Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Il-kliem taʼ Ġesù li nsibu f’Mattew 19:10-12 jagħti x’jifhem li dawk li jagħżlu li jibqgħu ma jiżżewġux ikunu rċivew din l-għotja b’xi mod misterjuż?
▪ Ikkunsidra s-sitwazzjoni li fiha Ġesù tkellem dwar li wieħed ma jiżżewwiġx. Meta xi Fariżej marru għandu u qabduha fuq id-divorzju, Ġesù wera ċar x’inhu l-livell taʼ Ġeħova għaż-żwieġ. Waqt li l-Liġi ppermettiet li raġel jikteb ċertifikat tad-divorzju lil martu fil-każ li jkun skopra “xi ħaġa indeċenti” fiha, dan ma kienx hekk mill-bidu. (Dt. 24:1, 2) Imbagħad Ġesù qal: “Kulmin jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba ż-żína, u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju.”—Mt. 19:3-9.
Meta semgħu dan, id-dixxipli qalu: “Jekk din hi s-sitwazzjoni taʼ raġel maʼ martu, ma jaqbillekx tiżżewweġ.” Ġesù wieġeb: “Mhux kulħadd jagħmel il-wisaʼ għal dan il-kliem, imma dawk biss li għandhom din l-għotja. Għax hemm ewnuċi li twieldu hekk minn ġuf ommhom, u hemm ewnuċi li ntgħamlu ewnuċi mill-bnedmin, u hemm ewnuċi li għamlu lilhom infushom ewnuċi minħabba s-saltna tas-smewwiet. Min jistaʼ, ħa jagħmel il-wisaʼ għal dan.”—Mt. 19:10-12.
Ewnuċi letterali kienu dawk li twieldu hekk minħabba xi difett fit-twelid, jew inkella ġew hekk minħabba xi aċċident jew qtugħ tal-organi ġenitali. Madankollu, kien hemm ukoll dawk li minn jeddhom għamlu lilhom infushom ewnuċi. Għalkemm setgħu jiżżewġu, huma eżerċitaw ir-rażan u baqgħu ma żżewġux “minħabba s-saltna tas-smewwiet.” Bħal Ġesù, huma għażlu li jibqgħu ma jiżżewġux sabiex ikunu jistgħu jintefgħu b’ruħhom u ġisimhom fis-servizz tas-Saltna. La twieldu bl-għotja li ma jiżżewġux u lanqas ma ngħataw din l-għotja. Huma fir-realtà għamlu l-wisaʼ għaliha. Jiġifieri kisbu din l-għotja għax riedu.
Meta kompla maʼ dak li qal Ġesù, l-appostlu Pawlu spjega li waqt li l-Kristjani kollha—miżżewġin jew le—jistgħu jaqdu lil Alla b’mod aċċettabbli, dawk li huma ‘determinati f’qalbhom’ li ma jiżżewġux, ‘jagħmlu aħjar.’ Dan kif? Il-miżżewġin iridu jaqsmu l-ħin u l-enerġija tagħhom biex jogħġbu u jieħdu ħsieb xulxin. Mill-banda l-oħra, Kristjani mhux miżżewġin jistgħu jagħmlu s-servizz tal-Mulej mingħajr dak l-obbligu. Huma jqisu l-pożizzjoni tagħhom “għotja” mingħand Alla.—1 Kor. 7:7, 32-38.
Għalhekk, l-Iskrittura tgħidilna li Kristjan ma jirċivix l-għotja li ma jiżżewwiġx b’xi mod misterjuż. Pjuttost jikkultivaha billi jibqaʼ ma jiżżewwiġx biex javanza l-interessi tas-Saltna bla tfixkil. Ħafna llum huma determinati f’qalbhom li jibqgħu ma jiżżewġux għal din ir-raġuni, u oħrajn jagħmlu sewwa li jkunu sors taʼ inkuraġġiment għalihom.