Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħalli l-Kelma Tiegħek Iva Tfisser Iva

Ħalli l-Kelma Tiegħek Iva Tfisser Iva

“Iżda l-​kelma tagħkom Iva ħa tfisser Iva, u l-​Le, Le.”​—MT. 5:37.

ARA JEKK TISTAX TWIEĠEB:

Ġesù x’qal dwar il-​ħalf?

Ġesù għala kien eżempju mill-​aqwa f’li jżomm kelmtu?

F’liema aspetti tal-​ħajja għandha l-​kelma tagħna Iva tfisser Iva?

1. Ġesù x’qal dwar il-​ħalf, u għala?

 ĠENERALMENT, il-​Kristjani veri ma jkollhomx għalfejn jaħilfu. Dan hu għaliex huma jobdu lil Ġesù, li qal: “Iżda l-​kelma tagħkom Iva ħa tfisser Iva.” Hu ried ifisser li individwu għandu jżomm kelmtu. Ġesù introduċa dan il-​kmand billi qal: “Taħilfu b’xejn.” Hu qal hekk minħabba li ħafna nies għandhom id-​drawwa li jaħilfu mingħajr ma jkollhom il-​ħsieb li jagħmlu dak li jkunu wiegħdu. X’jiġri jekk individwu jaħlef li se jagħmel xi ħaġa u mbagħad qatt ma jagħmilha? Hu jistaʼ juri li tassew mhuwiex taʼ min jafdah, u b’hekk ikun influwenzat “mill-​Ħażin.”​—Aqra Mattew 5:33-​37.

2. Spjega għala mhux dejjem ikun ħażin li taħlef.

2 Ifisser il-​kliem taʼ Ġesù li l-​ħalf kollu hu ħażin? Kif jistaʼ jkun? Bħalma sirna nafu fl-​artiklu taʼ qabel, Alla Ġeħova u Abraham, il-​qaddej ġust tiegħu, ħalfu f’okkażjonijiet importanti. Ukoll, il-​Liġi t’Alla kienet tirrikjedi li wieħed jaħlef biex jissetilja ċertu tilwim. (Eżo. 22:10, 11; Num. 5:21, 22) B’hekk, jistaʼ jkun hemm il-​bżonn li Kristjan jaħlef li jgħid il-​verità meta jixhed f’qorti tal-​ġustizzja. Jew, f’sitwazzjonijiet rari, Kristjan forsi jkollu bżonn jaħlef li għandu l-​intenzjoni li jagħmel xi ħaġa jew jaħlef li jkun qed jgħid il-​verità dwar xi problema. Fil-​fatt, meta Ġesù nnifsu ġie mġiegħel jaħlef mill-​qassis il-​kbir, hu m’oġġezzjonax iżda wieġeb lis-​Sinedriju Lhudi bl-​onestà kollha. (Mt. 26:63, 64) Madankollu, Ġesù ma kellu bżonn jaħlef lil ħadd. Minkejja dan, biex jenfasizza kemm il-​messaġġ tiegħu kien taʼ min joqgħod fuqu, hu spiss kien jintroduċi dak li jgħid b’dan il-​mod uniku: “Tassew, tassew, ngħidilkom.” (Ġw. 1:51; 13:16, 20, 21, 38) Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu iktar mill-​eżempji taʼ Ġesù, Pawlu, u oħrajn li l-​kelma tagħhom Iva kienet tfisser Iva.

ĠESÙ—L-​AQWA EŻEMPJU

3. Ġesù x’wiegħdu lil Alla fit-​talb, u Missieru tas-​sema kif wieġeb?

3 “Ara! Ġejt . . . biex nagħmel ir-​rieda tiegħek, O Alla.” (Ebr. 10:7) B’dan il-​kliem sinifikanti, Ġesù ppreżenta lilu nnifsu lil Alla biex iwettaq kulma tbassar dwar in-​Nisel imwiegħed, inkluż li ‘jinsaħaqlu għarqubu’ minn Satana. (Ġen. 3:15) Ebda bniedem ieħor ma kien lest li jerfaʼ fuq spallejh responsabbiltà kbira bħal din. Mis-​sema, Ġeħova lissen il-​fiduċja sħiħa tiegħu f’Ibnu, għalkemm ma kienx jirrikjedi li Ġesù jaħlef biex irodd il-​wegħda tiegħu.​—Lq. 3:21, 22.

4. Ġesù sa liema punt ħalla l-​kelma tiegħu Iva tfisser Iva?

