed ngħixu fl-​aħħar jiem u li rridu nagħmlu l-​aħjar tagħna fix-​xogħol tal-​ippritkar. Dan ix-​xogħol jistaʼ jagħtina ferħ kbir minn issa.—Lq. 21:36.

IL-​PAĊENZJA LIEMA BARKIET IĠĠIB?

17, 18. (a) Liema opportunità għandna waqt li qed nistennew bil-​paċenzja? (b) Jekk inkunu paċenzjużi, liema barkiet se nirċievu?

17 Sew jekk ilna naqdu lil Alla għal ftit xhur u sew jekk għal għaxriet taʼ snin, aħna rridu naqduh għal dejjem. Il-​paċenzja tgħinna nissaportu sakemm niksbu s-​salvazzjoni, fadal kemm fadal żmien minn din is-​sistema. Ġeħova issa qed jagħtina l-​opportunità nagħtu prova tal-​fiduċja sħiħa tagħna fid-​deċiżjonijiet tiegħu u, jekk ikun hemm bżonn, inkunu lesti li nbatu minħabba ismu. (1 Pt. 4:13, 14) Alla qed jagħtina wkoll it-​taħriġ li jistaʼ jgħinna jkollna l-​paċenzja meħtieġa għas-​salvazzjoni.—1 Pt. 5:10.

18 Ġesù għandu l-​awtorità kollha fis-​sema u fuq l-​art, u xejn ma jistaʼ jwaqqfu milli jipproteġik jekk tibqaʼ leali. (Ġw. 10:28, 29) M’għandniex għalfejn nibżgħu mill-​futur jew saħansitra mill-​mewt. Dawk li jissaportu bil-​paċenzja sat-​tmiem se jiġu salvati. Għalhekk, għandna nkunu ċerti li ma nħallux lid-​dinja tħajjarna u ġġegħelna ma nibqgħux nistrieħu fuq Ġeħova. Minflok, għandna nkunu determinati li nikbru fil-​fidi u nużaw bil-​għaqal iż-​żmien li fih Ġeħova qed juri l-​paċenzja.—Mt. 24:13; aqra t-2 Pietru 3:17, 18.

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Stampi f’paġna 21]

Il-​paċenzja se tgħinek tiffoka fuq l-​interessi tas-​Saltna u taħsad il-​barkiet!