Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova Jistaʼ Jaħfer—Xi Jfisser Dan Għalik?

Ġeħova Jistaʼ Jaħfer—Xi Jfisser Dan Għalik?

“Ġeħova [hu] Alla ħanin u grazzjuż, bil-​mod biex jirrabja . . . , jaħfer l-​iżball u l-​ksur tal-​liġi u d-​dnub.” —EŻO. 34:6, 7.

FITTEX IT-​TWEĠIBIET

Ġeħova x’għamel meta dinbu David u Manasse, u għala?

Ġeħova għala ma ħafirx lill-​ġens t’Iżrael?

X’għandna nagħmlu jekk irridu lil Ġeħova jaħfrilna?

1, 2. (a) Ġeħova x’tip t’Alla kien għall-​ġens t’Iżrael? (b) Dwar xiex se nitgħallmu f’dan l-​artiklu?

 FI ŻMIEN Neħemija, grupp taʼ Leviti ammettew f’talba pubblika li l-​ġens t’Iżrael ripetutament “ma ridux jisimgħu” mill-​kmandamenti taʼ Ġeħova. Imma Ġeħova ħafrilhom darba wara l-​oħra. Hu ‘Alla t’atti taʼ maħfra, grazzjuż u mimli ħniena, bil-​mod biex jirrabja u għani fil-​qalb tajba bl-​imħabba.’ Ġeħova kompla jurihom qalb tajba mhux mistħoqqa.—Neħ. 9:16, 17.

2 Kull wieħed u waħda minna jistaʼ jistaqsi lilu nnifsu, ‘Jien kif nistaʼ nibbenefika mill-​maħfra t’Alla?’ Biex niġu megħjunin inwieġbu din il-​mistoqsija importanti, ejja neżaminaw il-​mod kif Alla ttratta maʼ żewġt irġiel li bbenefikaw mill-​maħfra taʼ Ġeħova—is-​Sultan David u s-​Sultan Manasse.

ID-​DNUBIET SERJI TAʼ DAVID

3-5. Liema dnubiet serji kkommetta David?

3 Għalkemm David kien raġel li ried jobdi lil Alla, hu kkommetta dnubiet serji. Tnejn minn dawn involvew koppja miżżewġa, Urija u Batseba. Il-​konsegwenzi taʼ dawn id-​dnubiet kienu taʼ wġigħ għal dawk kollha involuti. Minkejja dan, il-​mod kif Alla kkoreġa lil David jgħallimna dwar il-​maħfra taʼ Ġeħova. Ejja naraw x’ġara.

4 David bagħat lill-​armata t’Iżrael biex tassedja lill-​belt kapitali tal-​Għammonin, Rabba. Din kienet tinsab xi 80 kilometru lejn il-​Lvant taʼ Ġerusalemm, fin-​naħa l-​oħra tax-​Xmara Ġordan. Sadanittant, mill-​bejt tal-​palazz tiegħu f’Ġerusalemm, David ra lil Batseba—mara miżżewġa—tinħasel. Żewġha kien mal-​armata. David tant ried lil Batseba li bagħat lil xi messaġġiera biex iġibuha l-​palazz, fejn hu kkommetta adulterju magħha.—2 Sam. 11:1-​4.

5 Meta David sar jaf li Batseba kienet tqila, qal lill-​kmandant tal-​armata tiegħu biex jibgħat lil Urija lura Ġerusalemm bit-​tama li dan ikollu relazzjonijiet sesswali magħha. Imma Urija lanqas biss ried jidħol id-​dar—minkejja l-​isforzi taʼ David biex jinkuraġġih jagħmel dan. Għalhekk, is-​sultan bil-​moħbi kiteb lill-​kmandant tal-​armata tiegħu biex lil Urija jpoġġih “fuq quddiem fl-​eħrex attakki tal-​battalja” u mbagħad jgħid lis-​suldati l-​oħrajn biex jabbandunawh. Urija ma damx ma nqatel mill-​għadu, sewwasew bħalma kien ippjana David. (2 Sam. 11:12-​17) Allura s-​sultan mhux talli kkommetta adulterju imma talli d-​dnub tiegħu għamlu saħansitra agħar billi qatel raġel innoċenti.

