Iż-Żejjed Tagħhom Għamel Tajjeb għan-Nieqes
KIENET is-sena 49 E.K. Pietru, Ġakbu, u Ġwanni—“li kienu jidhru li huma kolonni”—taw inkarigu lill-appostlu Pawlu u lill-ħaddiem sieħbu Barnaba. Dawn kellhom iżommu f’moħħhom lill-Kristjani foqra waqt li jippritkaw lill-ġnus. (Gal. 2:9, 10) Kif ġiet imwettqa din ir-responsabbiltà?
L-ittri taʼ Pawlu juru kemm hu ta importanza lil dan is-suġġett. Pereżempju, hu kiteb lill-Kristjani f’Korintu: “Issa dwar il-ġbir għall-qaddisin, agħmlu intom ukoll bħalma ordnajt lill-kongregazzjonijiet tal-Galazja. Kull l-ewwel jum tal-ġimgħa ħa jwarrab xi ħaġa kull wieħed minnkom skond ma jistaʼ u jfaddalha f’daru stess, sabiex il-ġbir ma jsirx meta niġi. U meta nasal hemmhekk, lil dawk kollha li tapprovawhom bl-ittri nibgħathom biex jieħdu Ġerusalemm l-għotja li għamiltu b’qalb tajba.”—1 Kor. 16:1-3.
Fit-tieni ittra ispirata tiegħu lill-Korintin, Pawlu reġaʼ semma l-iskop tal-ġbir. Kien biex kulħadd ikun indaqs; iż-żejjed li kellhom dak il-ħin jagħmel tajjeb għan-nieqes taʼ ħaddieħor.—2 Kor. 8:12-15.
Meta Pawlu kiteb lill-Kristjani f’Ruma, madwar is-sena 56 E.K., il-ġbir kien kważi lest. Hu qal: “Dalwaqt nivvjaġġa lejn Ġerusalemm biex naqdi lill-qaddisin. Għax dawk fil-Maċedonja u l-Akaja għoġobhom jagħtu minn dak li għandhom permezz taʼ kontribuzzjoni lill-foqra fost il-qaddisin f’Ġerusalemm.” (Rum. 15:25, 26) Pawlu wettaq l-inkarigu tiegħu ftit wara dan, għax malli wasal Ġerusalemm u ġie arrestat, hu qal lill-Gvernatur Ruman Feliċ: “Ġejt inġib għotjiet taʼ ħniena lil ġensi kif ukoll xi offerti.”—Atti 24:17.
L-ispirtu li wrew il-Kristjani tal-ewwel seklu jidher ċar minn dak li Pawlu qal dwar il-Maċèdonin. Hu qal li huma “baqgħu jitolbuna bi ħrara kbira biex ikollhom il-privileġġ li jagħtu b’qalb tajba.” L-appostlu ħeġġeġ lill-Korintin biex isegwu dak l-eżempju. Hu qal: “Ħa jagħmel kull wieħed bħalma jkun iddeċieda f’qalbu, mhux kontra qalbu jew bilfors, għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.” X’ġiegħel lill-kongregazzjonijiet juru ġenerożità bħal din? Ix-xewqa li kellhom ma kinitx ‘biss li jipprovdu bl-abbundanza l-bżonnijiet tal-qaddisin imma wkoll li jkunu għonja b’ħafna espressjonijiet taʼ radd il-ħajr lil Alla.’ (2 Kor. 8:4; 9:7, 12) Il-ġenerożità tagħna jistaʼ jkollha intenzjoni simili. Alla Ġeħova żgur li se jbierek attitudni tajba u altruista—u l-barka tiegħu ġġib l-għana.—Prov. 10:22.
[Kaxxa f’paġna 9]
KIF XI WĦUD JAGĦŻLU LI JAGĦTU KONTRIBUZZJONIJIET GĦAX-XOGĦOL TAʼ MADWAR ID-DINJA
Bħal fi żmien l-appostlu Pawlu, ħafna llum ‘iwarrbu xi ħaġa,’ jew ifaddlu ammont taʼ flus u jitfgħuhom fil-kaxxi għall-kontribuzzjonijiet tal-kongregazzjoni mmarkati “Xogħol taʼ Madwar id-Dinja.” (1 Kor. 16:2) Kull xahar, il-kongregazzjonijiet jibagħtu dawn il-kontribuzzjonijiet lill-uffiċċju tax-Xhieda taʼ Ġeħova li jieħu ħsieb ix-xogħol f’pajjiżhom. Tistaʼ tibgħat ukoll donazzjonijiet direttament lill-entità legali li x-Xhieda taʼ Ġeħova jużaw f’pajjiżek. Biex tkun taf l-isem tal-entità legali ewlenija li x-Xhieda taʼ Ġeħova jużaw f’pajjiżek, jekk jogħġbok ikkuntattja l-uffiċċju tal-fergħa li jieħu ħsieb ix-xogħol fil-pajjiż. L-indirizz tal-uffiċċju tal-fergħa jistaʼ jinstab fuq www.pr418.com. Id-donazzjonijiet li tistaʼ tibgħat direttament huma dawn:
DONAZZJONIJIET GĦALKOLLOX
• Donazzjonijiet taʼ flus kontanti, ġojjelli, jew oġġetti oħrajn personali.
• Inkludi ittra li tindika li l-flus kontanti jew l-oġġetti l-oħrajn huma donazzjoni għalkollox.