4 Ġesù dejjem ipprattika dak li pprietka billi ħalla l-​kelma tiegħu Iva tfisser Iva. Ma ħalla xejn ifixklu mill-​inkarigu li rċieva mingħand Missieru biex jipprietka l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla lil dawk kollha li Alla ġibed lejn Ġesù u biex jagħmilhom dixxipli. (Ġw. 6:44) Ġesù żamm il-​wegħda tiegħu li jagħmel ir-​rieda t’Alla. Il-​Bibbja tikkonferma dan meta tgħid: “Il-​wegħdi kollha t’Alla, huma kemm huma, saru Iva permezz tiegħu.” (2 Kor. 1:20) Tabilħaqq, Ġesù hu l-​aqwa eżempju taʼ xi ħadd li radd dak li wiegħed lil Missieru. Issa, ikkunsidra lil individwu li għamel l-​almu tiegħu biex jimita lil Ġesù.

PAWLU—RAĠEL TAʼ KELMTU

5. L-​appostlu Pawlu liema eżempju ħallielna?

5 “X’għandi nagħmel, Mulej?” (Atti 22:10) B’dan il-​kliem sinċier, Pawlu, li dak iż-​żmien kien magħruf bħala Sawl, wieġeb għad-​direzzjoni tal-​Mulej Ġesù glorifikat, li kien deherlu f’viżjoni biex ma jħallihx jippersegwita iktar lid-​dixxipli taʼ Kristu. B’riżultat taʼ dan, Sawl nidem umilment mill-​ħajja tal-​passat tiegħu, tgħammed, u aċċetta l-​inkarigu speċjali mogħti lilu biex jagħti xhieda lill-​ġnus dwar Ġesù. Minn dak iż-​żmien ’il quddiem, Pawlu kompla jindirizza lil Ġesù bħala l-​“Mulej” tiegħu u aġixxa f’armonija maʼ din l-​espressjoni sat-​tmiem taʼ ħajtu fuq l-​art. (Atti 22:6-​16; 2 Kor. 4:5; 2 Tim. 4:8) Pawlu ma kienx bħall-​oħrajn li dwarhom Ġesù qal: “Għala, mela, issejħuli ‘Mulej! Mulej!’ imma ma tagħmlux dak li ngħid?” (Lq. 6:46) Ġesù jistenna li dawk kollha li jaċċettawh bħala l-​Mulej tagħhom iżommu kelmithom, bħalma żammha l-​appostlu Pawlu.

6, 7. (a) Pawlu għala biddel il-​pjan tiegħu li jerġaʼ jżur Korintu, u għala kien ħażin li xi wħud qalu li ma kienx taʼ min jafdah? (b) Kif għandna nħarsu lejn dawk li jieħdu t-​tmexxija fostna?

6 Pawlu xerred b’mod żeluż il-​messaġġ tas-​Saltna mal-​Asja Minuri kollha u mal-​Ewropa, u stabbilixxa ħafna kongregazzjonijiet u reġaʼ żarhom. Kultant kien ikollu bżonn jaħlef biex juri li dak li jkun kiteb kien il-​verità. (Gal. 1:20) Meta xi wħud f’Korintu akkużaw lil Pawlu li ma kienx taʼ min jafdah, hu kiteb hekk biex jiddefendi ruħu: “Tistgħu tafdaw f’Alla li l-​kliem li għednielkom m’huwiex Iva u fl-​istess ħin Le.” (2 Kor. 1:18) Fiż-​żmien meta kiteb dan, Pawlu kien telaq minn Efesu u kien qed jivvjaġġa minn ġol-​Maċedonja fi triqtu lejn Korintu. Oriġinarjament, hu kien ippjana li jerġaʼ jżur Korintu qabel ma jmur il-​Maċedonja. (2 Kor. 1:15, 16) Imma, bħalma jiġrilhom l-​indokraturi li jivvjaġġaw illum, kultant ir-​rotot ikollhom jitbiddlu. Bidliet bħal dawn ma jsirux għal xejn b’xejn jew għal raġunijiet egoistiċi imma minħabba xi emerġenza. Fil-​każ taʼ Pawlu, ir-​raġuni għala ppospona ż-​żjara pjanata tiegħu f’Korintu kienet għall-​ġid tal-​kongregazzjoni stess. B’liema mod?