DAVID IBIDDEL L-​ATTITUDNI TIEGĦU

6. (a) Alla x’għamel wara li David dineb? (b) Dan x’jgħallimna dwar Ġeħova?

6 M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova jara kollox, u għalhekk kien jaf x’kien għamel David. (Prov. 15:3) Avolja s-​Sultan David iżżewweġ lil Batseba wara li miet Urija, “dak li kien għamel David deher ħażin f’għajnejn Ġeħova.” (2 Sam. 11:27) Allura x’għamel Alla? Bagħat lill-​profeta tiegħu Natan għand David. Ladarba Ġeħova hu Alla tal-​maħfra, hu ried juri ħniena maʼ David. Imma kellu bżonn isir jaf jekk David verament kienx niedem. Ma jqawwilekx qalbek il-​fatt li Ġeħova kien lest li jagħmel dan? Hu ma sforzax lil David jistqarr dnubietu, imma sempliċement qal lil Natan biex jgħid lis-​sultan storja li wriet kemm kienu serji d-​dnubiet taʼ David. (Aqra t-2 Samwel 12:1-​4.) Dan kien mod tajjeb ħafna biex Ġeħova jsir jaf kif David kien qed iħossu verament!

7. David kif ħassu meta semaʼ l-​istorja taʼ Natan?

7 Is-​sultan ħaseb li dak li ġara fl-​istorja taʼ Natan ma kienx ġust. David irrabja għar-​raġel għani tal-​istorja u qal lil Natan: “Daqskemm hu ħaj Ġeħova, ir-​raġel li għamel dan jistħoqqlu jmut!” David qal ukoll li għandu jingħata xi ħaġa lir-​raġel li nsterqitlu n-​nagħġa. Imma mbagħad Natan qal lil David: “Int hu dak ir-​raġel!” Dan ħasdu ħafna lil David. Natan qallu li minħabba dak li kien għamel, David kien se jġarrab traġedja u membri taʼ familtu kienu se jmutu b’mod vjolenti. Kien ukoll se jiġi umiljat fil-​pubbliku għal dnubietu. David irrealizza l-​gravità t’għemilu u b’dispjaċir ammetta: “Jien dnibt kontra Ġeħova.”—2 Sam. 12:5-​14.

DAVID JITLOB U ALLA JAĦFIRLU

8, 9. (a) F’Salm 51, David kif wera kif ħassu dwar dnubietu? (b) X’nistgħu nitgħallmu dwar Ġeħova minn Salm 51?

8 Is-​Sultan David iktar tard ikkompona Salm 51. Il-​kliem f’dan is-​salm juri kemm ħassu dispjaċut. David ittallab maʼ Ġeħova għall-​għajnuna. Imma għamel iktar milli sempliċement ammetta l-​ħażen tiegħu. Hu nidem ukoll minn dnubietu. Ir-​relazzjoni taʼ David m’Alla kienet l-​iktar ħaġa importanti għalih. Hu stqarr: “Kontrik u kontrik biss dnibt jien.” Lil Ġeħova talbu bil-​ħerqa: “Oħloq fija qalb pura, O Alla, u poġġi ġewwa fija spirtu ġdid, wieħed sod.” U talab: “Erġaʼ agħtini l-​ferħ tas-​salvazzjoni tiegħek, qajjem fija x-​xewqa li nobdik.” (Salm 51:1-​4, 7-​12) Meta int titkellem maʼ Ġeħova dwar l-​iżbalji li għamilt, tkun sinċier u onest miegħu daqskemm kien David?

