Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Offrew Lilhom Infushom Minn Rajhom fil-Brażil

Offrew Lilhom Infushom Minn Rajhom fil-Brażil

FTIT tas-​snin ilu, Rúbia (1), oħt li issa għandha 30 sena, ivvjaġġat biex iżżur lil Sandra (2), pijuniera li kienet taqdi f’kongregazzjoni żgħira fin-​Nofsinhar tal-​Brażil. Matul iż-​żjara ġrat xi ħaġa li tant impressjonat lil Rúbia li biddlitilha ħajjitha mil-​lejl għan-​nhar. X’kienet? Ejja nsiru nafu minn Rúbia nfisha.

“ĠIBT GĦAJNEJJA WARA WIDNEJJA”

“Sandra ħaditni magħha għand mara li kienet tistudja l-​Bibbja magħha. Matul l-​istudju, il-​mara qaltilha: ‘Sandra, fejn naħdem jien hemm tliet tfajliet li jridu jistudjaw il-​Bibbja, imma għedtilhom li jkollhom jistennew wara min imisshom. Naf li din is-​sena int diġà bbukkjata b’ħafna studji.’ Ġibt għajnejja wara widnejja. In-​nies li riedu jsiru jafu lil Ġeħova kellhom jistennew wara min imisshom! Fil-​kongregazzjoni tiegħi, kont insibha diffiċli biex insib imqar studju wieħed. Proprju dak il-​ħin, xħin kont fid-​dar taʼ din l-​istudenta tal-​Bibbja, ħassejt xewqa qawwija li ngħin lin-​nies tal-​belt żgħira fejn kienet toqgħod hi. Ma domtx ma tlaqt mill-​belt kbira fejn kont ngħix u mort noqgħod fil-​belt fejn Sandra kienet taqdi bħala pijuniera.”

Rúbia x’riżultati kellha? Hi tirrakkonta u tgħid: “Fl-​ewwel xahrejn li kont ilni hemmhekk, kont qed nikkonduċi 15-​il studju tal-​Bibbja u—ħaġa tal-​iskantament—bħal Sandra, malajr kelli lista taʼ nies jistennew għal studju tal-​Bibbja!”

IMQANQAL JERĠAʼ JEŻAMINA L-​MINISTERU TIEGĦU

Diego (3), ħu li issa għandu ftit iktar minn 20 sena, żar lil ftit pijunieri li kienu qed jaqdu fi Prudentópolis, belt żgħira fin-​Nofsinhar tal-​Brażil. Iż-​żjara ħalliet effett profond fuqu; tant hu hekk li ħassu mqanqal jerġaʼ jeżamina l-​ministeru tiegħu stess. Hu jispjega u jgħid: “Fil-​kongregazzjoni tiegħi kont qed niħodha bil-​lajma għax kont qed inqattaʼ ftit sigħat biss kull xahar fil-​ministeru. Imma meta żort lil dawn il-​pijunieri u smajt l-​esperjenzi li rrakkontaw, ma stajtx ma nqabbilx il-​ferħ tagħhom mal-​attitudni tiegħi taʼ apatija lejn il-​ministeru. Meta rajt kemm kienu ferħanin u eċċitati, xtaqt li ħajti jkollha skop, proprju bħalma kellha ħajjithom.” Wara din iż-​żjara, Diego beda jaqdi bħala pijunier.

Bħal Diego, int Xhud żagħżugħ li tieħu sehem fix-​xogħol tal-​ippritkar u tattendi l-​laqgħat Kristjani imma fl-​istess ħin tħoss li l-​ministeru sar donnu rutina, bla eċċitament taʼ xejn? Jekk iva, tistaʼ int tagħmel xi bidliet f’ħajtek li jippermettulek idduq il-​ferħ li jiġi meta taqdi fejn ikun hemm bżonn ikbar għal pubblikaturi tas-​Saltna? M’għandniex xi ngħidu, l-​idea li tħalli warajk stil taʼ ħajja komda tistaʼ tbeżżgħek. Xorta waħda, ħafna żgħażagħ għażlu li jagħmlu proprju hekk. Huma kellhom il-​kuraġġ jaġġustaw il-​miri u x-​xewqat personali tagħhom sabiex jaqdu lil Ġeħova iktar bis-​sħiħ. Ejja nikkunsidraw eżempju ieħor, dak taʼ Bruno.

MAESTRO JEW MINISTRU?