7 Meta kien Efesu, Pawlu semaʼ li l-​kongregazzjoni f’Korintu kien qed ikollha l-​problemi. L-​aħwa ma kinux magħqudin u kienu qed jittolleraw lil xi ħadd fil-​kongregazzjoni jgħix ħajja immorali. (1 Kor. 1:11; 5:1) Biex jikkoreġi s-​sitwazzjoni, hu kiteb pariri ibsin fl-​ewwel ittra tiegħu lill-​Korintin. Imbagħad, minflok ma salpa direttament minn Efesu lejn Korintu, Pawlu ddeċieda li jagħti lil ħutu ż-​żmien biex japplikaw il-​pariri tiegħu sabiex meta eventwalment jasal, iż-​żjara tiegħu setgħet tkun iktar inkuraġġanti. Fit-​tieni ittra tiegħu, Pawlu kiteb li din kienet verament ir-​raġuni għala biddel il-​pjanijiet tiegħu. Hu qal: “Insejjaħ lil Alla bħala xhud kontra ruħi stess li għadni ma ġejtx Korintu sabiex neħlishielkom.” (2 Kor. 1:23) Jalla qatt ma nkunu bħal dawk li kkritikaw lil Pawlu; minflok, ejja nuru rispett profond lejn dawk maħturin biex jieħdu t-​tmexxija fostna. Il-​verità hi li aħna nagħmlu tajjeb jekk nimitaw lil Pawlu, sewwasew bħalma hu imita lil Kristu.​—1 Kor. 11:1; Ebr. 13:7.

EŻEMPJI OĦRAJN MILL-​AQWA

8. Rebekka liema eżempju ħallitilna?

8 “Irrid immur.” (Ġen. 24:58) Kien b’dan il-​kliem sempliċi li Rebekka wieġbet lil ommha u lil ħuha dwar kemm kienet lesta li titlaq mid-​dar dakinhar stess u tivvjaġġa maʼ stranġier iktar minn 800 kilometru biex issir mart Iżakk, bin Abraham. (Ġen. 24:50-​58) Il-​kelma Iva taʼ Rebekka kienet tfisser Iva, u hi wriet li għal Iżakk kienet mara leali li tibżaʼ minn Alla. Hi għexet fit-​tined bħala barranija fl-​Art Imwiegħda għall-​kumplament taʼ ħajjitha u ġiet premjata għall-​fedeltà tagħha billi saret waħda mill-​antenati tan-​Nisel imwiegħed, Ġesù Kristu.​—Ebr. 11:9, 13.

9. Rut kif żammet kelmitha?

9 “Le, aħna miegħek irridu niġu, għand niesek.” (Rut 1:10) Rut u Għorfa, ir-​romol Mowabin, baqgħu jgħidulha dan il-​kliem lill-​kunjata tagħhom, Nagħomi, armla li minn Mowab kienet sejra lura lejn Betlehem. Nagħomi baqgħet titlobhom bil-​ħniena biex imorru lura lejn art twelidhom, u Għorfa eventwalment marret lura. Imma l-​kelma Le taʼ Rut kienet tfisser Le. (Aqra Rut 1:16, 17.) Hi ntrabtet lealment maʼ Nagħomi u abbandunat għal dejjem lill-​familja tagħha u r-​reliġjon falza taʼ Mowab. Rut qiemet lil Ġeħova għall-​kumplament taʼ ħajjitha, u hu ppremjaha. Kienet waħda mill-​uniċi ħames nisa msemmijin minn Mattew fil-​ġenealoġija taʼ Kristu.​—Mt. 1:1, 3, 5, 6, 16.

10. Isaija għala kien eżempju tajjeb għalina?

10 “Hawn jien! Ibgħat lili.” (Is. 6:8) Qabel ma qal dan il-​kliem, Isaija ra viżjoni glorjuża taʼ Ġeħova bilqiegħda fuq it-​tron Tiegħu ’l fuq mit-​tempju taʼ Iżrael. Waqt li kien qed iħares fiss lejn din id-​dehra glorjuża, Isaija semaʼ lil Ġeħova jgħid: “Lil min se nibgħat, u min se jmurilna?” Din kienet stedina biex xi ħadd ikun il-​kelliemi ħalli jwassal il-​messaġġ t’Alla lill-​poplu stinat Tiegħu. Isaija żamm kelmtu—il-​kelma tiegħu Iva kienet tfisser Iva. Hu qeda lealment għal iktar minn 46 sena billi pprofetizza li Alla kien se jikkastiga lin-​nies diżubbidjenti tiegħu u ħabbar wegħdi meraviljużi dwar it-​tiġdid tal-​qima vera.