9 Ġeħova ma pproteġiex lil David mill-​konsegwenzi ħżiena taʼ dnubietu. Dawk id-​dnubiet kienu se jkomplu jeffettwaw lil David għall-​kumplament taʼ ħajtu. Imma peress li David kellu “qalb maqsuma u mgħaffġa,” jew attitudni niedma, Ġeħova ħafirlu. (Aqra Salm 32:5; Salm 51:17) Alla li Jistaʼ Kollox jifhem is-​sentimenti u r-​raġunijiet veri li jġiegħlu lil individwu jidneb. Għalhekk, Alla ma qalx li l-​imħallfin umani kellhom jikkundannaw lil David u Batseba għall-​mewt, fi qbil mal-​Liġi Mosajka. (Lev. 20:10) Minflok, hu nnifsu ġġudika lil David u Batseba u wera ħniena magħhom. Maż-​żmien, binhom Salamun sar is-​sultan t’Iżrael.—1 Kron. 22:9, 10.

10. (a) Liema raġuni oħra għandu mnejn kien hemm biex Ġeħova jaħfer lil David? (b) Individwu x’għandu jagħmel biex jinħafer minn Ġeħova?

10 Forsi raġuni oħra għala Ġeħova ħafer lil David hi l-​fatt li David innifsu kien wera ħniena maʼ Sawl. (1 Sam. 24:4-​7) Bħalma spjega Ġesù, Ġeħova jittrattana bl-​istess mod li aħna nittrattaw lil oħrajn. Ġesù qal: “Tibqgħux tiġġudikaw biex ma tiġux ġudikati; għax bl-​istess ġudizzju li tiġġudikaw, tiġu ġudikati; u bil-​kejl li tkejlu, ikejlulkom.” (Mt. 7:1, 2) Huwa taʼ faraġ li nkunu nafu li Ġeħova jaħfrilna dnubietna, saħansitra dnubiet serji bħall-​adulterju jew il-​qtil! Imma se jaħfrilna biss jekk aħna nkunu lesti li naħfru lil oħrajn, jekk nistqarru dnubietna miegħu, u jekk inbiddlu l-​attitudni tagħna billi nqisu d-​dnubiet tagħna kif iqishom Ġeħova. Meta l-​midinbin jindmu sinċerament, Ġeħova jagħtihom “staġuni taʼ serħan,” jiġifieri jgħinhom ikollhom kuxjenza nadifa.—Aqra Atti 3:19.

MANASSE JIDNEB SERJAMENT IŻDA JINDEM

11. Is-​Sultan Manasse b’liema modi għamel dak li hu ħażin f’għajnejn Alla?

11 Il-​Bibbja tagħti eżempju ieħor li juri li Ġeħova hu lest li jaħfer anki dnubiet serji ħafna. Xi 360 sena wara li David beda jaħkem, Manasse sar is-​sultan taʼ Ġuda. Ġeħova kkundannah għad-​dnubiet diżgustanti li kkommetta matul il-​ħakma tiegħu taʼ 55 sena. Pereżempju, Manasse għamel artali lil Bagħal; qiem lix-​xemx, lill-​qamar, u lill-​kwiekeb; ħaraq lil uliedu bħala sagrifiċċju lil alla falz; u inkuraġġixxa lin-​nies biex jipprattikaw l-​ispiritiżmu. Iva, “għamel kemm felaħ dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova.”—2 Kron. 33:1-​6.