Ftit tas-​snin ilu, Bruno (4), li issa għandu 28 sena, studja fi skola famuża tal-​mużika, u l-​mira tiegħu kienet li jilħaq surmast tal-​orkestra. Fil-​fatt, hu tant ibbrilla fl-​istudji tiegħu li ġie mistieden diversi drabi biex jikkonduċi orkestra sinfonika. Quddiemu kellu karriera promettenti. Bruno jirrakkonta u jgħid: “Xorta kont inħoss li kien hemm xi ħaġa nieqsa f’ħajti. Kont iddedikajt lili nnifsi lil Ġeħova, iżda kont naf li m’iniex nagħtih l-​aqwa tiegħi, u dan il-​ħsieb kien iniggiżli l-​kuxjenza. Tlabt lil Ġeħova u għedtlu kif kont qed inħossni, u tkellimt maʼ aħwa tal-​esperjenza fil-​kongregazzjoni. Wara li kkunsidrajt il-​kwistjoni bis-​serjetà, iddeċidejt li npoġġi l-​ministeru qabel il-​mużika, tlaqt mill-​iskola tal-​mużika, u mort ngħix f’post fejn kien hemm bżonn kbir għal predikaturi tas-​Saltna.” X’riżultati kellu minħabba li ħa din id-​deċiżjoni?

Bruno mar jgħix fil-​belt taʼ Guapiara (b’popolazzjoni taʼ madwar 7,000 ruħ), xi 260 kilometru ’l bogħod mill-​belt taʼ São Paulo. Kienet bidla kbira. Hu jirrakkonta u jgħid: “Mort noqgħod f’dar żgħira mingħajr friġġ, televixin, jew Internet. Iżda d-​dar kien fiha affarijiet li qatt ma kelli qabel—ġardina fejn niżraʼ l-​ħxejjex u ġnien bis-​siġar tal-​frott!” Meta kien jaqdi hemmhekk f’kongregazzjoni żgħira, darba f’ġimgħa Bruno kien jippakkja l-​ikel, l-​ilma, u l-​letteratura f’basket u jerħilha għal għonq it-​triq bil-​mutur tiegħu biex jipprietka fi nħawi rurali. Bosta nies f’dawn l-​inħawi qatt ma kienu semgħu bl-​aħbar tajba qabel. “Ikkonduċejt saħansitra 18-​il studju tal-​Bibbja,” jgħid hu. “Meta kont nara kif dawn l-​istudenti għamlu bidliet f’ħajjithom kont inħossni se ntir bil-​ferħ!” Hu jkompli jgħid: “Kien proprju f’dak il-​mument li rrealizzajt li kont sibt dik il-​ħaġa li kienet nieqsa f’ħajti—is-​sens taʼ sodisfazzjon kbir li jiġi meta tpoġġi s-​servizz taʼ Ġeħova l-​ewwel. Qatt ma kont ingawdih dan is-​sodisfazzjon li kieku qgħadt insus wara miri materjalistiċi.” Bruno kif kien imantni lilu nnifsu fi Guapiara? Bi tbissima, hu jgħid: “Billi nagħti lezzjonijiet tal-​kitarra.” B’xi mod jew ieħor, hu kien għadu maestro.

“MA STAJTX MA NIBQAX”

Mariana (5), li issa għandha qrib it-​30 sena, sabet ruħha f’sitwazzjoni simili għal dik taʼ Bruno. Hi kienet taħdem bħala avukata, imma minkejja li l-​professjoni tagħha kienet trendi ħafna flus, ma ħassithiex verament sodisfatta. Hi tgħid: “Kont inħossni qisni qed ‘niġri wara r-​riħ.’” (Ekk. 1:17) Diversi aħwa inkuraġġewha biex tikkunsidra x-​xogħol taʼ pijunier. Wara li rriflettiet bis-​serjetà dwar is-​sitwazzjoni tagħha, Mariana, flimkien maʼ sħabha Bianca (6), Caroline (7), u Juliana (8), iddeċidew li jagħtu daqqa t’id lil kongregazzjoni f’Barra do Bugres, belt iżolata qrib il-​Bolivja, eluf taʼ kilometri ’l bogħod minn darhom. Imbagħad x’ġara?