11. (a) Għal hu daqshekk importanti li nżommu kelmitna? (b) Liema eżempji taʼ twissija hemm taʼ xi wħud li l-​kelma tagħhom Iva ma kinitx tfisser Iva?

11 Ġeħova għala niżżel bil-​miktub l-​eżempji t’hawn fuq għalina fil-​Kelma tiegħu? U kemm hi serja l-​kwistjoni taʼ li nħallu l-​kelma tagħna Iva tfisser Iva? Il-​Bibbja twissi b’mod ċar li individwu li ‘ma jżommx kelmtu’ qiegħed fost dawk li “jistħoqqilhom il-​mewt.” (Rum. 1:31, 32) Il-​Fargħun tal-​Eġittu, is-​Sultan Sedekija li kien mil-​Lhudija, u Ananija u Safira qegħdin fost l-​eżempji ħżiena enfasizzati fil-​Bibbja taʼ individwi li l-​kelma tagħhom Iva ma kinitx tfisser Iva. Huma lkoll ħabtilhom ħażin u jservu bħala eżempji taʼ twissija għalina.​—Eżo. 9:27, 28, 34, 35; Eżek. 17:13-​15, 19, 20; Atti 5:1-​10.

12. X’se jgħinna nżommu kelmitna?

12 Peress li qed ngħixu “fl-​aħħar jiem,” aħna mdawrin b’nies li huma “żleali,” nies li għandhom “għamla taʼ devozzjoni lejn Alla imma ma jurux bil-​fatti l-​qawwa tagħha.” (2 Tim. 3:1-​5) Kemm jistaʼ jkun, aħna rridu nevitaw sħubija ħażina bħal din. Minflok, għandna nassoċjaw regolarment maʼ dawk li dejjem jistinkaw biex iħallu l-​kelma tagħhom Iva tfisser Iva.​—Ebr. 10:24, 25.

L-​IKTAR IVA IMPORTANTI TIEGĦEK

13. Liema hi l-​iktar Iva importanti li jgħid kull segwaċi taʼ Ġesù Kristu?

13 L-​iktar wegħda importanti li individwu jistaʼ jagħmel hi d-​dedikazzjoni tiegħu lil Alla. Dawk li jridu jkunu dixxipli taʼ Ġesù jiġu mistoqsijin tliet darbiet differenti jekk iridux jagħmlu tassew dak li hu meħtieġ minnhom. (Mt. 16:24) Meta żewġ anzjani jintervistaw lil xi individwu li jkun jixtieq isir pubblikatur mhux mgħammed, l-​individwu jiġi mistoqsi, “Tassew trid tkun wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova?” Maż-​żmien, meta l-​individwu jkun għamel iktar progress spiritwali u jkun jixtieq jiġi approvat għall-​magħmudija, l-​anzjani jiltaqgħu miegħu u jistaqsuh, “Għamilt int id-​dedikazzjoni persunali tiegħek lil Ġeħova bit-​talb?” Finalment, dakinhar tal-​magħmudija, kull kandidat jiġi mistoqsi, “Fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu, indimt int minn dnubietek u ddedikajt ruħek lil Ġeħova biex tagħmel ir-​rieda tiegħu?” B’hekk, quddiem ix-​xhieda, dawn l-​uħud ġodda jgħidu Iva biex jonoraw il-​wegħda tagħhom li jaqdu lil Alla għal dejjem.

14. Liema eżami tagħna nfusna għandna nagħmlu minn żmien għal żmien?

14 Kemm jekk għadek kif tgħammidt u kemm jekk ilek taqdi lil Alla għal għaxriet taʼ snin, għandek bżonn teżamina lilek innifsek minn żmien għal żmien u tistaqsi mistoqsijiet bħal dawn: ‘Nimitah jien lil Ġesù Kristu billi nkompli nħalli l-​kelma tiegħi Iva tfisser Iva? Qed inkompli nobdi lil Ġesù billi niffoka ħajti l-​iktar fuq l-​ippritkar u x-​xogħol taʼ li nagħmel dixxipli?​—Aqra t-2 Korintin 13:5.