12. Manasse kif dar lura lejn Ġeħova?

12 Eventwalment, Manasse ttieħed minn art twelidu u ntefaʼ f’ħabs Babiloniż. Hemmhekk għandu mnejn ftakar fil-​kliem li Mosè qal lil Iżrael: “Meta tkun f’sitwazzjoni mwiegħra u fi tmiem il-​jiem jiġrilek skond dan il-​kliem kollu, imbagħad ikollok iddur lura lejn Ġeħova Alla tiegħek u tismaʼ leħnu.” (Dt. 4:30) Manasse dar lura lejn Ġeħova. Kif? Hu “baqaʼ jumilja ruħu ħafna” u ‘baqaʼ jitlob’ lil Alla (bħalma jidher fl-​istampa f’paġna 21). (2 Kron. 33:12, 13) Il-​Bibbja ma tgħidilniex il-​kliem eżatt li Manasse lissen f’dak it-​talb, imma hu possibbli li kien simili għall-​kliem tas-​Sultan David f’Salm 51. Kien x’kien il-​każ, nafu li Manasse biddel l-​attitudni tiegħu kompletament.

13. Ġeħova għala ħafer lil Manasse?

13 Ġeħova kif wieġeb għat-​talb taʼ Manasse? “Hu ħallieh [lil Manasse] jitolbu bil-​ħrara u Hu semaʼ s-​supplika tiegħu għall-​ħniena.” Manasse rrikonoxxa s-​serjetà taʼ dnubietu u kien verament niedem bħal David. Huwa għalhekk li Alla ħafer lil Manasse u ħallieh imur lura Ġerusalemm bħala s-​sultan. Minħabba f’hekk, “Manasse għaraf li Ġeħova hu l-​Alla l-​veru.” (2 Kron. 33:13) Kemm hu taʼ faraġ li nitgħallmu anki minn dan l-​eżempju li Ġeħova hu ħanin u jaħfer lil dawk li jkunu niedma ġenwinament!

ĠEĦOVA DEJJEM JAĦFER?

14. Ġeħova kif jiddeċiedi jekk jaħfirx lil individwu li jkun dineb?

14 Il-​biċċa l-​kbira min-​nies t’Alla qatt mhu se jkollhom jitolbuh jaħfrilhom dnubiet serji daqs dawk taʼ David u Manasse. Madankollu, il-​fatt li Ġeħova ħafer lil dawn iż-​żewġ slaten jgħinna nagħrfu li Alla tagħna hu lest li jaħfer saħansitra dnubiet gravi jekk il-​midneb ikun verament niedem.

15. Kif nafu li l-​maħfra taʼ Ġeħova mhijiex awtomatika?

15 M’għandniex xi ngħidu, ma nkunux korretti jekk nikkonkludu li Ġeħova awtomatikament jaħfer id-​dnubiet tal-​bnedmin kollha. Rigward dan, ejja nqabblu l-​attitudni taʼ David u Manasse maʼ dik tan-​nies diżubbidjenti t’Iżrael u Ġuda. Alla bagħat lil Natan għand David u tah l-​opportunità biex ibiddel l-​attitudni tiegħu. David b’apprezzament aċċetta din l-​offerta. Meta Manasse sab ruħu f’sitwazzjoni mwiegħra, hu tqanqal biex jindem sinċerament. Però, l-​abitanti t’Iżrael u Ġuda spiss ma nidmux. Għalhekk, Ġeħova ma ħafrilhomx. Minflok, darba wara l-​oħra bagħat lill-​profeti tiegħu biex jgħidulhom kif qies il-​kondotta diżubbidjenti tagħhom. (Aqra Neħemija 9:30.) Anki wara li l-​Iżraelin minn Babilonja marru lura Ġuda, Ġeħova kompla jibagħtilhom messaġġiera leali, bħall-​qassis Esdra u l-​profeta Malakija. Meta n-​nies aġixxew fi qbil mar-​rieda taʼ Ġeħova, huma esperjenzaw ferħ kbir.—Neħ. 12:43-​47.

16. (a) Xi ġralhom il-​ġens t’Iżrael minħabba li rrifjutaw li jindmu minn dnubiethom? (b) Ġeħova liema opportunità jagħti lil dawk li huma dixxendenti tal-​ġens t’Iżrael?