ARRANĠAMENT TAʼ DONAZZJONI KUNDIZZJONALI
• Donazzjonijiet taʼ flus kontanti bil-kundizzjoni li jistgħu jingħataw lura jekk id-donatur ikollu bżonnhom.
• Inkludi ittra li tgħid li din hi donazzjoni kundizzjonali.
IPPJANAR ĠENERUŻ
Minbarra għotjiet taʼ flus u oġġetti personali taʼ valur, hemm modi oħrajn kif wieħed jistaʼ jikkontribwixxi għas-servizz tas-Saltna madwar id-dinja. Dawn huma mniżżlin hawn taħt. Hu x’inhu l-mod jew il-modi li tixtieq tuża, jekk jogħġbok l-ewwel ikkuntattja l-uffiċċju tal-fergħa li jieħu ħsieb ix-xogħol f’pajjiżek biex tara liema mill-modi li ġejjin japplikaw fil-pajjiż. Ladarba l-ħtiġijiet legali u l-liġijiet tat-taxxa jvarjaw, hu importanti li tieħu parir taʼ konsulent ikkwalifikat fit-taxxa u l-liġi qabel ma tagħżel l-aħjar mod kif tagħti donazzjoni.
Assikurazzjoni: Donazzjoni li ssir billi tispeċifika entità li tintuża mix-Xhieda taʼ Ġeħova bħala l-benefiċjarja taʼ polza t’assikurazzjoni fuq il-ħajja jew taʼ pjan taʼ rtirar mix-xogħol jew pensjoni.
Kontijiet fil-Bank: Kontijiet fil-bank, ċertifikati taʼ depożitu, jew kontijiet individwali taʼ rtirar mix-xogħol jistgħu jingħataw b’fedekommess jew jintgħamlu pagabbli mal-mewt lill-entità li tintuża mix-Xhieda taʼ Ġeħova fi qbil mal-ħtiġijiet tal-banek lokali.
Ishma u Titoli: Ishma u titoli jingħataw b’donazzjoni lill-entità użata mix-Xhieda taʼ Ġeħova bħala għotja għalkollox jew titniżżel bħala l-benefiċjarja f’każ taʼ mewt.
Proprjetà Immobbli: Proprjetà immobbli li tistaʼ tinbiegħ tistaʼ tingħata b’donazzjoni lill-entità użata mix-Xhieda taʼ Ġeħova, jew bħala għotja għalkollox jew, f’każ taʼ proprjetà residenzjali, billi d-donatur iżomm il-proprjetà u jkompli jgħix fiha sakemm idum ħaj.
Ħlas Annwali mill-Għotja: Flus jew titoli taʼ sigurtà li jingħataw lil entità magħżula mix-Xhieda taʼ Ġeħova b’arranġament li fih dak li jagħti l-flus, jew xi ħadd magħżul minnu, jirċievi ħlas speċifiku kull sena matul ħajtu kollha. Il-wieħed li jagħti l-flus titnaqqaslu t-taxxa tad-dħul għas-sena li fiha tiġi stabbilita l-għotja annwali.
Testmenti u Fedekommessi: Jistgħu jitħallew flus jew proprjetà lill-entità użata mix-Xhieda taʼ Ġeħova permezz taʼ testment effettwat bil-liġi, jew inkella billi tiġi speċifikata l-entità bħala l-benefiċjarja taʼ ftehim fedekommess. Dan l-arranġament jistaʼ jipprovdi ċerti vantaġġi mit-taxxa.
Bħalma jimplika t-terminu “ppjanar ġeneruż,” dawn it-tipi taʼ donazzjonijiet ġeneralment jirrikjedu xi ppjanar min-naħa tad-donatur. Tħejja browxer bl-Ingliż u bl-Ispanjol intitolat Charitable Planning to Benefit Kingdom Service Worldwide biex jgħin lill-individwi li jkunu jixtiequ jagħmlu xi tip taʼ ppjanar ġeneruż għall-benefiċċju tax-xogħol taʼ madwar id-dinja tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Il-browxer inkiteb biex jipprovdi informazzjoni rigward il-modi differenti kif jistgħu jintgħamlu l-għotjiet issa jew b’testment mal-mewt. L-informazzjoni li fih il-browxer tistaʼ ma tapplikax għalkollox fis-sitwazzjoni tiegħek minħabba liġijiet taʼ taxxa jew liġijiet oħra f’pajjiżek. Għalhekk, wara li taqra l-browxer għandek tieħu parir mingħand il-konsulent legali jew il-konsulent tat-taxxa tiegħek. Billi użaw modi taʼ ppjanar ġeneruż bħal dawn, ħafna setgħu jappoġġaw l-attivitajiet reliġjużi u umanitarji tagħna madwar id-dinja u jieħdu l-benefiċċju massimu mit-taxxa tagħhom. Jekk il-browxer hu disponibbli f’pajjiżek, dan jistaʼ jinkiseb billi tistaqsi għal kopja mingħand is-segretarju tal-kongregazzjoni lokali.
Għal iktar informazzjoni tistaʼ tikkuntattja liċ-Charitable Planning Office, b’ittra jew bit-telefown, fl-indirizz t’hawn taħt jew tistaʼ tikkuntattja l-uffiċċju tal-fergħa li jieħu ħsieb ix-xogħol f’pajjiżek.
CHARITABLE PLANNING OFFICE
Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
100 Watchtower Drive
Patterson, New York 12563-9204
Telefown: (845) 306-0707