15. F’liema aspetti taʼ ħajjitna hu importanti li nħallu l-​kelma tagħna Iva tfisser Iva?

15 Li rroddu l-​wegħda tad-​dedikazzjoni tagħna jfisser li rridu wkoll inkunu leali fi kwistjonijiet importanti oħrajn. Pereżempju: Int raġel jew mara miżżewġa? Allura kompli onora l-​wegħda prezzjuża li għamilt li tħobb u tgħożż lil martek jew lil żewġek. Iffirmajt xi kuntratt tan-​negozju jew imlejt xi formola biex tapplika għal xi privileġġ teokratiku? Mela żomm l-​impenn tiegħek u dak li wegħedt. Aċċettajt stedina għal xi ikla mingħand xi ħadd taʼ ftit mezzi? Tikkanċellahiex sempliċement għax xi ħadd ieħor jagħmillek stedina li tkun tidher li hi aħjar. Jew wegħedt lil xi ħadd li ltqajt miegħu fil-​ministeru minn dar għal dar li se terġaʼ żżuru biex tagħtih iktar għajnuna spiritwali? Mela, allura, b’kull mezz ħalli l-​kelma tiegħek Iva tfisser Iva, u Ġeħova se jberiklek il-​ministeru.​—Aqra Luqa 16:10.

NIBBENEFIKAW MILL-​QASSIS IL-​KBIR U S-​SULTAN TAGĦNA

16. Jekk ma nkunux żammejna kelmitna, x’għandna nagħmlu?

16 Il-​Bibbja tistqarr li bħala bnedmin imperfetti, aħna “lkoll nitfixklu ħafna drabi,” speċjalment meta nitkellmu. (Ġak. 3:2) X’għandna nagħmlu malli nirrealizzaw li ma nkunux żammejna l-​kelma tagħna? Fil-​Liġi li Alla ta lil Iżrael, kien hemm provvediment taʼ ħniena għal xi ħadd li kien ikun ħati taʼ li “jitkellem b’xofftejh bla ma jaħsibha.” (Lev. 5:4-​7, 11) Hemm ukoll provvediment taʼ mħabba għal Kristjani li jagħmlu dnub bħal dan. Jekk nistqarru d-​dnub speċifiku lil Ġeħova, hu jaħfrilna bil-​ħniena permezz tal-​kariga tal-​Qassis il-​Kbir tagħna, Ġesù Kristu. (1 Ġw. 2:1, 2) Madankollu, biex nibqgħu approvati minn Alla rridu nuru frott li jixraq lill-​indiema billi ma niħduhiex drawwa li nagħmlu dnubiet bħal dawn. Ukoll, irridu nagħmlu l-​almu tagħna biex inpattu għal kwalunkwe ħsara li tkun saret bid-​diskors bla ħsieb li nkunu għedna. (Prov. 6:2, 3) Naturalment, ikun ferm aħjar li naħsbuha sew qabel ma nagħmlu wegħdi li ma nkunux nistgħu nrodduhom.​—Aqra Ekkleżjasti 5:2.

17, 18. Liema futur glorjuż hemm jistenna lil dawk kollha li jistinkaw biex iħallu l-​kelma tagħhom Iva tfisser Iva?

17 X’futur meraviljuż hemm jistenna lill-​aduraturi kollha taʼ Ġeħova li jibqgħu jistinkaw biex iħallu l-​kelma tagħhom Iva tfisser Iva! Il-​144,000 midluk se jkollhom ħajja immortali fis-​sema, fejn se jieħdu sehem maʼ Ġesù fis-​Saltna tiegħu “u jsaltnu miegħu għall-​elf sena.” (Riv. 20:6) Se jkun hemm miljuni oħrajn bla għadd li jibbenefikaw mill-​ħakma tas-​Saltna taʼ Kristu billi jgħixu f’ġenna tal-​art. Hemmhekk se jiġu megħjunin isiru perfetti fiżikament u moralment.​—Riv. 21:3-​5.

18 Jekk nuru li aħna leali fil-​prova finali fi tmiem ir-​Renju Millennjali taʼ Ġesù, qatt iktar ma se jkollna għalfejn niddubitaw mill-​kelma taʼ xi ħadd. (Riv. 20:7-​10) Kull kelma Iva se tfisser Iva, u kull kelma Le, Le. Għax kull min ikun ħaj dak iż-​żmien ikun imitatur perfett taʼ Ġeħova, Missierna tas-​sema kollu mħabba, “l-​Alla tal-​verità.”​—Salm 31:5.

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Stampa f’paġna 28]

Mill-​magħmudija sal-​mewt, Ġesù żamm il-​wegħda li għamel lil Missieru

[Stampa f’paġna 30]

Qiegħed int iżżomm l-​iktar Iva importanti tiegħek?