16 Ġeħova m’għadux jaċċetta s-​sagrifiċċji tal-​annimali li kienu mitlubin mill-​ġens t’Iżrael. Minflok, hu bagħat lil Ġesù fuq l-​art biex ikun is-​sagrifiċċju perfett bħala fidwa għall-​umanità kollha. (1 Ġw. 4:9, 10) Meta Ġesù kien fuq l-​art, hu tkellem dwar Ġerusalemm b’mod li wera kif Ġeħova ħassu dwarha. Hu qal: “Ġerusalemm, Ġerusalemm, il-​qattiela tal-​profeti u l-​ħaġġara taʼ dawk li ntbagħtulha! Kemm-​il darba ridt niġbor lil uliedek flimkien, kif qroqqa tiġbor il-​flieles tagħha taħt ġwinħajha! Imma intom dan ma ridtuhx.” Allura Ġesù ddikjara: “Ara! Darkom mitluqa f’idejkom.” (Mt. 23:37, 38) B’hekk, Iżrael spiritwali ħa post il-​ġens midneb li ma weriex indiema. (Mt. 21:43; Gal. 6:16) Imma xi ngħidu għall-​membri individwali t’Iżrael naturali? Ġeħova lest li jaħfrilhom u jurihom ħniena jekk ikollhom fidi f’Alla u fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu. Matul l-​irxoxt fuq l-​art, Ġeħova se jkun lest ukoll li jaħfer lin-​nies li mietu mingħajr ma nidmu minn dnubiethom.—Ġw. 5:28, 29; Atti 24:15.

NIBBENEFIKAW MILL-​MAĦFRA TAʼ ĠEĦOVA

17, 18. Kif nistgħu nirċievu l-​maħfra taʼ Ġeħova?

17 Ladarba Ġeħova lest li jaħfrilna, x’għandna nagħmlu? Ċertament li għandna naġixxu kif aġixxew David u Manasse. Għandna nirrikonoxxu li nidinbu, għandna nindmu minn dnubietna, nitolbu bil-​ħrara lil Ġeħova biex jaħfrilna, u nistaqsuh jgħinna ninħelsu mix-​xewqat ħżiena tagħna. (Salm 51:10) Jekk dnibna serjament, għandna wkoll infittxu l-​għajnuna spiritwali tal-​anzjani. (Ġak. 5:14, 15) Kienu kemm kienu serji dnubietna, huwa taʼ faraġ li niftakru li Ġeħova hu “Alla ħanin u grazzjuż, bil-​mod biex jirrabja u għani fil-​qalb tajba bl-​imħabba u l-​verità, jerfaʼ l-​qalb tajba bl-​imħabba għal eluf, jaħfer l-​iżball u l-​ksur tal-​liġi u d-​dnub.” Ġeħova ma nbidilx.—Eżo. 34:6, 7.

18 Ġeħova wiegħed lill-​Iżraelin nedmin li kien se jaħfrilhom kompletament. Hu qal li dnubiethom kienu bħal tebgħa ħamra, imma li kien se jagħmilhom nodfa bħal “silġ” abjad. (Aqra Isaija 1:18.) Allura kif nistgħu nibbenefikaw mill-​maħfra taʼ Ġeħova? Nistgħu ninħafru kompletament minn dnubietna dment li napprezzaw il-​maħfra taʼ Ġeħova u nindmu.

19. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

19 Kif nistgħu nkunu lesti li naħfru lil oħrajn bħalma Ġeħova lest li jaħfer lin-​nies? Kif nistgħu naħfru meta oħrajn jikkommettu dnubiet serji u mbagħad jindmu sinċerament? L-​artiklu li jmiss se jgħinna neżaminaw lil qalbna stess sabiex insiru iktar bħal Missierna, Ġeħova, li hu ‘tajjeb u lest li jaħfer.’—Salm 86:5.

[Mistoqsijiet ta’ Studju]

[Stampa f’paġna 24]

Minħabba l-​maħfra taʼ Ġeħova, Manasse tħalla jmur lura Ġerusalemm bħala s-​sultan