Mariana tgħid: “Kont beħsiebni nagħmel tliet xhur hemmhekk. Imma meta għalaqli ż-​żmien, kont qed nikkonduċi 15-​il studju tal-​Bibbja! M’għandniex xi ngħidu, dawn l-​istudenti kellhom bżonn ħafna iktar għajnuna biex jagħmlu progress fil-​verità. Għalhekk, sempliċement ma kellix il-​ħila ngħidilhom li kont se nitlaq. Ma stajtx ma nibqax.” U l-​erbaʼ aħwa nisa għamlu proprju hekk. Mela, wasslet il-​karriera l-​ġdida taʼ Mariana għal ħajja b’iktar skop? Hi tgħid: “Peress li Ġeħova qed jużani biex ngħin lin-​nies jagħmlu bidliet għall-​aħjar f’ħajjithom, inħossni tajba ferm dwari nnifsi. Il-​fatt li naf li issa qed nuża l-​ħin u l-​enerġija tiegħi biex nagħmel xi ħaġa verament taʼ siwi nqisu bħala barka.” Caroline tispjega kif iħossuhom l-​erbaʼ aħwa: “Billejl, meta mmidd rasi fuq l-​imħadda, inħoss sens taʼ sodisfazzjon kbir għax qed nuża ħajti biex nagħmel l-​aħjar tiegħi fis-​servizz taʼ Ġeħova. Ħajti hi ffokata fuq kif ngħin lill-​istudenti tiegħi tal-​Bibbja. Nitpaxxa narahom mexjin ’il quddiem. Issa qed nara kemm hu minnu l-​kliem: ‘Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb.’”​—Salm 34:8.

Min jaf kemm jithenna Ġeħova meta jara numru li dejjem jiżdied taʼ aħwa żgħażagħ madwar id-​dinja kollha li “joffru lilhom infushom minn rajhom” biex jippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna tiegħu fi nħawi iżolati! (Salm 110:3; Prov. 27:11) Minħabba f’hekk, dawn il-​ħaddiema li jaħdmu minn rajhom jesperjenzaw xita taʼ barkiet mingħand Ġeħova.​—Prov. 10:22.

[Kaxxa/​Stampa f’paġna 5]

“Qatt Ma Naqasna Xejn”

Meta João Paulo u martu, Noemi, esprimew ix-​xewqa tagħhom li jaqdu fejn il-​bżonn kien akbar, xi wħud fil-​kongregazzjoni għaddewlhom xi kummenti skuraġġanti. Kienu jgħidulhom: “Tkunu qed tieħdu riskju ekonomiku jekk tmorru toqogħdu f’belt żgħira.” “Għala se titilqu? Għad hawn ħafna xogħol xi jsir fil-​kongregazzjoni tagħna stess.” João Paulo jgħid: “Kienet iebsa biex ma nħallux dawn il-​pariri skuraġġanti jaqtgħulna qalbna, għalkemm kienu jsiru b’intenzjoni tajba.” Madankollu, illum li ilhom snin sħaħ jaqdu f’post fejn hemm bżonn ikbar għal pubblikaturi, João Paulo u Noemi huma ferħanin li żammew mad-​deċiżjoni li ħadu biex ikabbru l-​ministeru tagħhom. João Paulo jispjega u jgħid: “Kemm domna hawnhekk, jien u marti qatt ma naqasna xejn. U rigward l-​affarijiet li huma tassew importanti, għandna ħafna iktar milli kellna qabel.” Noemi żżid tgħid: “Dan l-​isforz kien taʼ min jagħmlu.”

Huwa taʼ sfida li taqlaʼ l-​għajxien f’belt żgħira. Dawk li marru jgħixu fi nħawi iżolati, kif jirnexxilhom imantnu lilhom infushom? Billi jkunu kreattivi. Xi wħud jgħallmu l-​Ingliż jew xi lingwa oħra, jgħinu lit-​tfal fl-​istudji tal-​iskola, joffru servizz taʼ ħjata jew taʼ tibjid fid-​djar, jew kwalunkwe ħaġ’oħra li jkunu kapaċi jagħmlu bħala xogħol part-​time. U dawk li jaqdu fejn il-​bżonn ikun akbar, kif iħossuhom dwar l-​istil taʼ ħajja li jgħixu? Il-​barkiet huma ħafna akbar mill-​isfidi!

[Kaxxa/​Stampa f’paġna 6]

Jistaʼ Jkun Diffiċli Tgħix ’il Bogħod mid-​Dar

Tiago jgħid: “Ftit wara li wasalt fil-​kongregazzjoni l-​ġdida bdejt insewwed qalbi. Il-​pubblikaturi fil-​belt kienu verament ftit u bilkemm kien hemm attivitajiet li stajt nagħmel fil-​ħin liberu tiegħi. Bdejt nimmissja kulma kont ħallejt warajja. Kont naf li kelli nagħmel xi ħaġa biex inħossni aħjar. Għalhekk, bdejt nagħmel sforz biex insir naf aħjar lill-​aħwa tal-​kongregazzjoni—u rnexxieli! Għamilt ħbieb ġodda, u ma domtx ma ħassejtni ferħan ħafna u bdejt inħossni komdu.”

[Stampa f’paġna 3]

Noemi u João Paulo fʼAscurra, Santa Catarina